Read in English.
Uffiċjal għoli ta’ Transport Malta li ngħata l-libertà proviżorja mill-qorti għal akkużi kontrih ta’ fastidju sesswali, reġa’ lura għax-xogħol wara li tneħħietlu sospensjoni. Dan hu wieħed minn fost 30 uffiċjal ieħor li l-Prim Ministru Robert Abela daħħal lura fuq il-lant tax-xogħol minkejja li hemm għaddejjin proċeduri kriminali kontrihom fil-qrati.
Clint Axisa ta’ 44 hu attivist Laburista mill-Fgura, lokalità tad-distrett li jikkontesta fih il-Ministru tat-Trasport Chris Bonett.
Aktar kmieni din il-ġimgħa, Axisa deher għax-xogħol f’uffiċċju ġdid fil-binja ta’ Infrastructure Malta fejn xi uffiċjali ta’ Transport Malta talbuh jibda jirrapporta għax-xogħol.
S’issa, la l-Ministru tat-Trasport Chris Bonett u lanqas is-CEOs ta’ Infrastructure Malta u Transport Malta, Ivan Falzon u Mark Mallia, ma wieġbu l-mistoqsijiet ta’ The Shift dwar din il-kwistjoni.
Wara li kellu jgħaddi mill-iskrutinju pubbliku u saret pressjoni min-naħa tal-kandidat indipendenti għall-elezzjonijiet Ewropej Arnold Cassola, fi Frar 2022 Clint Axisa kien tressaq il-qorti u ġie akkużat b’bosta reati, fosthom li wettaq atti sesswali mingħajr il-kunsens ma’ mara kollega tiegħu, u li ta fastidju sesswali lilha u lil mara oħra.
Axisa qed jiċħad kull akkuża kontrih.
Minħabba dawk l-akkużi, Axisa kien ġie sospiż mill-impjieg tiegħu fi Transport Malta u beda jitħallas nofs salarju sakemm tintemm il-kawża fil-qorti.
Issa li tneħħiet is-sospensjoni ta’ Axisa u li ddaħħal lura għax-xogħol, huma l-aħħar minn sensiela ta’ każijiet simili li ġraw fl-aħħar ġimgħat.
Mill-anqas diġà ddaħħlu lura xi 36 impjegat(a) tas-servizz pubbliku li qed jaffaċċjaw akkużi kriminali kontrihom fil-qorti.
Sal-mument tal-pubblikazzjoni, la l-Prim Ministru Robert Abela u lanqas is-Segretarju Permanenti Ewlieni tiegħu Tony Sultana għadhom ma spjegaw dawn il-mossi li jiksru l-Kodiċi tat-Tmexxija tas-Servizz Pubbliku (PSMC).
Skont dawk ir-regoli, l-impjegati tas-servizz pubbliku li jitressqu l-qorti akkużati b’offiżi kriminali għandhom jiġu sospiżi mill-impjieg tagħhom sakemm jintemmu l-proċeduri.
Madankollu, l-amministrazzjoni Laburista diġà għamlet bosta eċċezzjonijiet għal dawn ir-regoli.
Każ partikolari minnhom jinvolvi lis-Sindku tar-Rabat Sandro Craus li, minkejja l-akkużi kontrih ta’ miżapproprjazzjoni tal-flus u l-għoti ta’ impjieg fantażma lil Melvin Theuma – is-sensar fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia –, xorta tħalla fl-impjieg mal-OPM b’salarju ta’ €65,000 fis-sena permezz ta’ Projects Plus u barra minn hekk din is-sena se jerġa’ jikkontesta l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali f’isem il-Partit Laburista.