ESKLUSSIVA Villa Rosa: il-gvern biegħ mogħdija ta’ €3 miljun lil Tal-Franciz għal €134,000

Is-sejħa għall-offerti tfasslet apposta għal Anton Camilleri, imlaqqam Tal-Franċiż

 

Read in English.

The Shift jista’ jiżvela b’mod esklussiv li lejliet l-aħħar elezzjoni ġenerali, Anton Camilleri, magħruf bħala Tal-Franċiż, xtara mogħdija pubblika fil-Bajja ta’ San Ġorġ, li skont l-Awtorità tal-Artijiet kienet tiswa €3 miljun u li għaliha ħallas biss €134,000.

Rapport ta’ valwazzjoni li fasslu tliet periti veterani, issa parti essenzjali minn investigazzjoni li qed jagħmel l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali (NAO) b’rabta mal-proġett ta’ Villa Rosa, juri li l-prezz fis-suq ta’ dik il-mogħdija ta’ 620 metru kwadru fl-2022 kien €2,986,600.

Din il-valwazzjoni indipendenti li ra The Shift ikkunsidrat il-valur ta’ dik il-biċċa art f’dik iż-żona partikolari, u l-potenzjal tagħha li kieku kellha tiġi żviluppata kif inhu propost fl-iżvilupp kontroversjali ta’ Villa Rosa.

Għall-istagħġib ta’ bosta uffiċjali għoljin fl-Awtorità tal-Artijiet, lejliet l-elezzjoni ġenerali ta’ Marzu 2022 kienet ħarġet sejħa għall-offerti biex din il-mogħdija tkun tista’ tinbiegħ għal sempliċiment €134,000.

Il-mogħdija (immarkata bl-aħmar) inbiegħet lil Anton Camilleri għal farka tal-valur tagħha.

Is-sejħa għall-offerti kienet għalqet jumejn biss qabel l-elezzjoni u Anton Camilleri ngħata l-kuntratt għal farka tal-valur fis-suq. Inċidentalment, Camilleri nzerta l-uniku offerent f’dik is-sejħa għall-offerti.

L-Awtorità tal-Artijiet hi mmexxija mis-CEO Robert Vella.

Sejħa pinġuta għalih

Minn investigazzjonijiet li għamel The Shift jidher li l-Awtorità tal-Artijiet, li kienet is-sid ta’ dik il-mogħdija ta’ 106 metri li tofroq l-art ta’ Villa Rosa fi tnejn, għamlet bosta laqgħat ma’ Anton Camilleri qabel ħarġet is-sejħa. Ħafna minnhom, id-diskussjonijiet f’dawn il-laqgħat mexxiehom is-CEO Robert Vella.

Dawk id-diskussjonijiet wasslu eventwalment għal sejħa għall-offerti, miktuba b’mod speċifiku biex taqbel mal-ħtiġijiet ta’ Camilleri.

Infatti, minflok ma ħarġu din il-mogħdija għall-bejgħ skont il-prassi standard, is-sejħa speċifikat li “il-mogħdija ma setgħetx tiġi ostakolata bi strutturi ogħla minn ħames metri u nofs mill-art.”

Dan kien ifisser li Tal-Franċiż seta’ juża l-mogħdija, u hekk ikollu dritt għal aċċess għall-proġett ġgantesk tiegħu minn xatt il-Bajja ta’ San Ġorġ. Hu saħansitra jista’ jibni fuq il-mina pubblika.

Is-sejħa għall-offerti u l-ispeċifikazzjonijiet tagħha issa qed jiġu investigati mill-Awditur Ġenerali.

Għala dil-mogħdija hi kruċjali?

L-akkwist ta’ din il-mogħdija wiesgħa ħames metri u nofs kien u hu kruċjali għall-proġett ta’ Anton Camilleri.

Filwaqt li l-mogħdija tista’ tidher insinifikanti meta mqabbla mal-proġett kollu li qed jipproponi mifrux fuq medda art ta’ 50,000 metru kwadru, dil-mogħdija effettivament qed tofroq il-proġett tiegħu għax tgħaddi sewwasew minn nofs l-iżvilupp propost. Mingħajrha, Camilleri ma jistax jorbot iż-żewġ naħat separati tal-proġett massiv tiegħu.

Allura dan l-akkwist kompla jmexxi ‘l quddiem il-pjanijiet tiegħu li aktar tard ippreżentahom quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar. Issa, skont dawn il-pjanijiet, dik il-mogħdija se ssir aċċess importanti għall-proġett tiegħu.

L-akkwist tal-art ta’ din il-mogħdija bi prezz mill-aktar irħis hu wieħed mill-manuvri li qed jagħmel il-gvern bl-iskop li jibbenefika Anton Camilleri u l-proġett tiegħu.

The Shift kien diġà żvela kif il-prim ministru, permezz ta’ deċiżjoni tal-kabinett, ta struzzjonijiet lill-Awtorità tal-Ippjanar biex tbiddel il-pjanijiet lokali ħalli jkun jista’ jiġi akkomodat il-proġett ta’ Villa Rosa, u Camilleri jkun jista’ jibni t-torrijiet tiegħu.

Il-kumpanija Garnet Investments Ltd. ta’ Anton Camilleri hi l-moħħ wara l-proġett ta’ Villa Rosa fil-Bajja ta’ San Ġorġ.

Bil-pjanijiet lokali attwali, Camilleri ma jkunx jista’ jikseb il-permess li jeħtieġ għat-torrijiet, li se jogħlew sa xi 34 sular u jordmu għalkollox il-Bajja ta’ San Ġorġ.

L-NGOs li qed jopponu dan l-iżvilupp akkużaw lill-Awtorità tal-Ippjanar li kkupjat kelma b’kelma r-rekwiżiti li għamlet Garnet Investments Ltd, il-kumpanija Tal-Franċiż, fl-hekk imsejħa ‘konsultazzjoni’.

L-Awditur Ġenerali beda l-investigazzjoni tiegħu wara talba li saritlu mill-NGOs.

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista qed topponi l-bidla fil-pjanijiet lokali għal Villa Rosa u insistiet li kwalunkwe emenda trid tkun ħolistika u mhux maħsuba għall-benefiċċju ta’ xi proġett partikolari. Madanakollu, l-Oppożizzjoni ma ħaditx pożizzjoni persè fuq il-proġett ta’ Camilleri.

Camilleri hu magħruf li hu donatur taż-żewġ partiti politiċi rrappreżentati fil-parlament u donatur ukoll ta’ bosta politiċi miż-żewġ naħat tal-Kamra.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

Robert Abela kompromess u ma jistax jieħu passi fuq l-iskandlu tal-mara tal-ministru
Read in English. Is-sejbiet ta’ kundanna li ħarġu mill-investigazzjoni
ESKLUSSIVA Villa Rosa: il-gvern biegħ mogħdija ta’ €3 miljun lil Tal-Franciz għal €134,000
Read in English. The Shift jista’ jiżvela b’mod esklussiv

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo