Il-kuntratt tat-tnessija – Kevin Cassar

Read the article in English here.

“Ejja ma nħarbtux l-oqbra u nissuttaw lil xulxin bl-għadam.” Hekk qal darba Jose Maria Aznar li kien il-prim ministru ta’ Spanja. Fil-partit popolari ta’ Aznar kienu jistkennu l-biċċa l-kbira ta’ dawk li kienu appoġġaw lill-Ġeneral Franco. Franco kien id-dittatur brutali ta’ Spanja li kien mexxa l-pajjiż b’id tal-ħadid għal kważi erbgħin sena, sal-1975. Wara mewtu, sar il-‘pacto del olvido’ – il-kuntratt tat-tnessija, l-għażla li għamlet Spanja biex jintesew ir-reati ta’ Franco.

Imma l-problema hi li meta jisfurzawk biex tinsa, iktar tiftakar. Robert Abela qed imexxi kampanja biex il-pajjiż jinsa. Qed jagħmel ħiltu kollha biex iħassar il-passat. Il-passat tal-Labour mgħobbi bl-intiena qawwija tal-korruzzjoni u d-demm ta’ ġurnalista. U Abela nnifsu għandu wisq x’jaħbi. 

“Issa stennew li l-ħbieb tagħna fl-oppożizzjoni jitkellmu iżjed dwar l-imgħoddi – dak li jagħmel min m’għandu xejn x’joffri għall-futur.” Hekk iddikjara Abela fis-6 ta’ Frar. Kliemu bħal eku ta’ dawk ta’ Pablo Casada, il-mexxej tal-partit popolari Spanjol tal-lemin, it-tkomplija tal-Falanġisti ta’ Franco: “Irrid nitkellem dwar Spanja ta’ uliedna u mhux dwar dik ta’ nannietna”.

Għan wieħed għandhom Abela u Casada – li jidfnu l-imgħoddi qabel ma jindifnu huma minnu.

Tal-Labour, l-imgħoddi jippruvaw iġibuh fix-xejn billi, lil dawk li jippruvaw ifakkruh, jimmalafamawhom. “Bernard Grech jirrappreżenta l-imgħoddi” qal Abela fl-1 ta’ Marzu f’laqgħa f’Birkirkara. “Lil pajjiżna, Grech irid jieħdu lura għaż-żmien ta’ Tonio Fenech”.

U kompla l-ONE: “Grech ikompli juri wiċċ l-imgħoddi”, “Liż-żgħażagħ, Grech ikellimhom dwar l-imgħoddi”, “Il-PN tal-imgħoddi kontra kollox u kulħadd”, “Il-PN ankrat fl-imgħoddi”, “Il-PN ikompli jmexxi l-ideali estremisti tal-imgħoddi”.

Fl-1977, fi Spanja għaddiet il-liġi tal-amnestija li kinset ‘il barra ir-reati tar-reġim ta’ Franco. Bis-saħħa ta’ din il-liġi, il-politikanti Frankoisti qalgħu amnestija sħiħa, żammew il-poter u baqgħu fil-gvern. Spanja għażlet li lil ex caudillo tagħha, il-mexxej, ma tikkundannahx. Wara kollox, lil Spanja Franco kien ġabilha riżq kbir. Bejn l-1959 u l-1974, apparti l-Ġappun, Spanja kienet il-pajjiż li kellu l-ikbar tkabbir ekonomiku – il-miraklu Spanjol.

Fl-2020, il-Mexxej stess ta’ Malta kellu jirreżenja minħabba l-qtil brutali ta’ Daphne Caruana Galizia u minħabba dak li nkixef dwar ir-rabtiet mill-viċin li kien hemm bejn l-uffiċċju tiegħu u s-sensar u l-allegat mandant . Bħal Franco, Muscat kien persunaġġ kontroversjali ħafna, adorat u rridikolat. Bħal Franco, Muscat kien jiftaħar li lil Malta ġabilha r-riżq, u t-tkabbir ekonomiku tagħha għadda  lil dak tal-pajjiżi tal-UE kważi kollha – il-miraklu Malti.

U bħalma għamlet Spanja, Malta għażlet li lill-ex mexxej tagħha ma tikkundannahx. Kien mod intelliġenti kif Robert Abela, l-istess konsulent ta’ Muscat, isir ‘il-prim ministru tal-kontinwità’. B’hekk sħab Muscat qalgħu amnestija, żammew il-poter u baqgħu fil-gvern. 

Issa Robert Abela għandu l-kuntratt tiegħu stess tat-tnessija li bih qed jimita l-mudell tal-impunità ta’ Spanja. Lill-ġudikatura qed jheddidhom li ma jmorrux jiġru wara Muscat minħabba sehmu fil-basla tal-isptarijiet għax jibża’ minn dak li jista’ jinkixef. L-inkjesta Caruana Galizia heddidha li jagħlaqha li ma tmurx toħroġ il-verità. 

Abela, il-pajjiż ma jridux jiftakar fil-ftehim li Rosianne Cutajar għamlet ma’ Yorgen Fenech, fix-xogħol fantażma ta’ Melvin Theuma, fil-monument VR li seraq Refalo, fl-informazzjoni li Lawrence Cutajar għadda lis-sensar, u fil-ħbiberija ta’ Zammit Lewis ma’ Yorgen Fenech.

Lil ħadd ma jridu jiftakar f’Nexia BT, Brian Tonna, Karl Cini, Keith Schembri, Adrian Hillman, Pilatus Bank, Ram Tumuluri. U ma jrid ‘il ħadd jakkuża lil Konrad Mizzi.

Lil Joseph Muscat ma jħallihx jieħu sehem fil-kampanja tiegħu. U jintilef kompletament meta jsemmulu is-sbatax-il elf Ewro fix-xahar li kien jaqla’ mill-Awtorità tal-Ippjanar. Jew id-direct orders mal-ARMS, mal-Air Malta u mal-ministeru għall-ambjent. Jew ir-relazzjoni li għandu mal-aħwa Maksar.

Jagħtih ferħ ta’ ġenn biex jevita l-media għax jibża’ mill-mistoqsijiet persistenti dwar il-ftehim maħmuġ li għamel ma’ persuna ssuspettata mill-ħasil ta’ flus, u li ħataf lil xi ħadd kif ukoll li hu kuntrabandist tad-droga.

Id-dokumentarju ppremjat ta’ Pedro Almodovar ‘Is-Skiet tal-Oħrajn’ ifakkar it-taqbida tremenda li tqabdu l-vittmi ta’ Franco. Jagħtina tagħlima dwar il-periklu li niffaċċaw meta ninsew l-imgħoddi.

U Malta din it-tagħlima jkollha titgħallimha wkoll. L-attentat sfrenat li qed jagħmel Abela biex inessina l-imgħoddi, Malta trid tirreżistih bl-enerġija tagħha kollha. Mhux tradiment li nfittxu l-verità. Hija responsabbiltà li għandna biex naslu għall-ġustizzja, tweġġa’ kemm tweġġa’ u diffiċli kemm hi diffiċli.

Ejja ma nissieħbux ma’ Abela meta jipprova jistedinna biex nisktu, is-skiet tal-inġustizzja. Meta ngħarblu l-imgħoddi tal-Partit tiegħu, l-imgħoddi ta’ pajjiżna kif ukoll l-imgħoddi ta’ Abela stess, dan ma nkunux qed nagħmluh biex noqogħdu nħarsu lejn il-passat. Dan nagħmluh biex niġġieldu għall-futur.

Mhux faċli taħbi skandlu. Imma meta jkollok pajjiż sħiħ mifqugħ bl-iskandli, x’ċans għandek li żżommhom milli jinkixfu?

Fl-2007, tletin sena wara l-mewt ta’ Franco, Spanja fl-aħħar stenbħet biex l-imgħoddi tagħha tikkonfrontah. Għaddiet il-liġi dwar il-Tfakkira Storika, biex bis-saħħa tagħha jinvestigaw ir-reati li saru fi żmien Franco. U fl-aħħar ikkundannaw lil Franco u lir-reġim tiegħu. Wara snin twal ta’ ripressjoni, fl-aħħar Spanja, l-imgħoddi tagħha setgħet tikkonfrontah bil-miftuħ u bl-onestà kollha, u lil dawk kollha li abbużaw mill-poter li kellhom a skapitu tan-nazzjon, fl-aħħar setgħu jħarrkuhom u jikkundannawhom. 

Is-snin twal ta’ skiet infurzat ma bbastawx biex joħonqu x-xenqa profonda li kellu l-pajjiż għall-ġustizzja. Fl-aħħar, fl-2019, qalgħu l-katavru ta’ Franco mill-Mawsolew li kien inbena apposta għalih fil-Wied ta’ Dawk li Waqgħu u difnuh fil-qabar tal-familja. Dawk li jabbużaw mill-poter ma jistħoqqilhomx in-niċeċ jew il-glorja. 

Abela qed jipprova jżomm l-imwieġ lura. Meta jipprova jħassar l-imgħoddi, iżjed jiġbdilna l-attenzjoni tagħna għall-impunità li għadhom igawdu dawk ta’ madwaru u l-Partit tiegħu. Il-korruzzjoni ta’ Muscat ma jistax jinfired minnha. Maqbud ġo fiha qisu ġo nassa.

Il-veru problema hi li t-tmexxija li għandna bħalissa hija kontinwazzjon bla ebda interruzzjoni ta’ dik li kellna qabel. Iktar ma Abela jipprova jnessina, iktar niftakru. U kull ċittadin onest għandu d-dover sagrosant li din it-tifkira jżommha ħajja.  

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

3 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments
carmelo borg
2 years ago

Prosit Kevin mhux talli ktiebt u ghamilt paragun mal l izjed wiehed ahrax İD DİTTATUR İL GENERAL FRANCO imma ukoll talli ktiebt bil malti u fi kliem semplici spegajt li the man in the street il verita kolla

Mary Mills
Mary Mills
2 years ago

Dan x’jigifieri li tinsa’ l-imghoddi bil- ‘Abra Cadarba’ ta’Abela?! Mela qed jisthajjel li n-nies bhal xi fatati b’ras il-mewt? Ras kaxxa vojta – ma baqghalha l-ebda tifkira ta’ dak li ghaddiet minnu fil-hajja?!!

Related Stories

‘Il-Billi’ proposes more flats instead of Calypso Hotel extension
Gozitan businessman Michael Caruana, known as ‘il-Billi’ and the
Acquisition of €70,000 crib for St John’s Co-Cathedral raises questions on source
A small Neapolitan crib acquired by the St John’s

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo