L-MUMN ma tlissinx kelma fuq il-President diżonorat tagħha

Paul Pace iddikjara u tħallas għal 30 siegħa sahra meta kien vaganza l-Eġittu

 

This article is available in English

Il-kunsill tal-union tal-infermiera, l-MUMN, qed jirrifjuta li jiddikjara l-pożizzjoni tiegħu dwar il-futur tal-President diżonorat tal-union Paul Pace, li nqabad fil-fatt jabbuża mill-pożizzjoni tiegħu meta ddikjara sahra waqt li kien qed jieħu vaganza fl-Eġittu.

Il-mistoqsijiet li bgħatna lil Colin Galea, is-segretarju ġenerali veteran tal-union, biex jgħidilna x’inhi l-pożizzjoni tal-kunsill wara l-aħħar fatti żvelati, baqgħu sal-mument tal-kitba ma tweġbux.

The Shift hu informat li bosta membri tal-kunsill tal-MUMN esprimew il-fehma tagħhom fil-privat li l-pożizzjoni ta’ Pace fit-tmexxija tal-union m’għadhiex tenibbli iżjed.

Madankollu, minħabba biża’ ta’ tpattija, bosta għadhom sal-lum ma qalux kif jaħsbuha, lanqas waqt il-laqgħa formali tal-kunsill.

Meta ntalab jgħid jekk, minħabba d-dikjarazzjonijiet pruvati li Pace kemm-il darba abbuża mill-pożizzjoni tiegħu fuq il-lant tax-xogħol, hu kienx offra r-riżenja tiegħu, Galea għażel li ma jweġibx.

Irrifjuta wkoll li jgħidilna jekk għall-MUMN l-abbuż fuq il-lant tax-xogħol mill-President tagħha stess kienx aċċettabbli jew le.

Membri tal-Kunsill tal-MUMN

“Hu ovvju li jekk irridu li n-nies jarawna bħala union serja, Pace m’għadx għandu postu fl-MUMN,” qaltilna persuna li ilha membru tal-kunsill għal bosta snin.

“Iżda ħafna mill-kollegi tiegħi jibżgħu li Pace b’xi mod ipattihielhom u għalhekk qed jagħlqu għajnejhom it-tnejn għall-ovvju,” qaltilna.

Tħallas għas-sahra meta kien vaganza

Fil-frattemp qed ikomplu joħorġu aktar dettalji tal-investigazzjonijiet tal-Ministeru għas-Saħħa, li qed jibqgħu moħbija mill-gvern, dwar l-abbuż ta’ Paul Pace bħala infermier inkarigat fl-Isptar Monte Carmeli.

Ir-rapport juri li bejn is-16 u s-27 ta’ Frar 2023, meta Pace kien fuq btala fl-Eġittu ma’ żewġ kollegi oħra, hu kien iddikjara sahra f’erbat ijiem separati, li b’kollox jgħoddu mat-30 siegħa, u hu kien tħallas għal dawn is-sigħat.

L-akbar numru ta’ sigħat ġew iddikjarati għall-Ħadd, is-26 ta’ Frar, meta s-sahra titħallas b’rata doppja. Dakinhar, Pace iddikjara 10 sigħat sahra meta fil-fatt kien qiegħed Lixandra jgawdi l-vaganza tiegħu.

Barra minn hekk, jidher ukoll li minkejja li kien jinsab xi 2,000 kilometru ’l bogħod minn pajjiżna, b’xi mod il-President tal-MUMN irnexxielu jiffirma r-reġistru tal-attendenza fl-Isptar Monte Carmeli, Ħ’Attard, fi tliet ijiem, u ddikjara li hu kien preżenti fiżikament fuq il-lant tax-xogħol il-ġurnata kollha, inkluż il-Ħadd li jitħallas b’rata ogħla.

The Shift żvela wkoll li skont il-konklużjonijiet kundannanti tar-rapport, Pace iddikjara wkoll xi ġranet tax-xogħol meta kien qed jieħu vaganza l-Portugall.
Minflok ma keċċieh, il-gvern permezz tal-bord tad-dixxiplina tal-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku, ippresedut mis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Ġustizzja Johann Galea għal ġiehna kkonkluda li ma jidhirlux li dan il-każ kien jimmerita t-tkeċċija ta’ Pace, u minflok tah sospensjoni ta’ ħamest ijiem.

Passat mirqum

Paul Pace ilu fit-tmexxija tal-union tal-infermiera u l-qwiebel għal bosta snin, iżda fl-2015 hu kien ingħata l-ġenb bi block vote li kienu organizzaw kontrih xi membri tal-kunsill.

Skont ir-riżultati tal-votazzjoni li kienu waslu f’idejn it-Times of Malta, b’imbarazzament għal Pace, hu kien ġie fl-għaxar post filwaqt li s-segretarju ġenerali Colin Galea kien kiseb l-akbar numru ta’ voti. Imbagħad malli r-riżultati kienu ġew ippubblikati, hu kien telaq minnufih mill-Kunsill.

Minflok ma mar jura għall-impjieg tiegħu bħala infermier, Pace kien ġie kkuntattjat mill-ewwel mill-eks Ministru għas-Saħħa Konrad Mizzi u ngħata salarju attraenti bħala konsulent tal-gvern.

Erba’ snin wara, fl-2019, hu reġa fit-tmun tal-MUMN mill-ġdid bħala President u rreżenja mill-kariga tiegħu mal-gvern bħala konsulent.

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

L-avukati difensuri ta’ Muscat kienu fost il-mistednin il-Barbados
Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga lil Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo