Il-membri tal-kumitat tal-koperattiva tas-sajd jinżammu responsabbli personalment tal-ispejjeż tal-likwidazzjoni

This article is available in English

Il-membri individwali tal-kumitat tal-Għaqda Koperattiva tas-Sajd Ltd, li hija mgħobbija bid-dejn u mifnija bl-iskandli, bis-saħħa ta’ ittra legali mill-Bord tal-Koperattivi, infurmawhom li qed jinżammu personalment responsabbli tal-ispejjeż kollha għal-likwidazzjoni li għandha ssir tal-koperattiva.

Il-membri kollha tal-kumitat irċevew ittra minn għand l-avukat ta’ dan il-bord tal-gvern. Din tikkonferma li l-koperattiva tas-sajjieda se tiġi likwidata, u tikkonferma wkoll li mingħajr dubju ta’ xejn, għandha iżjed minn 100,000 Ewro dejn.

Barra minn hekk, il-Bord tal-Koperattivi għażel li lill-membri individwali tal-kumitat, iżommhom responsabbli personalment tal-ispejjeż tal-likwidazzjoni minflok il-membri kollha tal-koperattiva b’mod kollettiv.

Minn dan wieħed jista’ jobsor li l-investigazzjoni li saret fil-mod ta’ kif tmexxiet il-koperattiva, sabet li t-tmexxija kient taħti ta’ dan, imma s’issa l-gvern ma qiesx il-mistoqsijiet ta’ The Shift f’dan ir-rigward.

L-ittra li rċevew il-membri tal-kumitat tikkwota il-Kapitlu 442 tal-Liġijiet ta’ Malta li jirregolaw il-koperattivi, u tirreferi speċifikament għall-Artiklu 100(10) li jgħid: “Malli jinbeda stralċ, il-Bord għandu jistabbilixxi jekk l-attiv tas-soċjetà li tagħha jkun qed isir l-istralċ ikunx suffiċenti biex ikopri l-ispejjeż kollha tal-istralċ, inkluża r-rimunerazzjoni tal-istralċjarju.”

U dan l-Artiklu jkompli hekk: “Jekk l-attiv tas-soċjetà ma jkunx biżżejjed għall-finijiet hawn qabel imsemmija, dawk l-ispejjeż, u dawk l-ispejjeż biss, għandhom jitħallsu mill-membri tal-kumitat ta’ tmexxija jew mill-membri kollha tas-soċjetà, hekk kif il-Bord jista’ jistabbilixxi f’kull każ partikolari.”

Il-fatt li l-Bord tal-Koperattivi għażel li lill-kumitat tat-tmexxija, u mhux il-membri kollha kollettivament, iqisu responsabbli biex l-ispejjeż tal-likwidazzjoni jagħmel tajjeb għalihom hu, jimplika li l-investigazzjoni uriet li l-membri tal-kumitat stess jaħtu ta’ din it-taħwida finanzjarja.

L-awdituri li taw sehemhom fir-rapport annwali li jiddokumenta l-kontijiet l-iktar reċenti tal-GħKS, fl-2016 kienu diġà wissew li “id-dikjarazzjonijiet finanzjarji ma jagħtux stampa ġusta u veritiera tal-karta tal-bilanċ” tal-koperattiva.

Mill-investigazzjonijiet ulterjuri tal-materjal li hu aċċessibbli, jidher li l-valur nett tal-koperattiva kien jinvolvi dejn ta’ 108,362 Ewro. Essenzjalment dan ifisser li anki kieku stess l-koperattiva kellha tirkupra d-dejn kollu dovut lilha, xorta ma jkunx hemm flus biżżejjed biex jitħallsu l-kredituri kollha.

F’Awwissu li għadda, il-Bord tal-Koperattivi kien temm investigazzjoni tal-koperattiva li kienet ilha sejra tmin xhur u kien irrakkomanda li kellu jinbidel il-kumitat esekuttiv tagħha.

It-talba għal inkjesta fl-aġir tal-GħKS kienet ilha ssir mill-inqas minn Diċembru tal-2016, imma l-Bord tal-Koperattivi ma tax kasha. Sa fl-aħħar, f’Jannar li għadda, waqqaf inkjesta biex il-finanzi tal-GħKS tiflihom, u biex tiżgura li l-koperattiva “tikkonforma mal-obbligi legali kollha tagħha”.

F’April, The Shift kienet irrappurtat li l-GħKS kienet qed titmexxa minn individwi akkużati bil-kuntrabandu tal-fuel u tal-munizzjon, u kienet qed tiġi investigata talli l-kontijiet ivverifikati kienet ilha ma tippreżentahom għal dawn l-aħħar seba’ snin.

Is-segretarju tal-GħKS huwa l-allegat kuntrabandist tal-fuel Paul Piscopo. U l-viċi president, Michael Carabott, f’Jannar tal-2017, ingħata sentenza sospiża ta’ sena: mid-dokumenti tal-Qorti jidher li kien arrestat flimkien ma’ tliet Eġizzjani, wara li fil-pussess tagħhom kienu nstabu 50,000 biċċa munizzjon.

Joseph Demicoli, il-president tal-koperattiva, għandu kuntatti tajba mal-ogħla nies fil-Partit Laburista, inkluż l-ex prim ministru diżonorat Joseph Muscat, Keith Schembri, l-ex chief of staff diżonorat tiegħu, u saħansitra l-Prim Ministru attwali, Robert Abela.

Il-Ministeru tal-Ekonomija, l-Investiment u n-Negozji ż-Żgħar jiġi taħtu l-Bord tal-Koperattivi, u s’issa, il-mistoqsijiet ta’ The Shift dwar il-proċess tal-likwidazzjoni, għadu ma wiġibhomx.

Għall-inqas, din l-aħħar ittra lill-membri tal-kumitat tikkonferma li nbeda l-proċess tal-likwidazzjoni. Tikkonferma wkoll li l-inkjesta aktarx waħħlet fit-tmexxija tal-koperattiva għal din is-sitwazzjoni finanzjarja skabruża.

Dan l-aħħar The Shift irrappurtyat li s-sajjieda dan il-proċess kollu sejħulu “eżerċizzju għat-taparsi”, biex koperattiva mmexxija b’mod verament dubjuż jagħlquha u jxoljuha bl-iktar mod kwiet possibbli.

Is-sajjieda li tkellmu ma’ The Shift, lill-bord akkużawh li l-koperattiva xoljiha bil-kwiet u bil-moħbi,  u qalu li lanqas biss ma kienu jafu x’qed jiġri. Huma tal-fehma li qarrqu bihom u serqulhom iċ-ċans li d-direzzjoni tal-koperattiva jippjanawha huma stess.

Fl-aħħar kontijiet annwali tal-koperattiva, dawk tal-2016, l-awdituri kienu diġà esprimew fehma verament negattiva dwar dan l-istat ta’ fatt: saħansitra identifikaw xi drabi meta flejjes li daħlu fil-koperattiva ma setax jinstab ħjiel tagħhom jew fejn spiċċaw.

Jidher ċar li l-awdituri kienu inkwetati dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tal-koperattiva u qalu li fil-fehma tagħhom il-kontijiet ma kienux qed jagħtu “stampa ġusta u veritiera tal-karta tal-bilanċ”.

Mil-lista ta’ dawk li magħhom l-GħKS għandha d-dejn, jidher li l-parti l-kbira tal-pagamenti pendenti jinkludu self ta’ 93,585 Ewro maħruġ mid-Dipartiment tas-Sajd, ħlas tal-VAT li jammonta għal 20,804 Ewro, kif ukoll kontribuzzjonijiet tal-NI li jammontaw għal total ta’ 5,225 Ewro.

Hemm ukoll dejn ta’ 100,000 Ewro dovut lill-kredituri kummerċjali u kontijiet li ma tħallsux lil Transport Malta u l-Mediterranean Offshore Bunkering Company Ltd fost l-oħrajn.

L-awdituri esprimew it-tħassib tagħhom dwar “is-sitwazzjoni kritika” li ssib ruħha fiha l-koperattiva jekk ma jirnexxilhiex tirkupra dak li hu dovut lilha.

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

1 Comment
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments
MA Caruana
MA Caruana
2 years ago

Li nafu s’issa hu li mill-inqas €120,000 mit-taxxi taghna spiċċaw taru fis-shab. Nistgħu nżidu l-fondi tal-UE bħala ghajnuna fuq proġett tal-Koperattiva. Jekk tistaqsi lis-sajjieda jistaqsuk huma dwar xi progett hu! Nistgħu nżidu wkoll is-sussidju tal-Gvern, li madwar €17,000 minnhom tnizzlu fil-kotba bhala Bejgh ta’ Hut, minflok ma ġew ikkreditati fil-kotba kontra l-ispejjes tad-dawl u l-ilma. Forsi hekk sata’ kien ta’ beneficcju ghal xi terzi. Il-mistoqsija tigi waħida. Jaqaw din xi biċċa attività kriminali brillanti simili għal xi €4,000 flus kontanti li ghosfru, jew aktar minn €7,000 stokk ta’ tagħmir tas-sajd li ma nstabx jew stokks li ġew trasferiti lil terzi mingħajr kuntratt formali dettaljat dwar l-oggetti li ghaddew minghand il-Koperattiva ghal ghand il-privat?

Ebda problema hux! Fl-aħħar mill-aħħar , il-Bord tal-Koperattivi jidher li huwa kuntent li dawn l-abbuzi serji jizdiedu  pulit pulit  mal-ispejjes regolari fil-Kont ta’ Qliegh u Telf, jew inkella jinħbew fis-somma tal-ahhar tas-sena (Stokk fil-bidu tas-sena, ghodd ix-Xiri u naqqas l-Istokk fl-ahhar tas-Sena), minghajr ma jkun sar ezami fiziku tal-Istokk fl-imhazen, u l-kredituri jibqghu isaffru. Trasparenza rasha l-isfel tghum f’baħar ta’ mpunità. Huwa standard tal-mod kif jitmexxew l-affarijiet meta koperattiva tkun qieghda titmexxa mir-ruffjani taħt ghajnejn Bord tal-Koperattivi li ma jiffunzjonax kif suppost. Imma jista’ jkun ukoll ta’ konvenjenza, meta tqis illi membru tal-Bord kien uffiċjal għoli tal-istess Koperattiva fiż-żmien meta rċeviet fondi mill-Istat li suppost intuzaw fuq progett ghas-sajjieda.

Jidher ovvju li hemm wisq iktar saffi ta’susa taħt dak li jidher fil-wicc. L-iskop dejjaq li fuqu giet imsejjsa l-inkjesta tant mistennija, kellu ghan car, li l-ghatu tal-borma kemm kemm jitbexxaq. Issa l-Bord tal-Koperattivi għadu kemm iddikjara li sabu li l-borma fiha riha ta’ kontaminazzjoni u ghalhekk iddeċidew li jarmuha. Tajjeb hux! Jekk ir-ruffjani wettqu attivitajiet kriminali m’għandhomx għalfejn jinkwetaw. Il-mod kif ir-Regolatur qieghed jaġixxi fuq din il-kwistjoni huwa eccellenti ghalihom. Il-Bord issiġilla l-ghatu biex l-intiena ma toħrogx. Hekk ma nistgħux insiru nafu jekk kienx hemm xi affarijiet tal-ħasil jghumu fil-borma, bhal per ezempju b’konnessjoni ma’ kuntrabandu ta’ diesel, flimkien mat-taħsir l-ieħor.

Issa qed naqraw, “Il-membri tal-kumitat tal-Koperattiva tas-Sajd jinżammu responsabbli personalment tal-ispejjeż tal-likwidazzjoni.” Din forsi biex jimpressjonaw kemm huma serji, imma mhi xejn ħlief procedura biex id-ditta tal-avukati jassiguraw ruhhom li jithallsu ghall-ispejjes marbuta mal-procedura ta’ xoljiment tal-Koperattiva. Tbezbiza ħafifa u konferma li flus m’hemmx. U allura min se jagħmel tajjeb għal dak kollu li sparixxa jew sar duħħan? Jghidulek, “ħallu l-istituzzjonijiet jaħdmu”. Iva, biex finalment ninħadmu aħna.

U fl-aħħar mill-aħħar x’jibqghalna meta naghsru dan kollu? Xejn, ħlief sitwazzjoni fejn aħna nħallsu t-taxxi biex insostnu lir-ruffjani u lin-nies fl-ghola karigi biex tal-aħħar iroddulna l-inkompetenza grassa taghhom, li f’dan il-każ seviet biex koperattiva tas-sajjieda tkun meqruda b’mod metodiku. Min se jibbenefika minn din it-tragedja?

Related Stories

L-avukati difensuri ta’ Muscat kienu fost il-mistednin il-Barbados
Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga lil Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo