Abbuż sistematiku u serq fis-sahra u fl-allowances fl-Isptar Monte Carmeli

Uħud instabu li qed jirċievu d-doppju tal-paga bażika tagħhom fi ħlasijiet addizzjonali

 

Fl-operat tas-Servizzi tas-Saħħa Mentali tal-gvern, li fl-2022 swew lill-poplu aktar minn €61 miljun, instabet diżorganizzazzjoni totali, u bosta mill-impjegati f’dawn is-servizzi rċevew għexieren tal-eluf tal-ewro f’sahra u allowances mhux dokumentati. Hekk ħareġ minn rapport ġdid li għadu kif ippubblika l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali, l-NAO.

Filwaqt li din is-sitwazzjoni diġà ħarġet fid-dieher bil-każ riċenti tal-President tal-MUMN, Paul Pace, li nstab li tħallas allowances u sahra saħansitra waqt li kien qiegħed btala barra mill-pajjiż, fost bosta abbużi oħrajn li baqgħu ma ġewx ippubblikati, ir-rapport il-ġdid tal-Awditur jixħet dawl fuq aktar każijiet ta’ abbuż u serq fis-settur tal-kura tas-saħħa mentali f’Malta.

L-Awdittur Ġenerali sab li bosta ħaddiema tal-Isptar Monte Carmeli, li jaqgħu fir-responsabbiltà politika tal-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, kienu qed jitolbu ammonti sinifikanti ta’ sahra sal-punt li ma seta’ qatt ikun possibbli.

Skont il-kampjuni li ġew ittestjati mill-ammont ta’ sahra u allowances imħallsa lil xi ħaddiema fl-2022, instab li wħud mill-ħaddiema, fosthom meniġer superjuri tal-infermiera, carer superjuri tas-saħħa u impjegat fil-kċina, b’xi mod irnexxielhom ‘jaħdmu’ tant li s-sahra tagħhom qabżet il-salarju bażiku totali tagħhom, u rdoppjat id-dħul oriġinali tagħhom. Dan minkejja li ma nstab l-ebda rekord dwar l-attendenza proprja tagħhom u l-ebda rendikont tas-sigħat li jikkonferma d-dikjarazzjonijiet tagħhom, iżda l-ħlasijiet xorta ngħatawlhom.

Fil-każ ta’ xi konsulenti mediċi, l-allowances li tħallsu qabżu s-salarju bażiku tagħhom b’persentaġġi li jlaħħqu mal-200%.

Minkejja dawn il-bozoz ħomor evidenti, ħadd mid-diriġenti tal-Isptar Monte Carmeli ma ħa xi azzjoni, u l-Awditur Ġenerali sab nuqqas ta’ kontrolli, verifiki, u proċeduri xierqa li jiżguraw li ma jsirx serq.

L-Isptar Monte Carmeli jitmexxa mis-CEO Stephanie Xuereb, mart iċ-Chairman maħtur politikament tal-OHSA, David Xuereb.

Dr Stephanie Xuereb u l-Ministru Chris Fearne

F’każ partikolari identifikat mill-Awditur Ġenerali, student speċjalista bażiku (tabib novell) qal lill-awdituri li f’ġimgħa partikolari, hu ħadem żewġ perjodi mhux interrotti ta’ 31 siegħa l-wieħed u xift ta’ 24 siegħa. Dan ifisser li hu ddikjara u tħallas għal total ta’ 93 siegħa konsekuttiva mingħajr irqad jew pawsiet tal-mistrieħ.

“L-NAO għandu r-riżervi tiegħu dwar jekk huwiex possibbli li uffiċjal jaħdem dawk is-sigħat twal, mingħajr mistrieħ, ħlief it-tnaqqis uffiċjali għal pawsa ta’ 15-il minuta f’żewġ istanzi minn tlieta,” qal l-Awditur Ġenerali b’mod diplomatiku.

Il-ħlasijiet żejda kienu l-ordni tal-ġurnata

Tabib minnhom instab li rċieva allowances talli ħadem tliet Iħdud kull xahar meta effettivament kien ħadem biss tliet Iħdud f’sena, u b’hekk tħallas €6,480 żejda.

Filwaqt li l-ħin tal-pawsiet ħafna drabi ġie kkalkulat bħala sahra, uħud mill-professjonisti, b’mod partikolari l-infermiera, ħadu l-leave waqt xifts normali tax-xogħol iżda mbagħad, immedjatament warajhom, għamlu perjodi twal ta’ sahra.

L-awditjar kixef ukoll okkurrenzi regolari, partikolarment fost il-professjonisti, meta kienu qed jingħataw servizzi lil terzi persuni u lil dipartimenti oħra tal-gvern u tħallsu għalihom, meta suppost kienu fuq il-lant tax-xogħol fl-Isptar Monte Carmeli.

Apparti s-salarju tiegħu, psikologu ewlieni rċieva wkoll €44,000 f’allowances għal servizzi li ta bħala espert tal-qorti waqt is-sigħat regolari tax-xogħol. Madankollu, l-Awditur Ġenerali ma ngħata l-ebda dokument li jsostni s-sigħat maħduma u d-dati eżatti ta’ dan is-‘servizz’.

L-NAO innota wkoll li filwaqt li diġà kienu ġew identifikati istanzi simili f’rapport tal-awditjar li sar fl-2014, is-sitwazzjoni baqgħet kif kienet.

Fatt interessanti hu li malli beda l-awditjar tal-Awditur Ġenerali, uffiċjal tas-Servizzi tas-Saħħa Mentali li kien responsabbli mill-ħruġ tal-pagi għal ħafna mill-2022 ħareġ b’long leave.

Ma ngħatat “l-ebda handover xierqa, u dan avolja d-diriġenti kellhom biżżejjed żmien biex isibu sostitut, għax dawn kienu jafu bis-sitwazzjoni minn ferm qabel,” qal l-NAO.

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

L-avukati difensuri ta’ Muscat kienu fost il-mistednin il-Barbados
Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga lil Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo