It-tkeċċija ta’ Ivan Camilleri minn mat-Times kisret ‘prinċipju bażiku tal-ġustizzja’ u nieqsa mill-provi

Il-ġurnalist veteran jirbaħ €172,000 għad-danni li sofra

 

Read in English.

It-Tribunal Industrijali għadu kif ħa d-deċiżjoni li t-Times of Malta trid tħallas €171,569 lill-ġurnalist ewlieni Ivan Camilleri għat-tkeċċija żbaljata tiegħu minn mal-kumpanija wara proċess li skont skont iċ-Chair Joe Gerada kien wieħed “assurd”.

It-Tribunal wasal għall-konklużjoni li l-Bord tad-Diretturi tal-Allied Newspapers kien keċċa lil Camilleri bil-għaġla, kiser il-provedimenti kollha tal-ftehim kollettiv tal-impjegati tal-kumpanija, u mingħajr ma kellu provi tanġibbli fil-konfront tal-ġurnalist veteran.

It-Tribunal iddikjara li l-kumpanija, “bi ksur tal-prinċipju bażiku tal-ġustizzja li min jakkuża jrid jipprova, talbet [lil Camilleri biex] ikun hu li jipprova l-innoċenza tiegħu. [B’hekk, il-kumpanija] qed turi li kellha problema biex iġġib il-provi […] u tipprova l-każ tagħha. Minflok riedet lill-istess [Camilleri] jagħmlilha xogħolha u jipprova hu l-innoċenza tiegħu. Din mhi xejn ħlief assurdità li t-Tribunal ma jistenniex.” Dan filwaqt li fis-sentenza tiegħu, it-Tribunal semma għadd ta’ każijiet meta t-Times of Malta kisret ir-regoli tal-impjieg fi proċess żbilanċjat.

“Kien hemm ksur flagranti tal-ftehim kollettiv li ħoloq żbilanċ fl-ekwità bejn il-partijiet [u li wassal biex kienet impossibbli għal Camilleri li] jiddefendi lilu nnifsu u li jkollu ċans ġust għal smigħ xieraq.”

It-tkeċċija ta’ Camilleri kienet imsejsa fuq żewġ allegazzjonijiet: l-allegat kxif ta’ informazzjoni lil Yorgen Fenech dwar l-arrest tiegħu u l-allegat serq ta’ oġġetti mill-Valyou Supermarket. It-Tribunal ikkunsidra ż-żewġ allegazzjonijiet u qal li l-kumpanija naqset milli tipprova l-allegazzjonijiet tagħha fil-konfront ta’ Camilleri u li kienet ħadet passi bl-għaġla biex tkeċċih.

Dakinhar tat-tkeċċija, Camilleri kien issejjaħ għal laqgħa li għaliha attendew id-Direttur Maniġerjali Michel Rizzo, iċ-Chair tal-Bord Paul Mercieca, il-membru tal-Bord Helga Ellul u l-Kap Editur Herman Grech. It-Tribunal innota li Camilleri kien intalab jattendi għal dik il-laqgħa mingħajr ma kien ġie infurmat x’kienet l-aġenda u mingħajr ma ngħata memo jew ittra.

Minkejja li kien ċaħad l-akkużi kontrih, lil Camilleri kienu talbuh iħalli l-kamra u tkeċċa f’tebqa t’għajn. Iċ-Chair tat-Tribunal ikkritika bil-qawwa lit-tmexxija, lill-bord u lill-kap editur tat-Times of Malta għal dik li dehret deċiżjoni li kienet ttieħdet minn qabel u li saħansitra eskludiet lill-meniġer tal-HR mill-proċess — mossa li t-Tribunal sabha “stramba ħafna”.

Filwaqt li l-kumpanija ddikjarat li t-tmexxija tagħha hija separata mil-linja editorjali, stqarrija li l-kumpanija tenniet anki meta tlieta mid-diretturi maniġerjali tagħha u l-eks kontrollur finanzjarju tagħha ġew akkużati bil-ħasil tal-flus, it-Tribunal innota kif id-Direttur Maniġerjali Michel Rizzo ħallat ir-rwoli u aġixxa daqslikieku kien ġurnalist hu stess, filwaqt li straħ fuq sors li l-Kap Editur biss kif jaf – Rizzo lanqas biss kien jaf min kien.

It-Tribunal innota wkoll li għalkemm Rizzo ddikjara li, dak iż-żmien, il-kamra tal-aħbarijiet kienet “on fire”, din ma kinitx skuża biex jiġu injorati d-drittijiet mogħtija lill-ħaddiema fil-ftehim kollettiv.

It-Tribunal iddikjara li r-rwol ta’ Rizzo, anzi, kien li jitfi dak in-nar sakemm jibdew jintużaw il-proċeduri xierqa. It-tmexxija kellha alternattivi oħrajn, fosthom li tissospendi lil Camilleri sakemm jiġbru l-provi biex jissostanzjaw l-allegazzjonijiet tagħhom.

Kxif ta’ informazzjoni lil Yorgen Fenech

Il-każ imur lura għall-2019 meta Camilleri kien ġie akkużat mill-Kap Editur li kixef informazzjoni ma’ Yorgen Fenech, allegat mandant fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, meta kien qed jipprova jħalli l-pajjiż.

Minn xhieda fil-qorti tal-ispettur Keith Arnaud ħareġ li l-pulizija kellha informazzjoni li dik l-informazzjoni ġiet mingħand ċertu “Ivan tat-Times”.

Dak iż-żmien kien hemm żewġ Ivans fil-kamra tal-aħbarijiet – Ivan Camilleri u Ivan Martin. It-Tribunal innota li l-kumpanija kienet ittrattat li dawn iż-żewġ persuni b’modi differenti, u mill-ġdid jattribwixxi dan għall-preġudizzju ta’ Herman Grech.

“It-Tribunal jinnota wkoll il-mod differenti li bih il-Kap Editur ittratta lill-ġurnalista Ivan Martin u lill-ġurnalista Ivan Camilleri minħabba li għandhom l-istess isem. Filwaqt li tal-ewwel kien intervistat informalment dwar il-kxif tal-informazzjoni u [minħabba] l-fatt li jaqsam l-istess isem ma’ Ivan Camilleri, il-Kap Editur kellu prijoritajiet oħra fil-każ ta’ Ivan Camilleri u għażel li ma jintervistahx.”

Is-sentenza tat-Tribunal tiddikjara wkoll li l-Ispettur Arnaud seta’ jikkonferma biss li l-aħħar SMS ta’ Ivan Martin lil Yorgen Fenech kien bagħtu fid-9 ta’ Lulju 2019, u l-aħħar wieħed ta’ Ivan Camilleri kien bagħtu fid-19 ta’ Novembru 2019. Innota wkoll li dawn ma kinux biss l-uniċi żewġ ġurnalisti li kienu f’kuntatt ma’ Yorgen Fenech (il-ġurnalisti jeħtieġ jitkellmu ma’ kulħadd biex jisimgħu l-qniepen kollha tal-istorja).

Waqt is-seduti tat-Tribunal, Grech ma semmiex min kien qallu dwar l-allegat kxif tal-informazzjoni, u qal biss li kien sors partikolari. Anki d-Direttur Maniġerjali Michel Rizzo u ċ-chairman tal-kumpanija Paul Mercieca straħu fuq l-informazzjoni li kellu Grech mingħajr ma staqsew iżjed, u ammettew li ma kinux jafu għal min kien qed jirreferi Grech.

Iċ-Chair tat-Tribunal qal li filwaqt li l-ġurnalisti għandhom id-dritt li jipproteġu lis-sorsi tar-rappurtaġġi tagħhom, din kienet investigazzjoni interna: “L-informazzjoni miġbura minn ġurnalist biex jibni storja m’għandha x’taqsam xejn mal-ġbir ta’ evidenza biex isir smigħ xieraq ta’ każ tad-dixxiplina. Li kieku mhux hekk, kieku l-ġurnalisti kollha jkunu f’qagħda enormi ta’ vulnerabbiltà peress li sempliċi allegazzjoni
sostnuta biss minn sors mhux magħruf u mhux eżaminat tista’ twassal lil kull ġurnalist biex jitkeċċa mix-xogħol.”

“Jidher ċar li l-kumpanija kellha għaġla kbira [biex] tittermina l-impjieg ta’ Camilleri, minħabba dak li ħasbet setgħu jkunu l-konsegwenzi fuq il-kumpanija,” ikkonkluda t-Tribunal.

Is-supermarket

It-Tribunal ikkonkluda wkoll li kull investigazzjoni tat-Times of Malta dwar dan – mill-ġdid, id-Direttur Maniġerjali Michel Rizzo u l-Kap Editur Herman Grech – “telqet minn premessa ta’ ħtija u rrendiet
l-investigazzjoni irrilevanti għal dan it-Tribunal.”

L-allegazzjoni kienet li Camilleri kien inqabad jisraq xi oġġetti mill-Valyou Supermarket, u din ħarġet minn storja ppubblikata mill-Maltatoday fl-2019.

Sid is-supermarket Ray Mintoff xehed li hu u sieħbu Philip Borg kienet saritilhom pressjoni minn Rizzo u Grech biex jipprovdu l-evidenza ħalli lil Camilleri “ikeċċuh mill-impjieg”. Mintoff iżda insista li ma kellu l-ebda prova.

Mintoff xehed li meta kien ra l-filmati tas-CCTV, hu ra lil Camilleri joħroġ minn ħdejn il-kaxxiera b’xi oġġetti fuq wara tat-trolley li ma kinux tqiegħdu fuq il-bank tal-kaxxiera biex jitħallsu, iżda “kif inġbidlitlu l-attenzjoni mill-kaxxiera huwa ħallas għal dak kollu li xtara u skuża ruħu.”

L-attitudni ta’ Camilleri

It-Tribunal ikkummenta wkoll dwar l-arroganza ta’ Camilleri fuq il-lant tax-xogħol. Din kienet issemmiet waqt il-laqgħa u mhux fl-ittra mogħtija lil Camilleri meta tkeċċa.

Iċ-Chair tat-Tribunal iddikjara li għalkemm din ma kinitx raġuni għat-tkeċċija, “dan id-dritt jieqaf mal-punt li jista’ jinkiser id-dritt ta’ oħrajn. Li Camilleri jippretendi li ħaddieħor għandu joqgħod għall-kummenti dispreġġjattivi tiegħu għax hu jikkontendi li dak huwa l-istil tiegħu, turi arroganza u hija kompletament inaċċettabbli.”

Għal dik ir-raġuni, it-Tribunal naqqas il-kumpens b’€56,000 u ordna lit-Times of Malta tħallas €171,569 lil Camilleri.

F’rappurtaġġ dwar din il-kawża, it-Times of Malta qalet li hija se tibqa’ mad-deċiżjoni li kienet ħadet u għalhekk se tappella s-sentenza.

Aqra s-Sentenza 3000 – 3851JG sħiħa

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

Xi jrid ikun biex il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali jirreżenja?
Read in English. Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Karol Aquilina qal fi
Tiżdied il-frustrazzjoni hekk kif jissokta l-qtugħ tad-dawl minkejja l-wegħdi tal-gvern
Read in English. Issa li s-sħana tas-sajf bdiet teqliel

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo