Il-procurement għall-promozzjoni u r-reklamar tal-metro ħadu ħsiebha Ian Borg u ċ-Chairman ta’ Transport Malta

F’Lulju li għadda, The Shift kienet irrappurtat li ftit xhur wara, l-istess kumpannija kienet ipprovdiet it-tined u dawk l-affarijiet l-oħra li kien hemm bżonn, għall-kampanja elettorali personali ta’ Ian Borg

 

This article is available in English

Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditur (l-NAO), l-ex ministru tat-trasport Ian Borg u l-ex chairman ta’ Transport Malta (TM) Joseph Bugeja, indaħlu personalment biex jiddiskutu, japprovaw u jinnegozjaw l-ispiża għal esebizzjoni ta’ 14-il jum dwar is-sistema tal-metro li saret lejn l-aħħar tal-2021.

L-NAO ikkonferma l-aħbar esklussiva li kienet tat The Shift dwar kif il-gvern kien kiser kull regola tal-procurement pubbliku meta lill-kumpannija tal-events, TEC Ltd, kien taha xi 20 direct order differenti. Lill-Partit Laburista, din il-kumpannija teħodlu ħsieb l-avvenimenti kollha tal-massa. L-NAO skopra wkoll li n-negozjati mal-fornitur kien ħa ħsiebhom direttament iċ-chairman ta’ Transport Malta bla ma kellu l-approvazzjoni la tal-ministru tal-finanzi u lanqas tal-kumitat stess dwar il-procurement tal-aġenzija nnifisha.

Din is-sejba inkriminanti l-NAO ippubbklikaha t-Tnejn, u qal li l-ispiża għall-esebizzjoni inawgurata mill-Prim Ministru Robert Abela ma kellhiex tkun iktar minn 400,000 Ewro. B’dan kollu, lil min iħallas it-taxxa spiċċat tiswielu iktar minn 550,000 Ewro.

Iktar minn hekk, il-procurement kollu għal din l-okkażżjoni, kien sar bis-saħħa ta’ direct orders li nnegozjahom personalment iċ-chairman ta’ TM.

L-NAO sab li t-TEC, lil TM kienet tatu stima ta’ 474,000 Ewro, u wara, “permezz tal-korrispondenza, Ian Borg (li dak iż-żmien kien il-ministru) kien qabel mal-proposta li għamel iċ-Chairman ta’ TM (Joe Bugeja) biex l-ispiża għall-esebizzjoni titnaqqas għal mhux iktar minn 400,000 Ewro”.

Imma wara li saret l-esebizzjoni, l-NAO skopra li lil TEC Ltd kienu ħallsuha 503,851 Ewro. Ma’ din l-ispiża kien hemm ukoll nefqa ta’ 44,331 Ewro li tħallsu lil fornituri oħra, biex b’hekk, b’kollox intefqet somma ikbar mill-budget allokat għal din l-okkażjoni.

L-NAO skopra wkoll li n-negozjati mat-TEC “ħa ħsiebhom iċ-Chairman (Bugeja), u wara, il-kumitat tal-procurement, il-ħlasijiet kemm approvahom”.

L-NAO saħaq li “l-permess biex jitqabbad il-fornitur prinċipali (TEC Ltd) bis-saħħa ta’ direct order, la ntalab uffiċjalment mid-Dipartiment tal-Kuntratti u lanqas mill-Ministru tal-Finanzi”.

L-investigazzjoni tal-NAO ma daħlitx fil-kwistjoni jekk Bugeja kienx qed jimxi mal-istruzzjonijiet diretti tal-Ministru Ian Borg meta kien qed jinnegozja ma’ TEC Ltd.

The Shift diġà żvelat kif b’kumbinazzjoni it-TEC Ltd kienet ipprovdiet it-tined u l-ħtiġijiet l-oħra għall-kampanja elettorali personali ta’ Ian Borg ftit xhur biss wara l-esebizzjoni dwar il-metro.

Il-procurement bis-saħħa tad-direct orders

L-NAO ikkonċentra fuq in-nefqa ta’ 27 miljun Ewro għall-procurement li għamel TM fl-2021 u sab li anki meta l-valur ta’ kuntratt kien iktar minn miljun Ewro, xorta kien qed isir il-procurement bis-saħħa tad-direct orders bi ksur ċar tal-liġi.

Skont l-uffiċjali ta’ TM, dan kien isir minħabba “l-urġenza tal-każ”.

Imma l-awditur sab “li fil-lista li ngħata ta’ kuntratti għal direct orders, kien hemm infiq għal xogħol bħalma hu dak ta’ konsulenza kif ukoll spejjeż għal surveys (dawn kien għamilhom Vince Marmara), u l-NAO xorta ma setax jifhem x’urġenza seta’ kien hemm fihom”.

“U kultant il-procurement kien isir b’mod mhux tas-soltu, bħal meta każijiet ta’ self-procurement sostanzjali kien jieħu ħsiebhom ċ-Chairman (Joe Bugeja) stess.”

L-NAO kompla jikxef l-abbuż sfaċċat, bħal meta biex timpjega xi 51 staff klerikali, lil żewġ kumpanniji, TM ħallsithom 3 miljun Ewro b’direct order. U nstab li anki meta dan l-istaff ma kienx jiflaħ, jew kellu l-vacation leave, il-kumpanniji privati lil TM xorta talbuha l-ħlas għas-servizzi tagħhom, u ħafna drabi spiċċaw tħallsu xorta.

F’Mejju tal-2021 il-gvern kien nieda kampanja ta’ tindif tas-sistema tat-toroq, u lid-Dipartiment tal-Kuntratti, TM talbitu joħroġ tmien direct orders differenti ta’ 150,000 Ewro kull wieħed – somma ħmistax-il darba iktar għolja mil-limitu ta’ 10,000 Ewro.

Id-Dipartiment ma kienx qabel, għax ma sab ebda ġustifikazzjoni għal dawn id-direct orders. Imma b’dan kollu, TM xorta ħareġ id-direct orders għal dawn ix-xogħlijiet wara li naqqas il-valur tagħhom.

Bis-saħħa ta’ serje sħiħa ta’ eżempji oħra, l-NAO ikkonkluda li r-regolamenti, TM ma tatx kashom għal kollox, u spiċċat nefqet il-miljuni ta’ Ewro ta’ fondi pubbliċi.

Wara l-aħħar elezzjoni ġenerali li saret f’Marzu, Ian Borg baqa’ membru tal-Kabinett. B’dan kollu xorta ngħata l-ġenb u tqabbad jieħu ħsieb il-ministeru tal-affarijiet barranin – ħatra ‘il bogħod mit-tenders u d-direct orders. U Joe Bugeja, iċ-Chairman ta’ TM tneħħa, u daħal ħaddieħor floku.

It-TM issa taqa’ taħt il-ministeru li jmexxi Aaron Farrugia u lill-NAO qalulu li f’dawn l-aħħar xhur kienu twaqqfu “id-direct orders jekk mhux f’każ ta’ urġenza”. Qalulu wkoll li “qed jaħsbu f’miżuri li jwasslu għal governanza aħjar fi ħdan TM bis-saħħa tat-tisħiħ tal-awditjar intern u tal-funzjoni tal-procurement, kif ukoll bit-tibdil fl-istruttura ta’ din l-organizzazzjoni.”

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

1 Comment
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments
Godfrey Camilleri
Godfrey Camilleri
2 years ago

Meta tinkiser il-ligi tal-procurement billi johorgu Direct Orders aktar minn €10,000, ghaliex ma titholx il-pulizija, jekk il-ligi qed tinkiser left, right and centre?

Related Stories

L-avukati difensuri ta’ Muscat kienu fost il-mistednin il-Barbados
Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga lil Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo