Read in English.
L-Imħallef Emeritu tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Giovanni Bonello, ingħaqad mal-esperti legali li qed ileħħnu t-tħassib tagħhom fuq il-bidliet mgħaġġla li qed jimbotta l-gvern fil-parlament b’rabta mal-inkjesti maġisterjali.
Meta tkellem ma’ The Shift, qal li hu “jingħaqad mingħajr riżervi mal-kundanna li esprima l-Prim Imħallef Emeritu Silvio Camilleri għal dan l-aħħar tentattiv iddisprat u diżonest biex ikun hemm min jiskappa l-ħabs.”
Id-diskors tal-Prim Ministru Robert Abela waqt it-tieni qari tal-Emenda 125 fil-parlament nhar it-Tlieta ma xejjen xejn mit-tħassib.
L-Emenda proposta trid tbiddel il-mod kif iċ-ċittadini jitolbu inkjesta maġisterjali billi l-ewwel ikollhom imorru għand il-pulizija u jippreżentaw l-evidenza għall-investigazzjoni, biex imbagħad wara sitt xhur ikunu jistgħu jagħmlu l-istess talba quddiem imħallef. Il-Prim Imħallef Emeritu Silvio Camilleri qal li din l-Emenda se tkun “qed isservi biss ta’ tarka għall-politiċi u l-persuni ta’ fiduċja tagħhom mill-investigazzjoni.”
Qal li l-gvern diġà “ħataf” il-pulizija u l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u issa qed jipprova jrażżan lill-bqija.
Camilleri nnota li r-riforma ta’ malajr li qed tiġi proposta għaddiet minn moħħ il-gvern biss meta l-investigazzjonijiet maġisterjali li kienu nfetħu fuq it-taħwid madornali tal-gvern bdew jagħtu l-frott tagħhom, għax il-Kummissarju tal-Pulizija m’għamel xejn.
L-investigazzjoni fil-ftehim tal-Vitals u Steward Health Care b’rabta mat-tliet sparijiet pubbliċi, pereżempju, setgħet isseħħ biss wara talba għal inkjesta maġisterjali. Din wasslet għal ħemel ta’ akkużi fil-konfront ta’ bosta ħut kbir fl-amministrazzjoni Laburista preċedenti, fosthom kontra l-eks prim ministru diżonorat Joseph Muscat, l-eks ministru diżonorat Konrad Mizzi, l-eks chief of staff diżonorat fl-OPM Keith Schembri, kif ukoll kontra bosta uffiċjali pubbliċi u kumpaniji involuti.
Ħafna jemmnu li din hija r-raġuni vera għalfejn Abela jrid jirrestrinġi d-dritt taċ-ċittadini li jitolbu investigazzjoni mill-qrati. Inkjesta maġisterjali oħra, dik fuq il-kumpanija f’Dubaj 17 Black, li allegatament infetħet biex tgħaddi tixħim lill-istess amministrazzjoni, kompliet iżżid il-pressjoni fuq l-amministrazzjoni ta’ Abela.
Din, Abela sejħilha “abbuż tal-ġustizzja”, u l-Emenda se tkun qed iġġiegħel liċ-ċittadini biex l-ewwel imorru għand il-pulizija, li fl-aħħar snin diġà wrew li ma jridux jinvestigaw lill-gvern, u saħansitra ffalsifikaw l-evidenza u għaddew partijiet minn investigazzjonijiet biex jipproteġu lil persuni fil-poter.
L-inkjesti maġisterjali għamlu investigazzjonijiet li ma nkisbu bl-ebda mod ieħor.
Il-professur tal-liġi Kevin Aquilina qed iqis din l-Emenda bħala d-daqqa mortali tas-saltna tad-dritt. Hu kkritikaha bil-qawwa u qal li l-għan tagħha hu “li tnaqqas kemm jista’ jkun ir-responsabbiltà tal-gvern u biex trawwem il-kultura tal-impunità fil-liġi Maltija.”
Aquilina qal li l-Emenda mhix “xprunata mill-ġid komuni tas-soċjetà jew mill-interess pubbliku iżda mill-interess egoistiku tal-ftit li biddlu l-Istat Malti f’territorju tagħhom, li biddlu lill-poplu Malti f’vassalli tagħhom, li għamlu l-finanzi tal-gvern daqslikieku l-patrimonju privat tagħhom, u li biddlu l-beni pubbliċi fi proprjetà tagħhom.”
B’differenza minn xi avukati tal-kriminal li qed jappoġġjaw l-Emenda, dawn l-imħuħ legali rispettati mhumiex qed isemmgħu leħinhom għall-attenzjoni pubblika. Dawn jitkellmu biss meta l-kwistjoni tkun toħloq tħassib serju, u f’dan il-każ resqu ‘l quddiem biex jesprimu t-theddida serja għad-demokrazija tagħna li qed jimbotta l-Prim Ministru Robert Abela b’din l-Emenda.
Il-Kamra tal-Avukati qalet fi stqarrija li ma setgħetx tifhem l-għaġla tal-gvern biex jimbotta din l-Emenda fil-parlament, u li l-proċess kif inhu għaddej ma kienx qed jippermetti li jsir l-iskrutinju xieraq ta’ dak li kien qed jiġi propost, minkejja l-konsegwenzi serji involuti.
Il-Kamra kkritikat bl-aħrax l-Emenda proposta, u qalet li t-tneħħija tad-dritt li wieħed imur għand Maġistrat kienet “inaċċettabbli”. “Għandha tkun il-qorti, mhux il-pulizija, li tiddeċiedi jekk hemmx bażi biżżejjed għall-ftuħ ta’ inkjesta.”
Fil-Parlament, it-Tlieta filgħaxija, il-prim ministru baqa’ jwebbes rasu u jixħet kritika qawwija fil-konfront tal-Oppożizzjoni talli vvutaw kontra l-Emenda waqt l-ewwel qari.
Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li din l-Emenda kienet qed issir biss biex tipproteġi lil dawk fil-poter biex ma jaffaċċjawx il-konsegwenzi ta’ għemilhom.
Hu semma li meta Robert Abela rrefera għall-persuni “investigati għal xejn b’xejn”, hu ma kienx semma lill-eks prim ministru diżonorat Joseph Muscat, li bħalissa qed jaffaċċja għadd ta’ akkużi kriminali kontrih fil-qrati, fosthom ta’ ħasil tal-flus u frodi.
“Hu [Abela] irid jgħaddi din il-liġi ħalli n-nies ma jkunux jistgħu jitolbu investigazzjoni dwar il-gvern,” qal Grech.