Ġol-Awla Joseph Muscat żgur li ma kellux merħba ta’ eroj

Fil-Qorti, Muscat kien iżolat - anki sħabu fil-komplott injorawh.

 

Read in English.

“Assolutament mhux ħati,” qal l-eks prim ministru diżonorat Joseph Muscat lill-Maġistrata meta ntalab xi jwieġeb għall-akkużi kontrih.

Il-‘mhux ħati’ ma kinitx biżżejjed għalih; ġol-qorti baqa’ għaddej jitkellem għall-udjenza bħalma għamel quddiem il-binja tal-qorti ftit ħin qabel.

Hu wasal tard għas-smigħ, għax weħel isellem lill-miġegħma ta’ xi 2,000 ruħ – ħafna minnhom anzjani – li nġabret quddiem il-qorti biex tagħtih is-sapport wara l-appelli ta’ Manuel Cuschieri.

Fil-fatt, kull meta xi ħadd kien qed jidħol fil-binja tal-qorti, dawk miġbura bdew jgħajtu “Joseph”, anke jekk il-persuna dieħla fil-qorti kienet Keith Schembri.

Madankollu, ġol-qorti, imbagħad, Muscat kien iżolat. Il-ġurnalisti u l-familjari tal-akkużi tħallew jistennew għal iżjed minn nofs siegħa sakemm fl-aħħar Muscat deher dieħel fl-Awla. Hemm, ħadd ma resaq lejh biex ikellmu jew biex jeħodlu b’idejh, ħlief Keith Schembri, eventwalment.

Din ġrat wara li Muscat naqas milli jsellem lil Schembri hu u dieħel fil-qorti u minflok dar lejn l-eks ministru diżonorat Konrad Mizzi.

Minkejja l-persuni kollha li kien hemm viċin Muscat ġol-qorti – f’awla li laqqgħet aktar minn tużżana akkużati u r-riġmenti tal-avukati tagħhom biex jiddefenduhom minn akkużi simili ta’ tixħim, frodi, assoċjazzjoni kriminali u ħasil tal-flus – Muscat kien waħdu.

Miegħu kien hemm biss martu Michelle Muscat, u Jason Micallef. Michelle Muscat warrbet il-megezini tal-moda għal ġurnata u minflok ġabet magħha ktieb li ftit li xejn dehret mitlufa fih, għax aktarx mhix xi ħaġa li tagħmel sikwit.

Kull pass li bdew jagħmlu Joseph u Michelle Muscat kien reċta. Kollox taparsi, biex jikkontrollaw il-perċezzjonijiet, flok biex jirrispettaw il-gravità tal-akkużi li kienu qed jaffaċċaw — is-serq tal-miljuni tal-ewro minn ħalq il-poplu Malti.

Is-sitwazzjoni fl-awla kienet tixhed id-diffikultà tal-proċedimenti. Il-prosekuturi mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-pulizija kellhom jikkumbattu lil riġmenti sħaħ ta’ avukati tal-kriminal.

Kważi kull avukat tal-kriminal fil-pajjiż tqabbad biex jiddefendi lill-akkużati – u dawn huma biss l-ewwel grupp ta’ persuni msemmija fil-listi tal-akkużati.

Stephen Tonna Lowell, Charles Mercieca, Mark Vassallo, Franco Debono, u Edward Gatt ilkoll kienu hemm. Avukati assoċjati mal-partiti taż-żewġ naħat inġabru flimkien biex jiddefendu lil persuni mill-ogħla kurtituri tal-poter u lil persuni oħra li tawhom palata.

U ħafna mill-akkużati li tressqu llum b’rabta mal-ftehim korrott tal-isptarijiet kellhom żewġ jew tliet avukati kull wieħed.

L-akkużati lanqas biss setgħu jidhru mill-gallarija tal-awla għax l-awla kienet mimlija b’dawk l-avukati kollha tal-kriminal u bi ħbiebhom li kienu hemm biex jiddefendu lill-akkużati. Kienet ċara li l-prosekuzzjoni ma kienx se jkollha battalja faċli.

Il-miġegħma quddiem il-qorti ċkienet xi ftit anki qabel il-wasla ta’ Joseph Muscat. Fl-isfond deher il-mafkar protesta tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, li kienet l-ewwel waħda li ħarġet fid-dieher l-iskandlu tal-ftehim tal-isptarijiet.

U l-folla tal-Partit Laburista baqgħet hemm tixrob il-birra f’xemx taqli l-ġrieden u tiddiskuti kif kienet se tiddefendi lil-Labour sal-mewt, anki filwaqt li qagħdet titlajja fis-sħana.

“Qatt u qatt mhu se jirnexxilkom tkunu fil-gvern,” bdew iwerżqu f’wiċċ il-ġurnalisti, filwaqt li jtennu dak li semgħu lill-partit tagħhom fil-gvern jgħid, li l-ġurnalisti huma parti mill-‘establishment’.

Kull minn kien ġol-awla, imbagħad, kważi kienet se tmur għajnu bih hekk kif il-prosekutur qatta’ madwar sagħtejn jaqra l-lista volumenuża tal-akkużi miġjuba kontrihom — ħlief Michelle Muscat li baqgħet tabirruħha qed tipprova taqra l-ktieb fis-“serenità” tagħha.

Fil-frattemp, iżda, il-ġurnalisti kellhom jidħlu fil-binja tal-qorti bil-protezzjoni tal-pulizija: il-forza tal-ordni nxteħet piż enormi fuq spallitha llum biex tikkontrolla l-folla u t-tensjonijiet li nqalgħu.

Dawn in-nies inġemgħu hemm biex jappoġġjaw lill-eks prim ministru diżonorat, lil Konrad Mizzi, lil Keith Schembri, u lil 20 persuna u kumpanija oħra li qed jiġu akkużati b’tixħim, negozjar tal-influwenza, ħasil tal-flus, u bosta reati oħra.

Il-prosekuzzjoni talbet l-iffriżar tal-assi, ħafna drabi ta’ €30 miljun, u talbet għal interdizzjoni tal-akkużati jekk jinstabu ħatja.

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

L-avukati difensuri ta’ Muscat kienu fost il-mistednin il-Barbados
Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga lil Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo