L-Ewrobarometru: il-Maltin jibżgħu li se jonqos il-livell tal-għajxien, jafdaw id-demokrazija tal-UE iżjed minn ta’ Malta

Il-maġġoranza tal-Maltin u l-Għawdxin mhumiex kuntenti fuq kif qed jimxu l-affarijiet fil-pajjiż, bil-wisq qed jibżgħu li se jonqos il-livell tal-għajxien tagħhom u qed iqisu d-demokrazija u s-saltna tad-dritt bħala materji ewlenin li jeħtieġ jiġu indirizzati. Dan joħroġ mill-aħħar stħarriġ tal-Ewrobarometru li ġie ppubblikat illum.

L-Ewrobarometru hu stħarriġ tal-opinjoni pubblika li jsir minn żmien għal żmien f’isem l-istituzzjonijiet Ewropej u li hu mmirat għar-residenti tal-Istati Membri tal-UE. L-istħarriġ ta’ qabel kien sar f’Marzu 2023 fil-livell tal-UE u fost ir-residenti Maltin, filwaqt li din l-edizzjoni saret bejn Settembru u Ottubru ta’ din is-sena.

L-aħħar riżultati joħorġu fid-dieher li nofs ir-rispondenti Maltin ma jemmnux li l-affarijiet mexjin sew f’Malta, u madwar 85% jemmnu li l-livell tal-għajxien tagħhom se jkun qed jonqos fiż-żmien li ġej; dawn meta mqabbla ma’ 73% fost l-Istati Membri l-oħra tal-UE.

1% biss tal-Maltin jaħsbu li l-livell tal-għajxien u l-kwalità tal-ħajja se jkunu qed jitjiebu fis-snin li ġejjin.

Dwar jekk l-affarijiet humiex se jkunu aħjar, agħar jew l-istess bħal daż-żmien sena, 46% tal-Maltin qalu li l-affarijiet se jkunu agħar, 42% qalu li s-sitwazzjoni se tibqa’ l-istess, u 7% biss dehrilhom li l-affarijiet se jmorru għall-aħjar.

Malta qed titħabat ma’ żieda fl-għoli tal-ħajja li qed tgħaddi lill-familji minn żminijiet diffiċli. Il-prezzijiet tal-ikel, tal-kirjiet u ta’ prodotti essenzjali oħrajn żdiedu ġmielhom, u dawn apparti l-problemi relatati maż-żidiet qawwija fil-popolazzjoni, bħat-tniġġis u t-traffiku, l-infrastruttura eżorbitata, u l-qtugħ tad-dawl mal-pajjiż kollu.

Dan kollu jwassal biex in-nies jibdew iħossu li qed titnawrilhom il-kwalità tal-ħajja, mingħajr ma jaraw xaqq ta’ dawl għal titjib.

Meta mistoqsija jekk l-affarijiet humiex mexjin sew fil-pajjiż, 60% tar-rispondenti tal-UE li mhumiex Maltin qalu li l-affarijiet ma kinux mexjin sew, filwaqt li 50% tal-Maltin kienu tal-istess fehma.

Ftit iżjed minn kwart tar-rispondenti Maltin jemmnu li l-affarijiet kienu mexjin sew fil-pajjiż. Rigward l-ottimiżmu għall-futur, 60% taċ-ċittadini tal-UE huma ottimisti dwar il-futur tagħhom fl-UE filwaqt li f’Malta dan il-persentaġġ kien 41%, mill-ġdid ferm inqas mill-medja tal-UE u juri aktar pessimiżmu mill-bqija tal-pajjiżi tal-UE.

Aktar minn nofs jaħsbu li l-ekonomija se tkun qed titlef ir-ritmu tagħha, u 29% jemmnu li se tibqa’ l-istess.

11% biss jistennew li l-affarijiet se jkunu qed imorru għall-aħjar, b’mod partikolari fejn jidħol l-għoli tal-ħajja.

Barra minn hekk, xi 58% qalu li ma kinux sodisfatti bil-livell tad-demokrazija f’Malta, persentaġġ ogħla mill-medja Ewropea ta’ 53%.

40% biss huma sodisfatti, u 2% ma jafux. Fil-livell tal-UE, 45% taċ-ċittadini huma kuntenti bid-demokrazija f’pajjiżhom.

Rigward id-demokrazija tal-UE, 41% tal-Maltin għandhom fiduċja fiha, jiġifieri jemmnu li l-istituzzjonijiet Ewropej huma aktar sodi mil-lat demokratiku minn dawk ta’ pajjiżna.

Fejn jidħlu l-benefiċċji miksuba bis-sħubija fl-UE, 92% tar-rispondenti Maltin qalu li Malta bbenefikat, b’distribuzzjoni ugwali fost l-etajiet kollha u l-affiljazzjonijiet politiċi kollha.

Xi 72% tar-rispondenti Maltin jemmnu li s-sħubija għenithom, filwaqt li 89% qalu li s-sħubija taffettwahom fil-ħajja ta’ kuljum. Fost il-benefiċċji ewlenin identifikati mir-rispondenti f’Malta hemm it-tkabbir ekonomiku, il-ħolqien tal-impjiegi u t-tisħiħ tal-vuċi Maltija madwar id-dinja.

Rigward l-iżvantaġġi, dawn jinnotaw li hemm tnaqqis fil-kontrolli mal-fruntieri tal-pajjiżi, l-impjiegi tan-nies qegħdin f’riskju, u hemm theddida għall-paċi u s-sigurtà.

Ħafna mir-rispondenti Maltin, madwar 53%, jemmnu li l-UE għandha immaġni pożittiva, u din il-fehma tispikka l-iżjed fost dawk li għadhom fl-edukazzjoni jew li kisbu edukazzjoni ogħla. Minbarra dawn, 71% jemmnu li s-sħubija ta’ Malta fil-blokk Ewropew hija essenzjali.

Dwar it-tkabbir tal-blokk Ewropew, il-Maltin huma maqsumin fuq jekk għandhomx jissieħbu pajjiżi ġiodda. F’nofs Diċembru mistennija jinfetħu n-negozjati mal-Ukrajna, mal-Ġorġja u mal-Moldova bi proċess imħaffef tal-applikazzjoni, konsegwenza tal-gwerra fl-Ukrajna.

Fil-frattemp, matul is-sajf tal-2022 infetħu formalment in-negozjati mal-Albanija u mal-Maċedonja ta’ Fuq, u d-diskussjonijiet mal-gvern ta’ Tirana mistennija jibdew fi tmiem din is-sena.

Is-Serbja u l-Montenegro qegħdin fl-istadju ta’ negozjati, iżda mexjin bil-mod ħafna. Il-Kosovo applikat għal status ta’ pajjiż kandidat is-sena l-oħra, iżda ma sar l-ebda progress. Il-Bosnija-Ħerżegovina baqgħet fejn kienet mingħajr diskussjonijiet, u ma tkompliex il-proċess tal-adeżjoni.

Madwar 48% tal-Maltin jaqblu li l-UE għandha tkompli tikber, filwaqt li 42% ma jaqblux. L-aħħar pajjiż li ssieħeb fl-UE kien il-Kroazja fl-2013.

Meta mistoqsija dwar ir-rwol tal-Parlament Ewropew, filwaqt li jżommu f’moħħhom li hu mmexxi mill-President Roberta Metsola, 74% tal-Maltin qalu li kienu mgħarrfa bl-iżviluppi mill-midja.

Madwar l-Ewropa, b’mod ġenerali r-rispondenti kellhom opinjoni newtrali fejn tidħol ħidmet il-Parlament Ewropew, iżda f’Malta din kienet pożittiva b’mod ġenerali, u 73% qalu li għandu jkollu rwol aktar b’saħħtu.

Dwar jekk fl-Ewropa l-vuċijiet jinstemgħux, 48% tal-Maltin qalu li iva, simili għall-medja fl-UE. Madankollu f’Malta, il-maġġoranza, 52%, qalu li jemmnu li l-vuċi tagħhom ma tinstemax.

Rigward l-elezzjonijiet li ġejjin, 68% tal-Maltin qalu li huma interessati, jiġifieri 11-il punt perċentwali iżjed mill-medja tal-UE. Madwar 70% qalu li beħsiebhom imorru jivvutaw, fosthom bosta jgħidu li ma kinux ħarġu jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ta’ 4 snin ilu.

Meta mitluba jistqarru r-raġunijiet għall-votazzjoni tagħhom, 61% tal-Maltin qalu li biex jagħtu appoġġ lil xi partit politiku, 53% qalu li biex jagħtu appoġġ lil xi kandidat speċifiku, filwaqt li 35% qalu li għax hu d-dover tagħhom bħala ċittadini.

Meta mistoqsija għalfejn in-nies jaf ma jivvutawx, 47% qalu li għax dawn ikunu jemmnu li xorta waħda ma jinbidel xejn, filwaqt li oħrajn qalu li dan jiġri minħabba nuqqas ta’ interess fil-politika.

Ir-residenti Maltin se jkunu jistgħu jivvotaw nhar it-8 ta’ Ġunju 2024 biex jeleġġu lil min iridu jirrappreżentahom fil-Parlament Ewropew.

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

L-avukati difensuri ta’ Muscat kienu fost il-mistednin il-Barbados
Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga lil Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo