Ikompli jikber l-iskandlu tal-Gozo Channel, hekk kif lill-klijenti, iċ-chairman jitlobhom kumpens taċ-ċajt

This article is available in English

Qed joħorġu iktar dettalji dwar ftehim ad hoc bejn il-Gozo Channel u klijent privat taċ-chairman tagħha Joe Cordina. B’hekk qed insiru nafu iżjed dwar wieħed mill-iskandli l-aktar reċenti li kixfet The Shift u li possibbilment jinvolvi l-abbuż tal-fondi pubbliċi, management ħażin, kif ukoll il-qerq u l-korruzzjoni.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri irrifjuta li jippubblika l-kuntratti li għandhom x’jaqsmu mal-kirja ta’ propjetà fi stat mitluq l-Imġarr. Il-Gozo Channel krietha minn għand klijenti privati taċ-chairman tagħha, u suppost għandha sservi ta’ uffiċini għal entità pubblika. Fl-istess ħin, il-ministru żvela li skont il-kuntratt tal-kirja għal għaxar snin, il-klijenti taċ-chairman, b’kollox se jkunu rċevew kważi 700,000 Ewro kera.

U dan minkejja l-fatt li l-kumpannija statali diġà tilfet tlett snin mill-kirja minħabba l-istat miżeru ta’ din il-propjetà ‘magħżula’ mill-Gozo Channel bħala uffiċini.

Meta wieġeb il-mistoqsijiet tad-deputat Għawdxi tal-Oppożizzjoni Chris Said, il-Ministru għal Għawdex ikkonferma dak li kienet żvelat The Shift: din il-propjetà l-Imġarr, li darba kienet supermarket, ma setgħetx tintuża mill-Gozo Channel, qabel ma jsirilha xogħol strutturali estensiv minħabba d-difetti serji strutturali li għandha.

B’dan kollu l-ministru kompla jgħid li la darba tiskadi l-kirja ta’ 700,000 Ewro għal għaxar snin, s-sidien tal-propjetà, A & J Hili Ta’ Miema Ltd, lill-Gozo Channel se jestendulha l-kirja għal 18-il xahar oħra ‘bla ħlas’, biex ipattu għan-nefqa li qed tagħmel il-Gozo Channel biex tirranġa l-propjetà.

Imma l-ministru ma semmiex li s-sidien tal-propjetà li nkriet fl-2019, huma klijenti tal-kumpannija privata tal-awditjar ta’ Joe Cordina, iċ-chairman tal-Gozo Channel.

Il-ministru kkonfermah dak li rrappurtat The Shift, għax il-binja li kienet supermarket, il-Gozo Channel suppost bdiet tużaha tliet snin ilu, f’Jannar tal-2020. U qal ukoll li s’issa, tal-kirja, lill-klijenti taċ-chairman, il-Gozo Channel kienet qed tħallashom 62,400 Ewro fis-sena, jew 5,200 Ewro fix-xahar, allavolja din il-propjetà,  il-kumpannija għadha qatt ma użatha.

Dan il-ftehim ta’ għaxar snin issa diġà għaddew tliet snin minnu, u mis-sena d-dieħla għandu jogħla b’sitta fil-mija.

Sa tmiem din is-sena, il-Gozo Channel lill-klijenti taċ-chairman tagħha se tkun ħallsithom 179,000 Ewro bla ma qatt użat il-propjetà. Mhux biss, imma qed toħroġ ukoll 500,000 Ewro oħra biex il-propjetà tirranġaha. U sadattant, għadu mhux magħruf meta din il-binja se tkun tista’ tintuża: b’hekk qed titħallas il-kera għal xejn.

Biex ipattu għal dawn il-problemi li għandha l-propjetà, il-klijenti taċ-chairman se jkunu qed iħallsu lura biss 111,000 Ewro, li jiġu kera għal 18-il xahar.

Fi tmiem il-ftehim, b’kollox is-sidien se jkunu rċevew 700,000 Ewro kera u blokka ta’ uffiċini kważi ġdida – kompletament irranġata, spejjeż ta’ min iħallas it-taxxa. Imbagħad ikunu jistgħu jerġgħu jikruha jew lill-Gozo Channel stess jew lil xi ħaddieħor.

Cordina kien kandidat elettorali tal-Partit Laburista u ilu chairman tal-Gozo Channel mill-2013. S’issa, il-ħafna mistoqsijiet li għamlitlu The Shift ma jridx iweġibhom.

Saqsejnih biex jgħid min kienu l-membri tal-bord ta’ evalwazzjoni li l-propjetà għażluha biex tużaha l-kumpannija, u min kienu l-periti li eżaminaw l-istat strutturali tal-binja qabel ma ġie ffirmat il-kuntratt tal-kera. U saqsejnih ukoll dwar il-kunflitt ta’ interess lampanti li huwa involut fih minħabba dan il-ftehim.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

Robert Abela kompromess u ma jistax jieħu passi fuq l-iskandlu tal-mara tal-ministru
Read in English. Is-sejbiet ta’ kundanna li ħarġu mill-investigazzjoni
ESKLUSSIVA Villa Rosa: il-gvern biegħ mogħdija ta’ €3 miljun lil Tal-Franciz għal €134,000
Read in English. The Shift jista’ jiżvela b’mod esklussiv

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo