It-trasferiment tal-kirjiet lil terzi qed iġib straġi kbira fil-komunità agrikola

L-Għaqda Bdiewa Attivi qed twissi li l-ispekulaturi sinjuri qed jisfruttaw provvediment f’avviż legali tal-2018 biex lill-bdiewa jeħdulhom l-art

 

Read the article in English here.

Hemm komplikazzjoni oħra fil-bawxata legali li għandha x’taqsam mal-Agricultural Leases Act, Avviż Legali tal-2018. Bis-saħħa ta’ dan l-Att, min ikollu ftehim ta’ kirja jista’ jittrasferiha lill-ħaddieħor: b’hekk, xi ħadd li ma jkunx bidwi, inklużi l-iżviluppaturi, joffri somma ikbar għal biċċiet ta’ art fabbrikabbli tajba ħafna u l-bidwi ma jkunx jista’ jikkompeti.

Malcolm Borg, il-kap tal-għaqda tal-bdiewa Għaqda Bdiewa Attivi (GħBA) kellem lil The Shift għax sar jaf b’diversi każijiet fejn il-bdiewa ma setgħux ileħħqu ma’ min kien qed joffri iżjed biex jakkwista art fabbrikabbli ħalli jużaha għal skop mhux agrikolu.

Qabel, il-liġi kienet tippermetti biss li kiriet bħal dawn jgħaddu minn għand il-ġenituri għal għand l-ulied, imma l-Avviż Legali Nru 438 tal-2018, il-Government Lands Act oriġinali emendaha biex dan it-trasferiment tippermetti li jsir lil terzi li jikkwalifikaw bħala bdiewa ‘bona fide’.

Imma l-problema hi li l-Avviż Legali ma jispeċifikax min huma l-bdiewa ‘bona fide’: jgħid biss li l-bidwi għandu jkun irreġistrat mad-Direttur tal-Agrikoltura bħala part-time jew full-time.

Hemm il-każ ta’ Chloe Portelli, bint l-iżviluppatur Għawdxi Joseph Portelli: dan huwa eżempju tal-abbuż li jista’ jsir meta żviluppatur jirreġistra bħala bidwi u jakkwista art agrikola.

Kif qalilha Borg lil The Shift: “Trasferimenti bħal dawn il-liġi tippermetti li jsiru biss lil bdiewa ‘bona fide’, imma ma tagħti ebda definizzjoni. L-applikant irid juri biss ċertifikat mid-Dipartiment tal-Agrikoltura li huwa ‘bidwi’, u dan jinħareġ anki jekk ikollok biss tomna art”.

“Allura qed jiġri li xi ħadd li mhux bidwi, speċjalment il-kuntratturi, imma mhux huma biss, lil sid il-kirja jagħtuh rigal biex il-kirja jgħaddiha lilhom. U sa kemm ikunu rreġistrati uffiċjalment, għall-Awtorità tal-Artijiet, huma bdiewa ‘bona fide’.” Hekk żied jgħid, u spjega kif dan ir-rigal, fil-qofol tiegħu huwa ħlas mhux uffiċjali biex lil sid il-kirja jikkonvinċuh il-kirja jgħaddiha lilhom.

Issa l-Avviż Legali jgħid li l-Awtorità tal-Artijiet għandha l-poter tipproċedi bl-azzjoni legali fl-Ewwel Istanza tal-Qorti Ċivili kontra l-individwu jekk jinstab li l-art ma tkunx qed tintuża għal skop agrikolu wara li jsir it-trasferiment.

F’każ bħal dan, l-Awtorità lill-qorti titlobha li titkeċċa l-persuna minn dik l-art u tiddikjara li dak it-trasferiment kien null u ma jgħoddx.

Imma Borg jisħaq li l-Awtorità m’għandha l-ebda sistema biex tivverifika xi jkun qed jiġri minn dik l-art li tkun qed tikri: b’hekk bidwi ġenwin b’riżorsi finanzjarji limitati jsib ruħu f’sitwazzjoni fejn ikollu jikkompeti għal kirja rħisa ma’ spekulaturi bil-wisq iktar sinjuri.

Borg jinsisti li b’hekk qed tkompli tiżdied il-pressjoni li hemm fuq is-settur agrikolu f’Malta, għax barra minn hekk, diġà ntlaqat bil-kbir minn żieda qawwija fl-ispejjeż u mit-tkeċċija tal-bdiewa.

Lill-Awtorità tal-Artijiet saqsejnieha kemm saru spezzjonijiet ta’ verifika, u jekk qattx tellgħet lil xi ħadd il-qorti għax kiser l-kondizzjonijiet stipulati fl-avviż legali.

“Hija traġedja għall-bidwi li jkun irid iktar art, imma rigal kif imiss ma jkunx jista’ jħallsu lil min ikollu l-kirja f’idejh, kif jagħmel min mhux bidwi. U hija traġedja wkoll għal bidwi żagħżugħ li jkun irid l-art biex jibda l-ħidma tiegħu imma ma jkollux ċans, għax dawn il-ġganti qed jikkapparraw iktar u iktar art”, tenna Borg, waqt li saħaq kemm hija problema kbira għall-produzzjoni tal-ikel u għas-sigurtà ta’ din il-provvista.

Biex il-każ tagħha tirfdu aħjar, l-GħBA qabbdet lil analista tal-immaġini bis-satellita ħalli jgħinhom jimmoniterjaw biċċiet tal-art li ħarġet l-Awtorità tal-Artijiet bis-saħħa ta’ tender għal min potenzjalment jinteressah din it-tip ta’ kirja.

Mingħajr xhieda bħal din, jgħid Borg, l-Awtorita tal-Artijiet, is-sitwazzjoni ma tkunx tista’ timmoniterjaha kif imiss; żied jgħid li ma jafx “b’każ fejn l-Awtorità tal-Artijiet ħadet xi azzjoni”.

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

L-avukati difensuri ta’ Muscat kienu fost il-mistednin il-Barbados
Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga lil Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo