Read in English.
Carmen Ciantar ilmentat fuq l-“impatt devastanti” li “storja ffabbrikata” kellha fuqha u fuq bintha, filwaqt li staqsiet min kien qed jiffinanzja dan “il-komplott ta’ ħażen”.
Hu interessanti kif jinbidel id-diskors meta dawk li kienu qed jappoġġaw il-komplott tal-ħażen tal-“forzi tad-dlamijiet”, f’daqqa waħda jintebħu li l-kanuni huma kontrihom.
Fi stqarrija, Ciantar qalet li ma setgħux jissaportu l-fatt li kellhom jaffaċċjaw dak il-gideb faħxi fil-pubbliku, mingħajr ma kienu jafu min hemm warajh u min ħallsu.
Dmugħ u qrid tal-kukkudrilli.
Għax tajjeb li nixħtu kollox fil-perspettiva.
The Shift żvela kif l-eks ministru tas-saħħa Chris Fearne kien ta pakkett finanzjarju ta’ €163,000 fis-sena lill-kanvżer ewlenija tiegħu Carmen Ciantar permezz ta’ kuntratt għal ħames snin biex tmexxi l-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi. Kuntratt li l-Awditur Ġenerali sejjaħlu “irregolari”.
Filwaqt li r-regolamenti jagħmluha ċara li l-ħatriet politiċi ma jistgħux isiru b’kuntratti li jkollhom terminu itwal minn sena, Fearne xorta waħda għażel li jaħtar lill-persuna li mexxietlu l-kampanja tiegħu bħala chief of staff tiegħu filwaqt li ħallieha żżomm ir-remunerazzjoni ta’ €13,500 fix-xahar – kważi tliet darbiet tal-paga li għandu l-ministru stess.
Anki bintha gawdiet mill-ġenerożità ta’ Fearne. Celine Camilleri Ciantar inħatret fuq bord ta’ esperti mediċi – il-Kumitat dwar it-Trattamenti barra mill-Pajjiż – li jiddeċiedi liema pazjenti għandhom jintbagħtu biex jiksbu trattament għal xi mard barra minn Malta. Dakinhar hi kellha biss 26 sena u kien għadha kif gradwat bħala dentista inqas minn sentejn qabel.
Il-kumitat hu magħmul minn tmien konsulenti mediċi veterani inkarigati biex jiddeċiedu liema pazjenti għandhom jintbagħtu għal interventi mediċi u trattamenti barra minn xtutna, kif ukoll biex jipprovdu rakkomandazzjonijiet lill-ministeru tas-saħħa biex is-sistema tal-kura tas-saħħa Maltija tintroduċi xi servizzi ġodda.
Uħud mill-konsulenti mediċi fuq il-kumitat li tkellmu ma’ The Shift qalulna li l-gradwata novella Camilleri Ciantar, li kienet diġà qed titħallas mill-gvern bħala dentista fis-servizz tas-saħħa minn ftit wara li ggradwat, assolutament ma kellha l-ebda esperjenza fit-trattament tal-pazjenti barra mill-pajjiż, u l-preżenza tagħha fil-kumitat darrset bil-kbir lill-professjonisti fuq il-kumitat.
Barra minn hekk, Fearne kien il-ministru tas-saħħa.
Ir-“real deal” li biegħ lill-poplu Malti u Għawdxi, issa spiċċat iddur għalih u għan-nies ta’ madwaru, u f’daqqa waħda stenbaħ u beda jirrealizza li dak kollu li kien qed jappoġġja u jagħti palata biex iħares l-interessi tiegħu effettivament kellu impatt fuq ħajjet in-nies.
Kienu l-ġurnalisti li żvelaw li Steward Health Care kienet wara dik il-kampanja. Meta ħarġet l-aħbar fil-Pakistan, il-ġurnalisti Maltin ma kinux waqgħu għaliha – aħna għamilnieha ċara u tonda mal-qarrejja tagħna. U għednieha bla taqliq li kienet aħbar falza.
Madanakollu, kieku Fearne ħa azzjoni abbażi tat-tagħrif li kien qed joħroġ mill-investigazzjonijiet tal-ġurnalisti fl-aħħar snin, kieku kien jaqbad u jtemm il-konċessjoni li suppost kien jaf li ma kinitx qed tagħti xi riżultati.
Minflok, iżda, Fearne ivvota favur il-ftehim, u saħansitra appoġġja lill-eks ministru diżonorat Konrad Mizzi waqt vot ta’ fiduċja fih fil-parlament.
M’hemm l-ebda gost jew pjaċir li tara lil xi ħadd fil-mira ta’ dawn il-“forzi mudlama”. Iżda kull min illum qed jilgħabha tal-vittma hu responsabbli għal-lifgħa li daħħal hu stess f’ħobb il-poplu Malti u Għawdxi. U qed jedhew iżżejjed jilagħbuha tal-vittmi minflok jitolbu skuża lill-poplu.
Fearne u Ciantar kellhom karigi ta’ poter. Kellhom is-setgħa li jiddeċiedu. Madankollu m’għamlu xejn ħlief li ssoktaw jimbuttaw l-interessi personali tagħhom, filwaqt li ffangaw kemm felħu mill-flejjes pubbliċi anki meta s-servizz tas-saħħa f’Malta kien qed jittarraf.
Fl-istqarrija tagħha, Ciantar qalet li ma setgħetx iġġerragħ il-fatt li kellha taffaċċja dak il-gideb faħxi fil-pubbliku, u dan meta ma kinitx taf min kien hemm warajh u min kien qed ifondih.
Imma ngħid jien… fejn kienu eżattament Ciantar u Fearne meta l-ġurnalisti bdew jikxfu biċċa biċċa l-iskandlu matul l-aħħar snin u, minn fuq, dawn il-ġurnalisti spiċċaw fil-mira ta’ persuni mill-istess gvern u tal-ħluq tal-propaganda tagħhom? Mhux anka dik hija insapportabbli?
Ciantar qalet ukoll li l-kampanja kontrihom ħolqot bosta “kwistjonijiet ta’ fiduċja” għaliha u għal bintha. U allura mhux hekk ukoll għamlu l-kampanji tal-gvern kontra l-ħidma tal-ġurnalisti li bdew jikxfu l-iskandli? Iżda dakinhar ma kinitx lissnet kelma.
“Jien u binti sfajna vittmi ta’ frame-up politiku li sar minn forzi mudlama,” qalet fl-istqarrija tagħha.
Il-forzi mudlama huma dawk li kienet qed tappoġġja id f’id ma’ Fearne. Bintha kellha l-privileġġ li tikseb karigi mal-gvern fi ftit żmien wara li ggradwat, u dan minkejja li kien għadha żgħira wisq biex tifhem ir-responsabbiltà li ntalbet iġġorr.
The Shift kien ċar daqs il-kristall meta kienet feġġet dik il-kampanja, u konna għedna li nemmnu li kienet kampanja qarrieqa. Għarafnieha għax konna fil-kurrent tagħha. U dakinhar konna waħedna. Ħadd mill-poter ma ħareġ għonqu għalina. Issa li laqtet lilhom, allajbierek saru vittmi taċ-ċirkostanzi.
Le. Din ġabuha b’idejhom huma stess.
Fil-frattemp, issa, il-prim ministru ħareġ jiddikjara li jekk fil-ġimagħtejn li jmiss il-qorti tillibera lil Fearne mill-akkużi kontrih, hu kien se jinnominah għall-kariga ta’ Kummissarju Ewropew.
Fearne għandu fuq rasu għadd ta’ akkużi kriminali, riżultat tal-inkjesta maġisterjali li ntemmet ftit ilu dwar it-tliet sptarijiet. Hawn xi ħadd jaf jgħidli min f’Malta qatt irnexxielu jnaddaf ismu quddiem il-qorti fi żmien ġimagħtejn? Forsi l-istejjer tad-dmugħ li qed nisimgħu huma maħsuba biex jilħqu dak l-iskop.
Xbajna b’din l-ipokrezija.