‘Ħallewna lampa stampa’: lill-familja ta’ Rita Vella, maqtula f’darha 22 sena ilu, il-kuntratturi u l-perit għadhom ma ħallsuhomx il-kumpens

The article is available in English here

Wara taqbida l-qorti li kienet ilha sejra 20 sena, min instab ħati, lill-familja għadhom ma ħallsuhiex.

Iktar minn għoxrin sena ta’ seduti l-qorti, spejjeż tal-avukati u qsim il-qalb: Rita Vella inqatlet 22 sena ilu, meta d-dar tagħha Tas-Sliema waqgħet fuqha minħabba t-tħaffir li kien qed isir ħdejn darha, u l-familja tagħha għadha b’xiber imnieħer.

“Lanqas ngħidlek kemm infaqna spejjeż legali, imma żgur li l-kumpens lanqas ileħħaq magħhom. Biss biss 5000 Ewro nfaqniehom biex sempliċement nibdew il-kawża.” Hekk qalilha lil The Shift Paul, iben Rita Vella, dwar il-kawża ċivili li kienet bdiet il-familja. Sa fl-aħħar, fl-2020, il-qorti ddeċidiet li min kien responsabbli tax-xogħol ta’ tħaffir, il-kuntratturi Carmelo Micallef u Raymond Cassar, kif ukoll il-perit Philip Azzopardi, lill-familja Vella kellhom jagħtuha 67,000 Ewro f’kumpens. Imma diġà għaddew sentejn minn dak iż-żmien ‘l hawn, u l-familja għadha ma ħadet xejn.

“Il-vili hi li lanqas ma nistgħu nitolbu li nitħallsu l-ispejjeż tal-avukat, għax fis-sentenza finali dawn ma jissemmewx. Għalhekk kellna nieħdu ħsieb ta’ kollox aħna. Ħallewna lampa stampa.” Hekk qal Vella.

Vella qalilna wkoll li waqt li Cutajar kemm-il darba avviċina lill-familja biex iħallas sehmu, it-tnejn l-oħra ma wiġbux għat-talbiet li għamlulhom il-familja u l-avukat tagħha.

Agħar minn hekk, billi d-digriet tal-qorti ċivili jgħid li l-kumpens irid jitħallas ‘in solidum’ (jiġifieri s-somma, Micallef, Cutajar u Azzopardi għandhom iħallsuha flimkien), il-familja lanqas ma tista’ taċċettahom il-flus li Cutajar offrilha kemm-il darba.

Wara l-inċident li wassal għall-mewt ta’ Rita Vella, infetħu żewġ kawżi, waħda fil-qorti ċivili u l-oħra fil-qorti kriminali. Lill-kuntratturi, il-qorti kriminali sabithom ħatja tat-traskuraġni, imma l-perit illiberatu minn din l-istess akkuża. Cutajar u Micallef ġew immultati 4,000 Ewro kull wieħed, imma din is-sentenza appellawha.

Fil-qorti ċivili, il-kawża ħadet sbatax-il sena biex ngħalqet. U billi l-akkużati reġgħu appellaw, kien biss fl-2020 li l-appell ġie miċħud u ħareġ id-digriet għall-kumpens.

“Dan it-tul ta’ żmien kollu li jieħu każ il-qorti, huwa sempliċement ridikolu. Dan kien każ ċar daqs il-kristall: ommi kienet f’darha, ma kellha l-ebda tort.” Hekk qalilha Vella lil The Shift.

Imma għaddew sentejn oħra, u minn dawk is-67,000 Ewro dovuti lill-familja Vella, lanqas ċenteżmu għadu ma tħallas.

Meta saqsejnih jekk il-familja qatt kinitx ħadet xi sodisfazzjon minn għand Azzopardi u Micallef, Vella qalilna li lanqas biss ma rnexxilhom jikkuntattjawhom.

Triq waħda fadlilhom, dik li l-iktar jibżgħu minnha – li lill-kuntratturi u lill-perit jerġgħu jtellgħuhom il-qorti, u jerġa’ jibda l-inkubu mill-ġdid.

Kompla Vella: “Għadni kemm kellimt lill-avukat ftit tal-ġranet ilu, u qalli li se jkollu jmexxi u jerġa’ jtellagħhom il-qorti minħabba l-kumpens li għadu ma tħallasx. Konna avżaniehom li jekk sa Ġunju ma jħallsuniex, konna se mmexxu bil-qorti. Issa m’għandna l-ebda għażla oħra ħlief li nipproċedu.”

“Din kienet trawma kbira għalina lkoll u veru ma nixtieqx li jgħaddi minnha xi ħaddieħor. Għalhekk din it-traskuraġni, bqajt niġġieled kontrieha, u tkellimt dwar il-każi kollha li fihom tilef ħajtu xi ħadd.”

Minħabba dawn iċ-ċirkostanzi, Vella sar donnu punt ta’ riferiment mhux uffiċjali għal min tilef daru jew anki lil xi ħadd għażiż.

F’dawn l-aħħar ħames snin, kien hemm serje ta’ inċidenti simili, u kellmuh nies li kellhom jiffaċċaw sitwazzjoni tixbah lil tiegħu: riedu jkunu jafu x’għandhom jagħmlu u lil min kellhom ikellmu.

“F’dan l-istadju lanqas m’għadha kwistjoni tal-kumpens, għax b’daqshekk lil ommi mhux se nerġgħu nġibuha lura. Imma dawn huma affarijiet li ma jitwemmnux: għal delitti bħal dawn m’hemm l-ebda deterrent.” Hekk qalilna Vella meta kien qed jitkellem dwar in-nuqqasijiet sistematiċi li wasslu għal dawn l-inċidenti.

“Jitfaċċa l-kuntrattur, tiġġarraf darek u jħallik mejjet, u mbagħad attaparsi l-affarijiet jirranġahom għax jagħmillek ftit konkos.”

Saqsejnih x’hemm bżonn jinbidel: Vella insista li jrid ikun hemm infurzar bis-serjetà; monitoraġġ kontinwu tas-siti ta’ kostruzzjoni; u l-ilmenti għandhom jiġu investigati mill-aktar fis, qabel ma tiġri xi traġedja.

Ommu ilha li mietet 22 sena, kompla jgħid, u l-isforzi tal-gvern biex din l-industrija jirregolaha huma daħk fil-wiċċ.  “Minn dak iż-żmien ‘l hawn għadna ma tgħallimna xejn: mhux imbilli jinħolqu awtoritajiet bħalma hi l-Building and Construction Authority, imbagħad ma jkunx hemm l-infurzar”.

“Biex tagħqad, għal dawn in-nies qisu qatt ma ġara xejn, u mill-awtoritajiet ma tara l-ebda għajnuna. Ħadd minn dawn in-nies ma missu tħalla jkompli jaħdem wara li kkawża inċident bħal dak, għallinqas sakemm ingħalaq il-każ”.

“Meta hu u jsuq, xi ħadd joqtol lil xi ħadd ieħor, il-liċenzja jissospenduhielu: żgur ma jistax ikompli qisu ma ġara xejn”, hekk temm jgħid Vella.

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

L-avukati difensuri ta’ Muscat kienu fost il-mistednin il-Barbados
Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga lil Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo