Opinjoni: żball oħxon ta’ Joseph Muscat

“Illum, għall-ewwel darba f’aktar minn sitt snin taħt il-mantra soffokanti li “l-ebda politiku jew persuna f’kariga pubblika ma kienu involuti fl-assassinju”, għandna xhieda ġuramentata ta’ involviment politiku fl-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia.” Hekk kiteb Christian Grima fuq Facebook wara li George Degiorgio kkonferma d-dikjarazzjoni tiegħu bil-ġurament.

George Degiorgio, li ġie kkundannat 40 sena ħabs għall-involviment tiegħu fl-assassinju ta’ Caruana Galizia, tħarrek biex jixhed fil-kawża li kien fetaħ l-eks prim ministru diżonorat Joseph Muscat.

Muscat kien fetaħ libell lill-avukat Christian Grima.

Fuq il-programm Xtra ta’ Saviour Balzan, Michelle Muscat kienet tkellmet bla misħtija ta’ xejn. Kienet qaltilna li hija għandha aktar għalfejn jiddispjaċiha talli ġralha dak li ġralha (Daphne Caruana Galizia) mill-familja tagħha stess. “Għax issa se jkolli ngħix bil-gideb tagħha,” kompliet tgħid dakinhar Michelle Muscat.

Christian Grima mbagħad kien kiteb fuq Facebook, “Ġralha dak li ġralha? Splodieha żewġek, Michelle. Dak li ġralha.” u l-kumment ta’ Grima jidher li qajjem il-kuxjenza ta’ Muscat mill-mewt. “Ma nista’ qatt naċċetta gideb bħal ta’ Grima,” kien qalilna u ddeċieda li jiftaħ kawża ta’ libell kontrih fil-Qorti. Imm’issa żgur li qed jiddispjaċih.

Grima ħarrek lil George u Alfred Degiorgio biex jixhdu fuq il-pedana tax-xhieda. Bosta sorsi tal-midja rrappurtaw li dawn iż-żewġt aħwa kkundannati ma ridux jixhdu, iżda dan mhux preċiż għalkollox. George Degiorgio, għall-ewwel darba, ikkonferma bil-ġurament id-dikjarazzjonijiet li kien għamel dwar l-assassinju ta’ Caruana Galizia.

Qal li l-offerta finta ta’ miljun ewro għall-informazzjoni (dwar l-assassinju ta’ Caruana Galizia) kienet logħba ħalli dawk li kienu involuti verament jidhru innoċenti. Skont id-dikjarazzjoni ta’ Degiorgio, hu u ħuh qed jiddikjaraw li f’dan il-każ hemm l-involviment ta’ bosta persuni prominenti mid-dinja politika li kienu jokkupaw pożizzjonijiet ministerjali fil-pajjiż.

Il-gvern ta’ Joseph Muscat kien għamel offerta “bla preċedent” ta’ miljun ewro lil min kien lest jersaq ‘il quddiem u jipprovdi informazzjoni lill-pulizija li twassal biex jiġu identifikati dawk responsabbli għall-assassinju tagħha. Madankollu, dik l-offerta kienet saret b’ħafna kundizzjonijiet, fosthom li kull min jagħti l-informazzjoni kellu jgħid il-verità u l-verità kollha, u jixhed bil-ġurament dwar kollox, u allura safrattant jikxef l-identità tiegħu.

Inkella, jekk l-informanti riedu jibqgħu anonimi, kellhom imorru għand il-pulizija, li d-deputat kummissarju tagħha kien il-ħabib ta’ ġewwa ta’ Yorgen Fenech, Silvio Valletta, u li l-kummissarju tagħha kien għadda informazzjoni lis-sensar fl-assassinju.

Degiorgio, fid-dikjarazzjoni ġuramentata tiegħu, allega li fil-każ ta’ Caruana Galizia, l-eks kummissarju u uffiċjali għoljin oħrajn fil-korp tal-pulizija kienu involuti wkoll, u daqstant ieħor kienu xi persuni ta’ fiduċja. Qal li huma jistgħu jixhdu dwar l-involviment tal-eks ministru Chris Cardona u ta’ Keith Schembri.

Barra minn hekk, Degiorgio għamel akkużi iżjed serji. Qal li dawn il-fatti kienu nġiebu għall-attenzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela kif ukoll tal-kummissarju tal-pulizija u ta’ uffiċjali għoljin oħrajn fil-korp.

Degiorgio allega li filwaqt li huma jridu li l-verità toħroġ kollha, jidher ċar li dan ma jistax jiġri għax dak li ġie miftiehem internament irid jiġi onorat. Qal ukoll li huma qed jagħmlu din id-dikjarazzjoni fil-pubbliku wara li diġà għaddew informazzjoni sensittiva u siewja lill-pulizija iżda l-pulizija m’għamlu xejn.

Insistew li hemm konġura biex il-kriminali vera li ordnaw dawn ir-reati jeħilsuha ħafif, u qalu li huma jafu li l-azzjonijiet ma tteħdux b’ordni diretta ta’ persuni prominenti li jridu jibżgħu għal xturhom.

Degiorgio qal li huma għaddew ħafna informazzjoni sensittiva lill-Ispettur Keith Arnaud li kellha tasal għand il-kummissarju tal-pulizija, l-avukat ġenerali, il-kabinett u l-president. Żied jgħid li din l-informazzjoni jafuha personalment u mhijiex xniegħa u li lesti jerġgħu jgħaddu din l-informazzjoni lil min verament irid isolvi dawn il-każijiet.

“Il-verità se toħroġ,” widdbu l-aħwa Degiorgio.

U għalhekk żgur li Joseph Muscat qed jiddispjaċih għaġeb għad-deċiżjoni li jiftaħ libell lil Christian Grima. Żgur li għandu msarnu f’saqajh issa li George Degiorgio qed jikkonferma li “ċerti individwi qed jilagħbuha tal-puri, iżda fil-verità għandhom ix-xitan.”

“Aħna verament irridu li l-familji tal-vittmi jsiru jafu l-verità kollha ħalli verament jemmnu li tista’ ssir ġustizzja ma’ dawk li kienu wara r-reati li aħna offrejna li nixhdu dwarhom,” żiedu jgħidu.

Mhux ta’ b’xejn li l-avukat ta’ Muscat, Pawlu Lia, oġġezzjona meta Degiorgio sarulu mistoqsijiet dwar l-involviment ta’ Keith Schembri fl-assassinju ta’ Caruana Galizia. Lia pprova jwaqqaf dawk il-mistoqsijiet, u sfida x’rilevanza għandhom għal-libell ta’ Muscat. Ngħid jien, għalfejn l-avukat ta’ Muscat qed jinkwieta li l-verità titla’ fil-wiċċ?

Keith Schembri kien ċempel lil Dr Adrian Vella u għaddielu ittra biex jgħaddiha lil Yorgen Fenech meta kien fil-kustodja tal-pulizija. Dik l-ittra allegatament tgħidlu kif għandu jixhet l-assassinju fuq l-eks ministru Chris Cardona.

Anki Dr Adrian Vella kellu jidher fuq il-pedana tax-xhieda fil-libell ta’ Muscat, iżda ma deherx. L-iskuża stramba talli ma deherx biex jixhed kienet li n-notifika tat-taħrika, maħruġa tliet ġimgħat qabel, “kienet għadha ddur minn marixxall għall-ieħor”.

L-aħwa Degiorgio jafu ferm iżjed dwar dak l-assassinju, u huma diġà qed jiddikjaraw li jafu iżjed.

L-allegazzjonijiet tagħhom, issa kkonfermati bil-ġurament, huma allarmanti. Huma qed jiddikjaraw li l-eks ministri Carmelo Abela u Chris Cardona kienu involuti fis-serqa sfrattata tal-2010 fl-HSBC u f’serqa fuq vann bil-flus f’Santa Venera.

Qalu li persuni politiċi f’karigi għoljin, inkluż ministri u persuni ta’ fiduċja, kienu involuti fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. 

Qed jgħidu li l-pulizija qed tiġri wara persuni innoċenti għall-assassinju filwaqt li l-assassini vera għandhom il-protezzjoni.

Qed jallegaw li l-informazzjoni sensittiva li għaddew lill-pulizija u lill-Prim Ministru Robert Abela qed tiġi injorata.

George Degiorgio kkonferma dan kollu bil-ġurament fil-Qorti.

L-aħwa Degiorgio iddikjaraw li jridu li toħroġ il-verità kollha. Huma wettqu reati orribbli, iżda xorta waħda għandhom l-opportunità li jagħtu daqsxejn għeluq.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

Is-Serqa tal-Isptarijiet: wasal il-mument
Read in English. L-eks prim ministru diżonorat Joseph Muscat
F’seba’ snin, l-ERA approvat il-qlugħ ta’ 3,400 siġra protetta
Read in English. Matul l-aħħar seba’ snin, l-Awtorità tal-Ambjent

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo