Il-GWU iddaħħal €1.6 miljun fis-sena minn fuq il-‘persuni qiegħda’, ikkonferma l-Awditur Ġenerali

F'Għawdex ma nstabux rekords ta' attendenza

 

Dejta misluta minn rapport ieħor tal-Awditur Ġenerali turi li l-GWU, li ilha tmexxi l-Iskema tal-Ħaddiema tal-Komunità minn meta nħolqot fl-2015, qed titlob ħlas ta’ €112.40 (apparti l-VAT) fix-xahar mingħand il-gvern Malti għal kull ħaddiem tal-komunità bħala “taraffa amministrattiva”.

L-akbar trade union f’Malta, il-General Workers Union (GWU), qed iddaħħal €1.6 miljun fis-sena talli tmexxi skema tal-gvern li fil-bidu kienet maħsuba biex tħarreġ lill-persuni li jkun ilhom qiegħda għal żmien twil, iżda fil-prattika spiċċat saret aġenzija tar-reklutaġġ tal-gvern.

Skont l-aħħar informazzjoni ppreżentata fil-parlament mill-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana, sa tmiem is-sena l-oħra (l-2022), kien hemm 1,200 persuna ‘mingħajr impjieg’ jipparteċipaw fl-iskema, jiġifieri d-doppju tal-ammont li bdiet bih fl-2015.

L-għadd tal-persuni fl-Iskema kompla jiżdied saħansitra meta Malta kienet qed iżżid ukoll il-permessi tax-xogħol għall-persuni minn pajjiżi terzi minħabba d-domanda għax-xogħol.

Filwaqt li l-GWU għandha l-għan li tiddefendi u ttejjeb id-drittijiet tal-ħaddiema f’kull settur, issa b’din l-Iskema aktar ma jkun hemm persuni bla xogħol, aktar iddaħħal fondi minnha.

Din l-idea mwellda mill-Ministru tal-Finanzi attwali Clyde Caruana, l-Iskema tal-Ħaddiema tal-Komunità kienet maħsuba bħala skema ta’ taħriġ limitata għall-persuni li kien ilhom jirreġistraw għax-xogħol u jieħdu l-benefiċċji aktar minn sentejn.

Eventwalment, fi ftit żmien, l-Iskema ta’ Caruana saret skema ġdida ta’ impjiegi għall-voti u n-numru ta’ parteċipanti fiha spiċċa żdied flok naqas, filwaqt li fil-frattemp il-union kompliet tagħmel il-miljuni tal-ewro minn fuqha għax aktar ma jkun hawn persuni mingħajr impjieg, aktar tirċievi flus il-union minn dan il-ftehim li għandha mal-gvern.

X’qed jiġri f’Għawdex

Filwaqt li l-GWU qed titlob ħlas ta’ kważi €500,000 fis-sena mingħand il-Ministeru għal xi 355 Għawdxi(ja) fl-Iskema, l-NAO sab bosta diskrepanzi.

Meta stħarreġ kampjun, l-NAO sab fost l-oħrajn li “l-għadd totali ta’ sigħat fil-ġimgħa fuq il-folji tal-attendenza ta’ persuna li taħdem fil-manutenzjoni u t-tindif ma kienx jgħaqqad l-40 siegħa fil-ġimgħa li kienet mistennija taħdem. U minn kampjun ta’ ġimgħa sħiħa ta’ persuna oħra inkarigata mit-tindif ta’ bajja nstab li ma ġie rrappurtat l-ebda ħin tal-bidu u tal-waqfiet.”

Meta mistoqsi għal spjegazzjoni, is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru John Borg qal li dan ġara minħabba xi żbalji. F’waħda mill-ispjegazzjonijiet tiegħu, is-segretarju permanenti qal lill-uffiċjali tal-Awditur Ġenerali li “l-ħaddiem tal-komunità li kien inkarigat mill-manutenzjoni u t-tindif bi żball immarka l-pawsiet tiegħu bħala siegħa u nofs (1.5hr) minflok il-15-il minuta permessi”.

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

L-avukati difensuri ta’ Muscat kienu fost il-mistednin il-Barbados
Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga lil Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo