Il-ġudikatura tibqa’ siekta fuq il-mawra sal-Gladiator, minkejja ilment tal-Kamra tal-Avukati

This article is available in English

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Imħallfin u l-Maġistrati għażlet li ma tikkummentax għall-mistoqsijiet li bgħatnielha dwar il-mawra fuq is-sett tal-film Gladiator 2 organizzata mill-Kummissjoni Maltija tal-Films u l-Kumitat tal-Istudji Ġudizzjarji għall-membri tal-ġudikatura.

Din il-ħarġa tal-membri tal-ġudikatura saret fl-24 ta’ Marzu u għaliha ġew mistiedna l-membri kollha, inkluż il-maġistrati u l-imħallfin. Matulha huma żaru u ddawru ma’ bosta settijiet tal-films, kellhom ikla u ħadu sehem fi kwiżż fuq l-istorja tal-films f’Malta.

Il-mistoqsijiet li bgħatna lill-President tal-Assoċjazzjoni, l-Imħallef Francesco Depasquale, biex nistaqsu dwar l-adegwatezza ta’ dan l-avveniment u jekk setax ikkomprometta l-imparzjalità tal-ġudikatura f’kawżi relatati quddiem il-qrati, baqgħu ma twiġbux minkejja li l-emails ta’ The Shift infetħu kemm-il darba.

Fi tweġiba għal mistoqsijiet separati ta’ The Shift, kelliem għall-Kamra tal-Avukati kkonferma li l-Kamra kienet ikkomunikat il-fehma tagħha mal-Prim Imħallef Mark Chetcuti, madanakollu qalilna li l-komunikazzjonijiet huma kunfidenzjali.

Il-Kumitat tal-Istudji Ġudizzjarji li organizza dan l-avveniment hu korp ġudizzjarju mmexxi skont id-direzzjoni tal-Prim Imħallef Chetcuti u inkarigat biex jipprovdi taħriġ lill-membri tal-ġudikatura. Il-Viċi President tal-Kumitat hija Joanne Vella Cuschieri.

Skont il-website tal-qrati, il-kumitat hu kompost minn erba membri, tnejn maħtura mill-Prim Imħallef u t-tnejn l-oħra maħtura mill-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard, u li l-kumitat jaġixxi skont id-direzzjoni ġenerali tal-Prim Imħallef.

Il-kodiċi tal-etika tal-ġudikatura ma jippermettix lill-membri jieħdu sehem f’attivitajiet li jistgħu joħolqu kunflitt mal-indipendenza u l-imparzjalità tagħhom, jew f’avvenimenti fi gruppi ta’ xeħta politika. Il-kodiċi tal-etika jipprojbixxi wkoll li jaċċettaw rigali li jaf jinfluwenzawhom fil-qadi ta’ dmirijiethom fil-qrati.

Il-Kummissjoni Maltija tal-Films u l-Kummissarju tagħha Johann Grech ġew ikkritikati bil-bosta għan-nefqiet bla rażan tagħhom minn flus il-poplu, ħafna drabi mingħajr it-trasparenza.

Aktar kmieni dan ix-xahar, The Shift irrapporta kif il-Kummissarju għall-Films Johann Grech fetaħ kawża ċivili biex jevita l-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar in-nefqa minn fondi pubbliċi għall-Malta Film Festival tal-2022. Din il-pubblikazzjoni qed titlobha l-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia b’talba tal-libertà tal-informazzjoni.

Grech irrifjuta wkoll li jwieġeb it-talbiet tal-libertà tal-informazzjoni ta’ The Shift, meta tlabnieh jipprovdi elenku dettaljat tal-infiq għal avveniment estravaganti ieħor tal-Kummissjoni tal-Films, il-Mediterrane Film Festival, imtella’ f’Ġunju li għadda u li skont persuni midħla tal-industrija tal-films għalih intefqu mill-anqas €1 miljun.

Il-Kummissarju tal-Films dan l-aħħar ġie kkritikat bil-bosta wkoll għall-infiq tal-Kummissjoni tal-Films fuq skema ta’ rifużjoni ta’ 40% offruta għal produzzjonijiet tal-films miġbuda f’Malta. Skont rapport tat-Times of Malta, għal Gladiator 2 waħdu ntefqu €47 miljun.

L-iskema ġiet ikkritikata talli tat il-ġenb lit-timijiet lokali, filwaqt li l-Kummissjoni tal-Films kienet irrifjutat diversi talbiet preċedenti tal-libertà tal-informazzjoni li kien għamel The Shift għal elenku dettaljat tal-infiq.

L-istudji li ‘juru’ l-effettività tal-iskema tar-rifużjoni qatt ma ġew ippubblikati, u d-diskrepanzi fis-sejbiet ta’ xi studji separati kienu soġġetti għall-‘interpretazzjoni’ tal-ekonomisti li għamluhom. Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo qal li fil-jiem li ġejjin se jippubblika verżjoni mhux sħiħa tal-aħħar studju.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

Is-Serqa tal-Isptarijiet: wasal il-mument
Read in English. L-eks prim ministru diżonorat Joseph Muscat
F’seba’ snin, l-ERA approvat il-qlugħ ta’ 3,400 siġra protetta
Read in English. Matul l-aħħar seba’ snin, l-Awtorità tal-Ambjent

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo