Esklussiva: Hemm pjan lest biex ixolju l-linja nazzjonali tal-ajru, l-Air Malta

The article is available in English here

Hemm pjanijiet fi stat avanzat ħafna biex aktar tard din is-sena l-Air Malta, l-gvern ixoljiha u l-ftit assi li baqagħlha u li għadhom jagħmlu l-qligħ, jittrasferihom lil linja tal-ajru ġdida, kif diġà sar l-Italja bl-Alitalia.

Skont dan il-pjan, il-ħaddiema kollha tal-Air Malta, mill-piloti sal-ground handlers, se jiġu ddikjarati żejda, u lil dawk li jitħaddmu mil-linja tal-ajru l-ġdida tal-gvern, jingħatalhom kuntratt ġdid ibbażat fuq il-kondizzjonijiet attwali tas-suq.

In-negozjati li għadhom għaddejjin dwar l-għajnuna mill-istat li jinvolvi pakkett finanzjarju ta’ 290 miljun Ewro biex isalva lill-Air Malta, hemm indikazzjoni minn Brussell li se jfallu. Għalhekk tlesta pjan ieħor bil-moħbi li għandu jitwettaq.

The Shift għandha informazzjoni ta’ min joqgħod fuqha li l-pjan alternattiv li għandu jitwettaq hekk kif ifallu n-negozjati dwar l-għajnuna statali, diġà approvawh kemm il-Prim Ministru Robert Abela kif ukoll il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana. Skont dan il-pjan, lejn l-aħħar t’Ottubru għandha titwaqqaf linja nazzjonali tal-ajru ġdida u fl-istess ħin tiġi xolta l-Air Malta.

B’dan il-pjan, il-gvern se jipprova jasal għal tranżizzjoni bla skossi mill-Air Malta għal-linja tal-ajru l-ġdida, li jkollha wkoll ħafna inqas impjegati u djun. B’hekk il-linja tal-ajru l-ġdida tkun tista’ tibda paġna ġdida.

Il-ħaddiema kollha tal-Air Malta li jkunu għadhom fuq il-kotba tal-kumpannja fid-data meta jxoljuha, jingħataw l-avviż tas-sensja, imma uħud minnhom tingħatalhom l-opportunità li japplikaw biex jaħdmu mal-linja tal-ajru l-ġdida.

B’dan kollu dawn il-kuntratti se jitfasslu mill-ġdid, u se jispiċċaw l-parti l-kbira tal-benefiċċji li kienu jgawdu s’issa l-impjegati tal-Air Malta. Il-kuntratti l-ġodda se jkollhom l-istess tip ta’ kondizzjonijiet li għandhom il-linji tal-ajru low-cost.

Dawk li leħqu bbukkjaw titjira mal-Air Malta f’data li tiġi wara x-xoljiment tal-kumpannija, jew jieħdu flushom lura inkella tingħatalhom il-possibbiltà li jivvjaġġaw mal-linja tal-ajru l-ġdida. Imma l-linja tal-ajru l-ġdida mhux se tkun tista’ toffri r-rotot kollha li kellha l-Air Malta, għax biex tikseb l-approvazzjoni tal-UE, il-linja tal-ajru l-ġdida tkun trid turi li hija operatur ekonomiku kompletament differenti, u mhux sempliċi suċċessur tal-Air Malta.

The Shift hija infurmata li s’issa, il-gvern għadu ma ddeċidiex jekk għal din it-tranżizzjoni, jużax il-Malta MedAir – linja tal-ajru li kien waqqafha fl-2018 l-ex ministru diżonorat Konrad Mizzi biex tikkompeti mal-Air Malta – inkella għandux iwaqqaf struttura kompletament ġdida.

Il-Malta MedAir hija kumpannija kollha kemm hi tal-gvern u bħalissa għandha Airbus A320 fuq il-kotba tagħha, kif ukoll id-drittijiet attraenti għal Gatwick u Heathrow: dawn kienet xtrathom minn għand l-Air Malta f’eżerċizzju kreattiv ta’ kontabilità biex il-linja nazzjonali tidher li qed tagħmel il-qligħ.

The Shift għandha informazzjoni li lill-GWU għarfuha informalment dwar din il-possibbiltà, imma l-ħaddiema ħallewhom kompletament inċerti dwar il-futur tagħhom.

Bħalissa l-gvern qed jittratta mal-unions biex jipposponi l-wegħda li kien għamel lil 577 impjegat tal-Air Malta qabel l-elezzjoni, biex jagħtihom xogħol mal-gvern mil-lum, il-11 t’Awwissu. Minflok, il-gvern qed imur lura mill-kelma li kien ta lill-impjegati li kienu ffirmaw l-Iskema VET ftit qabel l-elezzjoni xi xhur ilu.

Ftit qabel l-elezzjoni ġenerali ta’ Marzu li għadda, lill-ħaddiema kienu wegħduhom xogħol għal għomorhom, imma issa qed joffrulhom għażla: jew jieħdu somma flus jew inkella xejn. Lill-impjegati tal-Air Malta dan wassalhom biex ikunu rrabjati bil-kbir: lil The Shift qalulha li jħossuhom ittraduti.

Għadu mhux ċar ukoll x’se jiġrilhom dawk li wegħduhom xogħol mal-gvern jekk lill-Air Malta jxoljuha.

Wara snin sħaħ ta’ tmexxija ħażina u kondizzjonijiet tas-suq li nbidlu, is-sena l-oħra l-gvern talab il-permess tal-UE biex lill-Air Malta jagħtiha 290 miljun Ewro f’għajnuna statali. Imma din it-talba ċaħduha minn Brussell u għalhekk il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana tgħabba bir-responsabbiltà li joħroġ bi proposta realistika.

Wara sentejn ta’ taħdidiet, fl-2012 il-gvern kien ħa permess minn Brussell biex lill-Air Malta jagħtiha 130 miljun Ewro f’għajnuna statali, imma bil-kondizzjoni li l-eżerċizzju tal-istrutturar mill-ġdid kellu jitlesta sal-2015. Barra minn hekk ma kellux ikun hemm bżonn intervent ieħor mill-gvern.

Għalkemm xi ristrutturar kien sar, il-kumpannija baqgħet tagħmel telf enormi u issa qiegħda fi stat ta’ falliment komplet jekk il-gvern ma jerġax jintervjeni bla dewmien.

Skont ir-regoli stretti tal-UE li jissalvagwardjaw il-kompetittività fost il-linji tal-ajru Ewropej, kumpannija tista’ tirċievi l-għajuna statali darba biss kull għaxar snin, skont il-prinċipju ‘darba biss u għall-aħħar darba’.

Lill-ministru Clyde Caruana, The Shift talbitu jikkonferma jekk l-gvern hux qed jaħdem fuq pjan biex lill-Air Malta jxoljiha, u minflokha joħloq linja tal-ajru ġdida, bħalma sar l-Italja meta ħolqu l-Italia Trasporto Aereo S.p.A, magħrufa aħjar bħala l-ITA. Imma l-ministru baqa’ ma weġibx.

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

2 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments
Joseph
Joseph
2 years ago

Il-Malti fil-veru bahnan u gahan fl’istess hin. Dejjem wara l’elezjoni ifalluhom il-kumpaniji. Biex idahhlu lill dawk li weghdu qabel l’elezjoni. Dak li huwa tgerfix u li wiehed jakwista dak li hu ta’haddiehor ma hux GAWDUT. Bil-malti jghidu jsirlek kollox SUF. IFHEM.

D.Vella
D.Vella
2 years ago

Meta timpjega nies mas-settur civil b’paga aktar min doppju ta dak li qedin jaqilghu bhalissa nies tac-civil trid tkun insensat anki l-union mhix tahdem fl-interess ta’pajjizna ghax qeda timmanipula l-gvern. Komplu ghaffgu u haffru l-isfel l-elezzjoni tasal imbghad morru habbtu biss ghand dawk il-500 ghax kull xoghol fih pregju.

Last edited 2 years ago by D.Vella

Related Stories

L-avukati difensuri ta’ Muscat kienu fost il-mistednin il-Barbados
Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga lil Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo