Il-proġett ta’ triq f’Għawdex jogħla bil-miljuni waqt li hemm dubju dwar xogħol privat fil-viċin

Parti mix-xogħol privat (imdawwar bl-iswed) li kien qed isir waqt li t-triq tan-Nadur kienu qed jerġgħu jibnuha

 

This article is available in English

Sar ammont konsiderevoli ta’ żvilupp mingħajr permess f’għelieqi privati u madwarhom, ma’ ġenb triq mibnija mill-ġdid f’Għawdex li tieħu għan-Nadur, u li swiet il-miljuni ta’ Ewro.

The Shift tista’ tikkonferma li waqt li kien għaddej il-proġett ta’ Triq l-Imġarr, iffinanzjat mill-gvern, fl-istess ħin kien qed isir xogħol f’għelieqi privati, u kien qed jintuża l-istess makkinarju goff tal-kuntrattur tat-toroq.

Dan ix-xogħol kien jinkludi l-bini ta’ meded twal ta’ ħitan tas-sejjieħ, rampi wesgħin, mogħdijiet rurali mogħtija l-konkos, mħażen agrikoli, ġibjuni u xogħol fuq il-livell tal-ħamrija.

Il-prezz ta’ dan il-proġett sploda mit-8 miljun Ewro allokati għalih għal kważi 14-il miljun Ewro, u għadhom deħlin iktar kontijiet. Imma l-Ministeru għal Għawdex jiċħad kategorikament li sar xi xogħol privat bil-fondi pubbliċi ddedikati għall-bini mill-ġdid tat-toroq.

Imma kienu ħafna dawk f’Għawdex li raw lill-istess kuntrattur tat-toroq jagħmel xogħol ‘l hawn u ‘l hemm mingħajr permess fuq art privata. Ir-ritratti tal-proġett mill-ajru li ppubblika l-Ministeru għal Għawdex ukoll juru dan ix-xogħol li sar fl-istess ħin.

Iktar xogħol privat (imdawwar bl-iswed) li kien qed isir hi u kienet qed terġa’ tinbena t-triq.

Meta saqsejna jekk il-ministeru kienx involut b’xi mod f’dan ix-xogħol illegali, il-kelliem ċaħad bil-qawwa kollha li kien involut il-ministeru biex awtorizza dan ix-xogħol u biex ħallas għalih.

Imma l-problema hi li diffiċli wieħed jiddeċiedi min dan ix-xogħol fuq art privata awtorizzah jew ħallas għalih, għax billi ma kellux permess, ma kienet saret ebda applikazzjoni għall-iżvilupp għand l-Awtorità tal-Ippjanar.

U l-Ministeru lanqas m’hu jiċċara kif il-prezz tal-proġett li ngħata lil Road Construction Ltd għal 8 miljun Ewro, issa leħaq it-13-il miljun Ewro punt 6 u għad baqa’ iktar kontijiet x’jinġabru u jitħallsu.

Il-kelliem insista li “Il-ministeru jikkonferma bl-iktar mod ċar u assolut li m’għamel l-ebda xogħol għan-nom ta’ xi sidien privati jew individwi”.

Il-parti l-kbira ta’ dawn l-għelieqi huma propjetà ta’ bdiewa Għawdxin part-time.

“Mhux biss”, qal il-kelliem, “imma l-ministeru ma ħallas, u lanqas m’għandu l-ħsieb iħallas, għal xi xogħol li jista’ jkun li sar fil-kmamar privati li identifikat The Shift.

“Jekk sar xi xogħol f’dawn il-kmamar, dan sar minn individwi privati u mhux mill-ministeru.”

Imma waqt il-bini ta’ din it-triq, li dam sejjer erba’ snin u li kien ingħata lil Road Construction Limited, l-uniku makkinarju li kien hemm fil-post u fl-art privata tal-madwar, kienet propjetà tal-kumpannija li kienet qed taħdem fuq din it-triq.

Ix-xogħol privat extra muri mdawwar bl-iswed.

Serje ta’ koinċidenzi

Il-bini mill-ġdid tat-triq prinċipali li tieħu għan-Nadur kienet ilha s-snin ġejja, u x-xogħol fuqha kien beda fl-2018, bis-saħħa ta’ tender tal-ministeru li kien ngħata lil Road Construction Limited.

Din il-kumpannija rċeviet id-direct orders li jiswew il-miljuni ta’ Ewro regolarment, kemm mill-amministrazzjonijiet Laburisti kif ukoll minn dawk Nazzjonalisti.

Road Constructiuon Limited ingħatat tender  (CT2182/2019) għal kważi 8 miljun Ewro biex Triq l-Imġarr terġa’ tinbena mill-ġdid u tingħata wiċċ ġdid.

It-tender oriġinali u kemm jiswa.

Ix-xogħol kien beda fi żmien l-ex Ministru għal Għawdex Justyne Caruana, imma Clint Camilleri, is-suċċessur tagħha, mill-ewwel biddel il-perit tal-proġett, u ħatar lil Andrew Ellul, ir-raġel tal-ex direttur tal-Awtorità tal-Ippjanar, Elizabeth Ellul.

Il-proġett ilu għaddej iktar minn erba’ snin u għadu mhux lest. Dan l-aħħar, fil-parlament, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li s’issa l-ispiża tiegħu telgħet għal 13-il miljun Ewro punt 6, imma ma spjegax għaliex il-budget għal dan il-proġett żdied b’5 miljun Ewro punt 6.

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

L-avukati difensuri ta’ Muscat kienu fost il-mistednin il-Barbados
Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga lil Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo