Iva Gafa mhu se jitgħallem qatt?

This article is available in English

Lill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà, il-qorti reġgħet irrimproveratu pubblikament. Każ ċar u tond ta’ raġel li nqabad fil-fatt jikkaċċa llegalment f’festa pubblika, tant tħarbat bil-kbir, li l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera lill-pulizija ta’ Gafà ċanfrithom pubblikament.

Il-verdett tal-Imħallef jgħid: “B’kull dovut rispett, b’dawn ilprovi fjakki din il-Qorti zgur ma tistax tkun konvinta li l-appellant huwa hati talakkuzi migjuba fil-konfront tieghu u dan minghajr l-ebda dubbju dettat mir-raguni. Ghal dawn il-motivi u in vista tan-nuqqasijiet kollha sucitati, din il-Qorti ma ghandiex triq ohra ghajr li tillibera lill-appellant Jesmond Saliba minn kull htija u piena.”

Il-Qorti tant kienet iddiżgustata bil-prosekuzzjoni patetika tal-pulizija li marret oltre. Tat ordni li lill-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà, kellhom jgħarrfuh li proċeduri bħal dawn kellhom isiru b’attenzjoni ikbar, u “jigu wkoll mressqa l-provi kollha skond il-ligi.”.

Il-prosekuzzjoni tal-pulizija kienet fjask. U jekk ma tridx, ix-xogħol kollu kienu għamluhulhom il-voluntiera tal-CABS: lil dar-raġel qabduh jikkaċċja, ħadulu video bis-senter f’idejh, u lill-pulizija tawha rapport iddettaljat bil-post u bil-ħin preċiż meta ntlemaħ ir-raġel u l-movimenti evażivi li għamel għall-25 minuta wara.

Lill-pulizija saħansitra tawhom l-video li kienu ħadu. Kull ma kellhom jagħmlu l-pulizija, lir-raġel jakkużawh u lill-voluntiera tal-CABS itellgħuhom bħala xhieda.

Minflok, il-pulizija għamlu qassata mill-bidu sal-aħħar. Anki ċ-charge sheet kienet żbaljata. Skont l-akkuża, l-allegat reat sar fis-6.10 ta’ filgħaxija, imma l-voluntiera tal-CABS lill-pulizija kienu tawha l-ħin preċiż, madwar l-4.30 ta’ filgħaxija.

Lil Christian Cachia Zammit, il-pulizija ma sejħitlux biex jixhed. Dan kien wieħed mill-voluntiera tal-CABS u lir-raġel raħ u ħadlu l-video. U x-xhieda ta’ voluntiera oħra, Fiona Burrows u ta’ raġel ieħor, Thomas Borg, ma inkludewhiex fl-atti tal-akkuża.

Mingħajr ix-xhieda ġuramentata tal-persuni li ħadu l-video u pprovdew ir-rapport lill-pulizija, ix-xhieda li pproduċew, il-qorti ma setgħetx tqisha ħlief “għajdut”.

U kien hemm ħaġ’ oħra ħafna iktar suspettuża: il-video li l-voluntiera tal-CABS taw lill-pulizija ma kienx l-istess wieħed bħal dak esebit fil-qorti. Il-qorti nnutat “li kien hemm diskrepanza” bejn iż-żewġ videos. Fil-video li esebew il-pulizija fil-qorti, l-akkużat jidher biss miexi f’nofs xi siġar, mingħajr is-senter.

Il-pulizija li għamlu l-affidavit dwar il-każ, lill-akkużat, lanqas biss ma setgħu jidentifikawh. U ħadd mill-pulizija ma rrapporta li l-persuna li tidher fil-video kienet qed iġġorr senter jew xi arma oħra. Fl-affidavit li taw jgħidu biss li raw raġel miexi.

U agħar minn hekk, ix-xhieda li setgħu jidentifikaw lill-akkużat, il-pulizija ma sejħulhomx.

Meta lil Jesmond Saliba qabduh il-pulizija u għarrfuh li kienu se jakkużawh, huwa irrifjuta li jwieġeb il-mistoqsijiet li saqsewh u ffirma dikjarazzjoni li lill-avukat tiegħu ma riedx jikkonsultah. Imma l-pulizija, din id-dikjarazzjoni ffirmata lanqas biss ma esebewha l-qorti kif kellhom l-obbligu li jagħmlu.

Il-pulizija ma ppreżentaw ebda xhieda li lill-akkużat setgħet identifikatu. U saħansitra lanqas farka prova ma ppreżentaw li kien qed iġorr senter. Ix-xhieda kruċjali ma sejħulhomx. L-evidenza li kellhom lanqas biss ma inkludewha fl-atti tal-każ. U l-video li kienu tawhom, bagħbsuh qabel ma esebewh il-qorti. Lanqas ma rnexxielhom iġibuha żewġ bil-ħin tar-reat.

Dan huwa l-livell traġiku u komiku fl-istess ħin li fih topera l-forza tal-pulizija. Il-pulizija ma rnexxielhomx jottjenu sentenza ta’ ħtija avolja ħaddieħor, ix-xogħol kollu kien lestiehulhom: kien ħaddieħor li identifika kemm ir-reat kif ukoll il-kriminal, ħa video bħala xhieda u għarraf lill-pulizija. Jekk ma waslux lanqas hawn, mela kif se jaslu f’każijiet oħra?

Hija traġedja għan-nazzjon li l-kriminali jagħmlu propju kif iridu. Dawn il-kriminali jafu li l-pulizija jew huma inkompetenti jew inkella tant huma korrotti li aktarx jirnexxilhom jevitaw ir-responsabbiltà għar-reati li jikkommettu.

Meta każ sempliċi bħal dan gerfxuh daqshekk, x’ċans hemm li jinstabu ħatja dawk responsabbli ta’ reati kriminali ħafna iktar komplessi?

Is-skiet assolut ta’ Angelo Gafa fil-konfront ta’ dan l-ammoniment pubbliku ma jipprovdilna ebda assigurazzjoni li l-affarijiet jistgħu jmorru għall-aħjar. Għal darba darbtejn, il-Qorti kkundannat in-nuqqasijiet lampanti, jekk mhux l-inkompetenza intenzjonata tal-pulizija. B’dan kollu qatt ma nisimgħu b’xi reazzjoni jew mill-kummissarju jew minn dawk ta’ taħtu.

U l-Ministru responsabbli wkoll ma jweġibx għal dawn l-ammonimenti pubbliċi wieħed wara l-ieħor indirizzati lill-pulizija. Ma ssir ebda inkjesta f’dawn il-fallimenti totali. M’hemm l-ebda proċedura biex il-pulizija jitgħallmu mill-“iżbalji” tagħhom. Dawn huma kollha sinjali ta’ istituzzjoni falluta.

Organizzazzjoni serja tammetti fejn żbaljat, l-iżbalji li tagħmel tanalizzahom u titgħallem minnhom. Li wieħed jammetti li żbalja jikkostitwixxi l-ewwel pass essenzjali biex iwaqqaf iċ-ċiklu ta’ inkompetenza atroċi, inkompetenza li bis-saħħa tagħha l-kriminali f’Malta jgawdu minn livell ta’ impunità bla preċedent.

Dawn it-twiddibiet devastanti, il-Kummissarju Gafà jmissu jagħti kashom. Imma minflok, juri li huwa profondament trux, u jgħaddih biss il-Ministru tiegħu li ma jridx jara kif l-inkompetenza tal-pulizija qed tipperikola realment is-sigurtà nazzjonali.

Tlieta punt sitt miljun Ewro multi, il-pulizija ta’ Gafà ma renexxilhiex tikkonvertihom f’sentenzi ta’ ħabs. U meta l-pulizija ma jirnexxilhomx jibagħtu n-nies il-ħabs għal dawn ir-reati, ħafna jagħmlu l-qalb, u dak li għandhom iħallsu, ma jħallsux. Din is-sentenza ta’ ħabs hija l-unika inċentiv biex dak li jkun iħallas il-multa.

Dan il-falliment ta’ Gafà, mhux biss jesponina għal iktar periklu, imma jtellifna wkoll mill-fondi pubbliċi li tant hemm bżonnhom. Oħroġ il-għaġeb, inġabru biss 8.5 fil-mija mill-multi tal-Qrati Inferjuri u 4.9 fil-mija biss mill-multi tar-Reġistru tal-Qorti f’Għawdex.

Għal min iħallas it-taxxa, din hija daqqa ta’ ħarta doppja. Qed inħallsu għall-forza tal-pulizija li l-iktar prosekuzzjoni elementari tiżbaljaha, u dawk il-ftit li jinstabu ħatja tħallihom jiżgiċċaw milli jħallsu l-multi.

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

L-avukati difensuri ta’ Muscat kienu fost il-mistednin il-Barbados
Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga lil Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo