This article is available in English
F’kawża li fetaħ kontra l-bank, James Grech, id-direttur l-iktar anzjan tal-Bank of Valletta, qed jallega li uffiċjali tal-bord u uffiċjali esekuttivi tal-bank ‘gidbu, immanipulaw u għamlu dikjarazzjonijiet foloz’.
Il-kawża kontra l-bank fejn jaħdem, u li sax-xahar l-ieħor kien membru tal-bord tiegħu, Grech għamilha permezz tal-avukat tiegħu Mark Muscat. Lill-qorti ċivili qed jitlobha tiddeċiedi favurih għall-ħlas tad-danni minħabba l-azzjonijiet illegali li saru fil-konfront tiegħu.
Minkejja s-serjetà ta’ dil-kawża bla preċedent, il-bank ma ħareġ l-ebda stqarrija, anzi dan l-iżvilupp ħbieh mix-shareholders tiegħu u mill-pubbliku.
Il-kwistjoni kollha nqalgħet fl-2019 meta bħala parti mill-qafas ġdid regolatorju li introduċa l-Bank Ċentrali Ewropew, il-bank kellu kull sena jagħmel ‘Individual Suitability Report’ fuq kull individwu, membru tal-bord tad-diretturi tiegħu.
Imbagħad ir-rapport jgħaddi għand il-Bank Ċentrali Ewropew, għand l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji u għand awtoritajiet oħra biex japprovawh.
Biex iħejji dan ir-rapport li kien jinkludi intervisti mal-membri kollha tal-bord, il-bank qabbad kumpannija ta’ konsulenti li isimha ma xxandarx.
Imma Grech qed isostni li Deo Scerri, iċ-chairman ta’ dak iż-żmien imqabbad mill-gvern, kien qallu li r-regolaturi ma kinux kuntenti bir-riżultat tal-assessment tiegħu. Talbu biex fil-laqgħa li kien imiss tax-shareholders, ma jerġax jikkandida ruħu għall-pożizzjoni tiegħu fil-bord.
Imma Grech, lil Scerri ma kienx ta kasu għax kellu suspett li l-konklużjonijiet tar-rapport u taċ-chairman ma kinux preċiż bħal xulxin.
U fil-fatt, lil Grech, ir-regolaturi kkonfermawh fil-pożizzjoni tiegħu ftit xhur wara.
Hu qed jallega li fl-intervista li saritlu mill-kumpannija ta’ konsulenti, saqsewh mistoqsijiet li ma kellhom x’jaqsmu xejn mas-‘suitability exercise’. Hu qed igħid li minflok, min għamillu l-intervista, saqsih mistoqsijiet dwar min, min-naħa tal-bank, kien ipprova jinnomina kumpannija rivali oħra ta’ konsulenti għal xogħol ieħor li ma kellux x’jaqsam.
Fil-kawża li għamel, Grech qed igħid li insista ma’ min leħaq flok Scerri – iċ-chairman il-ġdid Gordon Grima u l-avukat tiegħu Michael Grech – biex igħidulu jekk dan is-suitability report li kien qed jikkontesta, kinux urewh lil terzi persuni.
Il-bank kien assigurah li dan ma kienx il-każ u li ħadd barra mill-bank ma kellu kopja tiegħu.
Imma xi sentejn wara, kemm l-ECB kif ukoll l-MFSA, lil Grech kienu kkonfermawlu li fil-fatt is-CEO ta’ dak iż-żmien, Rick Hunkin, kien tahom kopja ta’ dak ir-rapport.
Lill-bank, Grech qed jakkużah ta’ nuqqas ta’ professjonalità, kif ukoll li għal t’apposta, lir-regolaturi kien tahom dikjarazzjonijiet foloz. Għalhekk lill-qorti qed jitlobha tikkundanna l-bank talli kiser il-liġi dwar il-protezzjoni tad-data.
Qed jinsisti li r-rapport jinkludi fih ħwejjeġ mhux minnhom u għalhekk qed jitlob li jitħassar u jitneħħa mir-records.
L-istess kumpannija ta’ konsulenti li għamlet ir-rapport u li isimha ma jissemmiex, Grech qed jgħid li l-bank taha xogħol ieħor ta’ konsulenza fl-istess ħin li kienet qed tagħmel l-assesments individwali tal-bord tad-diretturi.
Grech huwa impjegat anzjan tal-BOV u ilu membru tal-bord tal-bank mill-2014. Is-sena l-oħra ikkontesta l-elezzjoni ġenerali għan-nom tal-Partit Laburista imma ma kienx elett. U ftit xhur ilu biss il-gvern poġġih fil-bord tad-diretturi tal-Gozo Channel (Holding) Ltd.