Il-Qorti tannulla d-deċiżjoni dwar l-inċineratur ta’ €600 miljun

Id-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia jgħid li l-proċess tal-akkwist pubbliku għandu bżonn "qalgħa mill-qiegħ"

 

Read in English.

Il-konsorzju multinazzjonali Hitachi-Terna għadu kif rebaħ l-appell fil-Qrati li kien qed jikkontesta t-tender ta’ €600 miljun għall-bini ta’ inċineratur fil-Magħtab li l-Wasteserv kienet tatu lil impriża b’rabtiet mal-Bonnici Bros.

Il-proġett hu wieħed mill-aktar se jiswa flejjes lill-borża ta’ Malta, saħansitra se jaqbeż il-miljuni li ntefqu fuq l-isptarijiet u l-impjant tal-enerġija tal-Electrogas.

Din is-sejħa kienet kontroversjali mill-bidu nett. Madankollu, il-gvern xorta waħda baqa’ jwebbes rasu u ffavorixxa lill-Bonnici Brothers – kollaboraturi mill-qrib tal-Prim Ministru Robert Abela. Din il-kumpanija m’għandha l-ebda esperjenza fl-immaniġġjar tal-iskart. Filwaqt li l-Bord tal-Analiżi tal-Kuntratti Pubbliċi ma laqax l-oġġezzjonijiet ta’ Hitachi-Terna, il-Qorti tal-Appell qatgħetha li l-kumpanija kellha raġun f’dak li stqarret fl-appell tagħha ppreżentat mill-avukati Adrian Delia u Matthew Paris.

Il-Qorti ddeċidiet li l-membri tal-bord tal-PCRB, Kenneth Swain u l-avukat Vincent Micallef kellhom kunflitt tal-interess. Irreferiet ukoll għal Stephanie Scicluna Laviera, li kienet involuta fil-kumitat tal-evalwazzjoni tat-tender.

Għalhekk il-Qorti annullat id-deċiżjoni li tagħti l-kuntratt lill-konsorzju Paprec Energies International – BBL Malta, li jinkludi lill-Bonnici Bros.

Avukat ta’ Hitachi-Terna, id-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia, qal lil The Shift li l-proċess tal-akkwist pubbliku f’Malta jeħtieġ “qalgħa mill-qiegħ”.

“Neħtieġu l-assigurazzjoni li l-bordijiet maħtura fil-livelli kollha jkunu indipendenti u awtonomi. Neħtieġu l-komfort li l-infiq mill-fondi pubbliċi jkun imħares bir-reqqa u bil-għaqal ħalli niżguraw il-governanza t-tajba f’kull stadju,” żied jgħid Delia.

Il-kumpanija Hitachi-Terna kienet it-tieni l-akbar offerent f’din is-sejħa, u ġġieldet id-deċiżjoni tal-Wasteserv li kienet kontroversjali mill-bidu nett.

Din is-sejħa pubblika, waħda mill-akbar li qatt ħarġu, kienet ingħatat f’Ottubru li għadda lil konsorzju Franċiż Malti li jinkludi lill-kumpanija tal-enerġija Paprec u lill-kuntratturi tal-bini l-Grupp Bonnici.

Il-kwistjonijiet bdew jinqalgħu meta l-offerti finanzjarji kienu ġew żvelati qabel ġew konklużi n-negozjati, mossa li wasslet għal protesti min-naħa tal-offerenti li bdew isejħu l-proċess bħala wieħed “irregolari”. Hitachi-Terna argumentat ukoll li l-offerta tal-konsorzju Paprec-Bonnici ma kinitx fattibbli finanzjarjament u ddikjarat bosta kunflitti tal-interess mill-membri tal-bord tal-PCRB.

Għalkemm it-Tribunal (il-PCRB) ma kienx laqa’ l-ilment, il-Qorti tal-Appell qatgħet is-sentenza favur Hitachi-Terna.

Il-Ministeru tal-Ambjent kien ta t-tender ta’ €600 miljun għal faċilità tal-inċineratur fil-Magħtab permezz tad-Dipartiment tal-Kuntratti wara li “bi żball” kien żvela informazzjoni finanzjarja sensittiva dwar l-offerenti meta n-negozjati kien għadhom għaddejjin.

Il-konsorzju Franċiż Paprec Energies li l-Grupp Bonnici għandu sehem ta’ 40% fih, assigura l-istatus tiegħu bħala l-offerent rakkomandat għall-bini u t-tħaddim tal-impjant għal 20 sena, filwaqt li għeleb żewġ offerenti finali oħrajn. Il-Grupp Bonnici hu l-uniku azzjonist Malti fost l-offerenti.

Wara s-sentenza tal-Qorti, l-avukat u d-deputat Adrian Delia saħaq fuq il-bżonn tat-trasparenza fl-akkwist pubbliku, “Jeħtieġ niżguraw li t-trasparenza tal-akkwist pubbliku tkun assigurata kontinwament, u jeħtieġ niggarantixxu kundizzjonijiet indaqs. Inkella s-sistema kollha tkun qed taqa’ biċċiet u l-vittmi jkunu biss in-nies u l-pajjiż tagħna.”

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

L-avukati difensuri ta’ Muscat kienu fost il-mistednin il-Barbados
Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga lil Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo