L-istatistiku tal-istħarriġ tal-Labour, Vince Marmara u l-eks sindku Nazzjonalista Robert Musumeci ngħataw aktar irwoli mħallsin mill-fondi pubbliċi. Hekk joħroġ minn informazzjoni li tressqet fuq il-mejda tal-Kamra.
Wara mistoqsijiet tad-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott, id-dejta ppreżentata turi li Marmara, lettur fulltime l-Università ta’ Malta, jaħdem ukoll bħala konsulent tal-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici.
Marmara jmexxi bosta negozji privati, fosthom Powerful Knowledge, Sagalytics u oħrajn, u hu konsulent fulltime mal-Awtorità Maltija tal-Gaming (MGA) bi ħlas inizjali ta’ €4,251 fix-xahar.
Skont il-kuntratt il-ġdid, li jiswa lill-poplu €22,000 fis-sena, Marmara qed ideffes 20 siegħa oħra fil-ġimgħa biex jagħti konsulenza lill-Ministeru għall-Kultura.
Marmara, magħruf għall-pubblikazzjoni tal-istħarriġiet tiegħu fuq il-ġurnal pro-Laburista ta’ nhar ta’ Ħadd It-Torċa, fil-passat kien irrifjuta li jwieġeb mistoqsijiet dwar min kien qed ifondilu l-istħarriġiet politiċi.
Fl-istess waqt, permezz ta’ bosta ministeri u aġenziji, Marmara kemm-il darba ngħata inkarigi b’direct orders biex iwettaq xi stħarriġiet għall-gvern.
The Shift kien irrapporta kif bejn bejn l-2013 u l-2022, Marmara qala’ €1.2 miljun b’direct orders mingħand il-gvern.
Wieħed mis-sħab tiegħu fin-negozju tal-istħarriġiet, Powerful Knowledge, hu l-Prof. Frank Bezzina. Bezzina kien id-Dean ta’ Marmara fil-Fakultà tal-Management u l-aġent President ta’ Malta meta l-President George Vella kien ikun imsiefer.
Fil-frattemp anki Robert Musumeci, perit, avukat u konsulent, tlaħħaq konsulent tal-Ministru tal-Politika Soċjali Michael Falzon. Hu tqiegħed fl-iskala 5, b’paga bażika ta’ €35,000 fis-sena.
Ir-rwol ta’ Musumeci ma’ Falzon hu parttime, iżda ma ngħatat l-ebda informazzjoni dwar is-sigħat mistennija minnu.
Musumeci kiseb bosta kuntratti ta’ konsulenza u inkarigi mill-gvern matul l-aħħar snin. Ħafna minnhom kienu mill-Awtorità tal-Ippjanar u mill-Awtorità tal-Artijiet. Fl-istess waqt, Musumeci qed imexxi ditta tal-periti li żgurat għadd ġmielu ta’ permessi fl-ODZ, jiġifieri barra miż-żona tal-iżvilupp. Imexxi wkoll RD Legal mal-eks segretarja parlamentari tal-Awtorità tal-Artijiet Deborah Schembri li tiddefendi bosta kawżi kontra l-Awtorità tal-Artijiet fil-qrati.
Dawn it-tnejn jaqilgħu l-għexieren tal-eluf tal-ewro fis-sena minn dan in-negozju bi sħab.