L-inkjesta dwar kif naqset il-pulizija fil-każ ta’ Iosif Galea se jmexxiha mħallef irtirat li kkritikawh talli l-inkjesti tiegħu fl-imgħoddi iktar servew biex ‘igħattu’ dak li jkun sar

Waħda mill-inkjesti li kien mexxa Depasquale, ikkritikawha u sejħulha 'parodija tal-ġustizzja'

 

Read this article in English here.

Dawk li jaħdmu fil-qasam tal-liġi u fl-infurzar tal-liġi, laqgħuha bix-xettiċiżmu u bis-sarkażmu l-ħatra tal-imħallef irtirat Franco Depasquale biex jinvestiga kif il-pulizija possibbilment naqsu fil-każ tal-konsulent tal-logħob tal-ażżard Iosif Galea, li ħarab mill-ġustizzja meta kellu mandat tal-arrest Ewropew. Fl-imgħoddi Depasquale kien involut f’kemm-il inkjesta, u kemm amministrazzjoni Laburista kif ukoll dik tal-PN ikkritikawhomlu talli iktar servew biex “jgħattu” dak li jkun sar.

Depasquale irtira bħala mħallef kważi għoxrin sena ilu u issa għandu 84 sena. Fl-imgħoddi kkritikaw id-deċiżjonijiet tiegħu f’mill-inqas żewġ inkjesti – waħda kienet saret taħt amministrazzjoni tal-PN u l-oħra saret meta l-Labour kien fil-gvern. Dawn l-inkjesti, xi kritiċi sejħulhom attentati biex jiskulpaw min kien fil-poter.

L-għażla ta’ Michael Cassar biex jgħin lil Depasquale fl-inkjesta tiegħu kompliet naqqset il-fiduċja f’din l-inkjesta. Cassar huwa ex Kummissarju tal-Pulizija, imqabbad mill-gvern Laburista; imma meta rċieva rapport dwar allegat ħasil ta’ flus li fih kien imdaħħal Keith Schembri, iċ-Chief of Staff fl-OPM ta’ dak iż-żmien, kien qabad u rriżenja. Imbagħad kompla jservi lill-gvern bħala konsulent.

Mir-riċerka li għamlet The Shift jirriżulta li ftit wara li Depasquale rtira minn imħallef fl-2003, il-gvern tal-PN ta’ dak iż-żmien qabbdu jinvestiga l-allegat użu eċċessiv tas-saħħa mill-Forzi Armati, akkużati li waqt protesta, kienu sawtu lill-emigranti f’ċentru tad-detenzjoni.

Ir-riżultat tal-inkjesta, l-NGOs u l-organizzazzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem kienu kkritikawh bil-kbir, għax Depasquale, lill-AFM kien skużaha u ġġustifika l-forza li kienu użaw is-suldati. Ħlief għal xi eċċezzjoni żgħira, Depasquale ma kien sab lil ħadd ħati tas-swat. Kien qal li billi l-maġġorparti tas-suldati kienu libsin l-elmu, ma setgħux jintgħarfu.

Kemm il-partit Laburista fl-oppożizzjoni kif ukoll il-partit tal-Ħodor, l-inkjesta ta’ Depasquale kienu sejħulha eżerċizzju biex jgħatti dak li kien sar.

Bl-istess mod, ftit wara li fl-2013 telgħu tal-Labour fil-Gvern, dan l-imħallef irtirat kien investiga ‘żball’ li kienu għamlu l-pulizija meta arrestaw persuna b’oħra, ċertu Daryl Luke Borg minn Birkirkara. Dak iż-żmien Depasquale kien iċ-Chairman tal-Bord tal-Pulizija, pożizzjoni li għadu jokkupa sal-ġurnata tal-lum.

Fl-inkjesta Depasquale kien waħħal fl-ispettur li eventwalment kien irnexxielu jsolvi l-każ, mentri xi pulizija oħra kienu akkużaw ‘bi żball’ lil xi ħaddieħor il-qorti.

Simon Busuttil, il-kap tal-Oppożizzjoni ta’ dak iż-żmien, ir-riżultat tal-inkjesta kien sejjaħlu “parodija tal-ġustizzja”.

“It-tort ma ntihx lill-bord. It-tort nagħtih lill-prim ministru li waqqaf il-bord. U minflok ma qabduh jinvestiga l-persuna li għamel l-iżball, qalulu jinvestiga l-persuna li dak iż-żball sewwih. Lanqas biss jitwemmnu dawn l-affarijiet.” Hekk kien qal Busuttil dwar il-konklużjoni tal-inkjesta ta’ Depasquale.

Minkejja li età avanzata tiegħu, Franco Depasquale flimkien ma’ xi mħallfin rtirati oħra, iqabbadhom il-Labour kull meta jkun jkollu bżonn ssir xi inkjesta ‘indipendenti’ biex tinvestiga l-azzjoni tal-gvern jew ta’ xi awtorità tiegħu.

Dan il-grupp żgħir ta’ mħallfin irtirati jinkludi lil Philip Sciberras , lil Antonio Depasquale u lil Lawrence Quintano.

Hemm imħallfin oħra, jew anki prim imħallfin li irtiraw iktar reċentement: dawn huma magħrufa li l-affarijiet jeħduhom bis-serjetà, imma l-gvern qatt ma jinnominahom biex imexxu xi inkjesta.

L-uniku eċċezzjoni kien il-Prim Imħallef Joseph Said Pullicino li nnominawh biex imexxi l-inkjesta pubblika Daphne Caruana Galizia, wara li l-familja tal-ġurnalista assassinata oġġezzjonaw meta l-gvern innomina lil Ian Refalo, favorit ieħor biex imexxi l-inkjesti.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

L-avukati difensuri ta’ Muscat kienu fost il-mistednin il-Barbados
Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga lil Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo