Il-Kummissarju tat-Taxxi Interni jibqa’ ma jgħid xejn u l-aġenti tal-propjetà jiskantaw kif il-propjetà fiż-Żejtun, il-PM xtraha bi prezz daqshekk baxx

Read the article in English here.

Il-Kummissarju tat-Taxxi Interni qed jirrifjuta li jagħti d-dettalji dwar l-eżerċizzju li suppost għamel skont il-liġi biex issir stima indipendenti ta’ kemm ħallas il-prim ministru biex akkwista propjetà ODZ ta’ tomnejn fiż-Żejtun.

Barra minn hekk ma jridx jgħid ukoll jekk hemmx talba pendenti kontra Abela dwar taxxa tal-bolla mhux iddikjarata.

Il-prim ministru wkoll qed jirrifjuta li jwieġeb għall-mistoqsijiet li jitolbuh jipproduċi r-rapport tal-Kummissarju dwar l-istima tal-prezz li ħallas, biex jgħid x’jismu l-perit tal-gvern li kellu jagħmel din l-istima u jekk il-Kummissarju ħariġx talba għal xi ħlas wara li saret din l-istima.

Lil The Shift, xi aġenti tal-propjetà li għandhom esperjenza kbira f’dan il-qasam, qalulha li l-prezz ta’ €600,000 biss għal propjetà ODZ bħal din, hija biċċa negozju inkredibbilment vantaġġuża u verament rari.

Sa fejn tasal il-propjetà ODZ tal-prim ministru

Dil-biċċa kollha jew kienet xi tip ta’ rigal lil Abela mis-sidien oriġinali, jew inkella hemm xi fatturi oħra li jridu jiġu investigati, bħal ngħidu aħna, ma ġiex iddikjarat il-prezz sħiħ biex wieħed jiffranka t-taxxa, jew għal xi skop ieħor.

Kemm-il aġent qabel li “Dak il-prezz għal propjetà bħal dik fl-2017 hija sempliċement ħaġa redikola. Normalment dik il-propjetà kienet tkun tiswa xejn inqas minn €2 miljun, u din hija stima konservattiva ħafna”.

The Shift għamel eżerċizzju indipendenti u sab li bħalissa, fis-suq, m’hemm l-ebda propjetà ta’ dan il-kobor li għaliha mhux qed jintalab prezz ta’ mhux inqas minn €2.5 miljun.  Skont il-website tar-Remax, waħda mill-ikbar aġenziji tal-propjetà, razzett iż-Żejtun fuq medda art ta’ 750 metru kwadru – terz id-daqs tal-propjetà tal-prim ministru – għalih qed jintalab prezz ta’ €1.2 miljun (ara t-tabella).

Is-suspett tal-aġenti tal-propjetà li l-prezz tal-propjetà ġie mnaqqas bil-kbir, ġej mill-fatt li min jixtri propjetà, ħafna drabi jiddikjara li ħallas ħafna inqas milli fil-fatt ikun ħallas, biex jiffranka l-bolla u biex lill-bejjiegħ ikun jista’ jgħaddilu parti mill-prezz fi flus mhux iddikjarati.

Il-Kummissarju ma ħa l-ebda azzjoni

Skont l-Att dwar it-Taxxa fuq id-Dokumenti u t-Trasferimenti, kull kuntratt li jinvolvi t-trasferiment ta’ propjetà għandu jintbagħat lill-Kummissarju tat-Taxxi Interni biex jiġi ċċekkjat. It-taxxa li għandha titħallas hija ta’ ħamsa fil-mija, u għandu jħallasha l-kumpratur. Mill-banda l-oħra il-bejjiegħ għandu jħallas it-taxxa fuq il-profitti kapitali.

Il-liġi tgħid ukoll li normalment il-bord jiddiskuti l-valur tal-kuntratt kif ippubblikat u jiddeċiedi għandux jagħmel il-verifiki tiegħu ukoll bis-saħħa tal-periti tiegħu.

Lil The Shift, xi sorsi fi ħdan l-uffiċċju tal-Kummissarju għat-Taxxi Interni (KTI) qalulha li fil-każ ta’ propjetajiet kbar, il-proċess ta’ verifika huwa wieħed awtomatiku. Meta titlesta l-verifika, l-uffiċċju tal-KTI joħroġ assessment, u jekk il-valur ma jkunx ġie ddikjarat kif suppost, joħroġ talba għall-ħlas tad-differenza, flimkien mal-impożizzjoni ta’ multa.

Il-propjetà massiċċa tal-prim ministru għandha veduti li ma jtellifhom xejn

Id-deċiżjoni tal-KIT, wieħed jista’ jikkuntestaha fil-qorti, quddiem it-tribunal tar-Reviżjoni Amministrattiva.

Mill-investigazzjoni li għamlet The Shift, jidher li s’issa m’hemm l-ebda każ pendenti quddiem it-Tribunal li jinvolvi lil Robert Abela u lil martu Lydia Abela.

Lid-Direttur tat-Taxxa fuq il-Propjetà, Josette Galdes, tlabniha biex tiddikjara jekk sarx rapport ta’ verifika fuq il-kuntratt kif ippreżentah il-prim ministru, imma ma riditx twieġeb.

U lanqas ma riedet tgħid min kien il-perit responsabbli għall-verifika, u jekk id-dipartiment għamilx talba għal xi ħlas dwar dan il-każ.

Lil The Shift, Galdes qaltilha li din l-informazzjoni ma tistax tagħtiha, għalkemm skont l-istess liġi, il-Kummissarju tat-Taxxi Interni għandu d-diskrezzjoni fuq dil-ħaġa.

L-ebda self, u ġid mhux spjegat

The Shift diġà żvelat li Robert u Lydia Abela, il-kuntratt biex jieħdu l-villa ODZ taż-Żejtun, iffirmawh fl-10 ta’ Lulju, ħamest ijiem biss wara li l-Awtorità tal-Ippjanar ippubblikat il-permess, u b’hekk issanzjonat għadd kbir ta’ illegalitajiet li kien hemm fil-propjetà għal multa ta’ €45,000. Il-kuntratt iffirmatu n-nutar Dorianne Arapa.

S’issa, lil The Shift, il-PA ma tridx tgħidilha jekk tħallsitx il-multa, u fl-istess ħin sirna nafu li l-ħlas għall-propjetà fuq il-kuntratt sar mingħajr il-ħtieġa ta’ self mill-bank.

Biex iżomm u jħaddem il-yacht, Abela għandu bżonn l-għaxriet tal-eluf

Fl-istess ħin li Joseph u Alfrida Camilleri, is-sidien oriġinali minn Marsascala, kienu qed jippruvaw jissanzjonaw il-propjetà massiċċa tagħhom, Abela u martu kienu l-konsulenti legali tal-PA u kienu qed idaħħlu €17,000 fix-xahar.

S’issa ma sar l-ebda xogħol biex tiġi rranġata l-propjetà taż-Żejtun u l-familja Abela għadha qed toqgħod f’penthouse Marsascala, faċċata tal-baħar. Il-prim ministru u martu għandhom ukoll farmhouse kbira x-Xewkija, Għawdex, u fiha qed jibnu pool kbira wara li ħadu permess ieħor tal-PA.

Sentejn ilu, Abela xtara wkoll yacht Azimut 50 Fly: huwa stmat li l-valur tiegħu huwa ta’ xi €300,000, u barra minn hekk, tkun trid l-għaxriet tal-eluf fis-sena biex iżżommu u tħaddmu. Il-yacht juża 200 litru fuel fis-siegħa.

Fid-dikjarazzjoni l-iktar reċenti tal-assi tiegħu, il-prim ministru, li għandu xi ħaġa fuq l-40 sena, ma ddikjara li għandu l-ebda self minn xi bank.

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

1 Comment
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments
Godfrey Camilleri
Godfrey Camilleri
2 years ago

Ghaliex qed tghidu li xtra bi prezz baxx?; forsi hemm flus li ma jidhrux. Hemm lok li jigu investigati kemm il-bejigh u kemm ix-xerrej.

Related Stories

‘Il-Billi’ proposes more flats instead of Calypso Hotel extension
Gozitan businessman Michael Caruana, known as ‘il-Billi’ and the
Acquisition of €70,000 crib for St John’s Co-Cathedral raises questions on source
A small Neapolitan crib acquired by the St John’s

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo