Konsulenza fantażma fil-Ministeru tat-Turiżmu tixħet dubji fuq it-trasparenza

Il-Ministeru tat-Turiżmu mmexxi mill-Ministru Clayton Bartolo ċaħad li teżisti xi konsulenza moħbija fil-ġerarkiji tal-ministeru, u dan minkejja li dokumentazzjoni uffiċjali tissuġġerixxi mod ieħor u toħloq dubji fuq it-trasparenza u l-akkontabbiltà fil-ministeru.

The Shift jista’ jirrapporta li assistent surmast ta’ skola primarja dehret bi prominenza f’diversi ritratti mal-ministru Bartolo, għandha indirizz tal-email uffiċjali tal-ministeru u tissemma f’lista uffiċjali bħala konsulenta tal-ministeru, iżda hi qed tiċħad li taħdem hemm. L-anomalija ħarġet fid-dieher fost bosta istanzi riċenti ta’ konsulenzi ‘fantażma’ fl-istituzzjonijiet tal-gvern li qed jiswew lill-poplu l-eluf tal-ewro.

Sylvana Mifsud, il-persuna inkwistjoni tissemma wkoll f’dokument tar-reġistrazzjoni tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) kemm bħala membru fil-bord tal-WSC u anki bħala konsulenta tal-Ministeru tat-Turiżmu. Infatti dan jelenkaha saħansitra riċentement f’Lulju 2023 bħala “konsulenta part-time fil-Ministeru tat-Turiżmu.”

Mifsud hi wkoll is-segretarja tal-grupp ta’ riflessjoni tal-ekonomija diġitali tal-Ministeru tat-Turiżmu u mill-2020 ‘l hawn dehret f’bosta ritratti mal-ministru Bartolo. Minkejja dan, Bartolo qal lil The Shift li “Hi qatt ma ħadmet mal-ministeru jew mas-segretarjat tiegħu.”

Dokument disponibbli għall-pubbliku dwar ir-reġistrazzjoni ta’ sussidjarja tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma msejħa “Clear Flow Plus”, f’Lulju li għadda jsemmi lil Mifsud bħala konsulenta part-time fil-Ministeru tat-Turiżmu, fost impjiegi oħra mal-gvern.

 

Ix-xahar l-ieħor, id-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott għamel mistoqsija parlamentari lil Bartolo għal informazzjoni dwar il-konsulenzi li għandha Mifsud, iżda fit-tweġiba ma ssemmiet l-ebda waħda. Meta mistoqsi direttament minn The Shift jekk il-ministeru impjegax lil xi konsulenti mhux imsemmija fil-lista mogħtija fil-parlament, Bartolo qal li sa fejn jaf hu, hi m’għandha l-ebda relazzjoni mal-Ministeru tat-Turiżmu, u li kieku kien hemm xi konsulenza, hu kien jinkludiha fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsija parlamentari. Żied jgħid li hi qatt ma kienet konsulenta fil-ministeru jew fl-aġenziji tiegħu, jew parti mis-segretarjat tal-ministeru.

Meta The Shift kitbilha fuq l-indirizz tal-email uffiċjali tagħha, Mifsud wieġbet l-istess email u qalet li dak l-indirizz kien inħoloq bi żball u minn dakinhar sal-lum hi qatt ma kienet użatu. Dan minkejja l-fatt li kienet daħlet fl-email biex setgħet taqra u twieġeb l-email ta’ The Shift. Fit-tweġiba pronta tagħha għall-mistoqsijiet ta’ The Shift dwar l-indirizz “li ma jintużax” u “li nħoloq bi żball”, hi qalet li la kienet konsulenta mas-Segretarjat tal-Ministeru tat-Turiżmu u lanqas kellha xi rwol bħala konsulenta fil-Ministeru tat-Turiżmu. Mhuwiex ċar jekk Mifsud hix impjegata fi rwol ieħor fil-ministeru.

The Shift ċempel lir-reception tal-Ministeru tat-Turiżmu u staqsa għal Mifsud. Filwaqt li ma kellhomx isimha elenkat fost il-ħaddiema tal-Ministeru, huma qalulna li “hawn tkun”.

Is-sitwazzjoni tixħet dubji fuq it-trasparenza u l-akkontabbiltà fil-Ministeru tat-Turiżmu u toħloq mistoqsijiet dwar minjaf kemm jeżistu non-konsulenti oħra ingaġġati b’mod mhux ċar mal-awtoritajiet tal-gvern. Ix-xahar l-ieħor biss, The Shift irrapporta kif kuntratt ta’ konsulenza li jħaddem lill-eks Deputata Laburista Rosianne Cutajar fl-Istitut tal-Istudji Turistiċi, fir-responsabbiltà wkoll tal-ministeru tat-turiżmu, kien inħeba mis-sergretarjat tiegħu stess.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

F’seba’ snin, l-ERA approvat il-qlugħ ta’ 3,400 siġra protetta
Read in English. Matul l-aħħar seba’ snin, l-Awtorità tal-Ambjent
Il-VistaJet tiftaħ kawża ta’ €386 miljun kontra kumpanija rivali
Read in English. Il-kumpanija tat-titjiriet privati VistaJet, irreġistrata f’Malta,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo