Abela ma jispjegax id-diskrepanzi fid-dikjarazzjonijiet tal-ġid personali

Read this article in English.

Il-Prim Ministru Robert Abela rrifjuta li jispjega d-diskrepanza ta’ €180,000 fid-dikjarazzjonijiet tal-ġid personali ppreżentati lill-parlament bħalma jeżiġi l-Kodiċi tal-Etika Ministerjali.

Minn investigazzjoni li għamel The Shift joħroġ li wieħed mill-aħħar akkwist tiegħu, jiġifieri l-biċċa art fix-Xewkija fl-2022, ma jidher imkien fid-dikjarazzjonijiet tiegħu. Daqstant ieħor ma jidhirx il-pagament ta’ €180,000 li l-kuntratt tiegħu jiddikjara li ħallas għaliha.

Fid-dikjarazzjoni tiegħu tal-2021, Abela qal lill-parlament li kellu madwar €375,000 fi flus depożitati fil-banek lokali.

Sena wara, fid-dikjarazzjoni tiegħu tal-2022, id-depożiti fil-kontijiet bankarji żdiedu b’xi €12,000, u temm is-sena bi €387,000 fil-banek, apparti l-€20,000 l-oħra fi stokkijiet ġodda tal-gvern Malti.

Id-dikjarazzjoni tal-PM fi tmiem l-2021.

Madankollu, il-€180,000 li ħallas biex xtara l-biċċa art fix-Xewkija, Għawdex, permezz ta’ kuntratt iffirmat f’April 2022, mhumiex riflessi fid-dikjarazzjonijiet tiegħu.

Tabilħaqq, minflok m’hemm tnaqqis sinifikanti fid-depożiti tiegħu fil-banek biex ikun jirrifletti l-€180,000 li nefaq, id-depożiti tiegħu fil-banek effettivament żdiedu, u dan minkejja li l-prim ministru jiddikjara s-salarju tiegħu ta’ madwar €65,000 fis-sena bħala l-uniku sors ta’ dħul għall-familja tiegħu.

Barra minn hekk, id-dikjarazzjonijiet juru li Abela ma biegħ l-ebda waħda mill-proprjetajiet tiegħu fl-2021 biex ikun jista’ jiffinanzja x-xiri tal-2022.

Apparti dan, id-dikjarazzjoni tiegħu tal-2022, l-aħħar waħda disponibbli pubblikament, ma ssemmi xejn dwar ix-xiri ta’ aktar art f’April ta’ dik is-sena.

The Shift staqsa lil Abela kif jista’ jkun li kien ħallas €180,000 għall-art tax-Xewkija – The Shift ra l-kuntatt – mingħajr ma kien hemm tnaqqis rifless fil-bilanċ tal-bank, u liema flejjes intużaw għax-xiri.

Il-prim ministru ġie mistoqsi wkoll jekk kienx ħallas il-prezz tal-art fix-Xewkija bi flus kontanti, ħaġa illegali skont il-liġi Maltija.

Id-dikjarazzjoni tal-PM fl-2022.

Il-prim ministru qal lil The Shift, “Id-dikjarazzjoni tal-assi msemmija hija sħiħa u korretta,” filwaqt li ma ta l-ebda dettall ieħor.

Passat ta’ akkwisti u ġid akkumulat dubjużi

Robert Abela, ta’ 46 sena, u martu Lydia, ta’ 45 sena, it-tnejn ħadmu bħala avukati għal kważi għoxrin sena bħala parti mid-ditta legali tal-eks President George Abela, missier il-prim ministru.

Skont id-dikjarazzjoni tal-assi tagħhom, il-koppja għandhom tliet proprjetajiet, fosthom penthouse mal-baħar f’Wied il-Għajn, fejn jgħixu, u farmhouse fix-Xewkija mixtrija fl-2010 mingħand koppja Ġermaniża għal €268,000.

Imbagħad fl-2017, ħamest ijiem biss wara li dar kbira fuq żewġt itmien fl-akkwati rurali taż-Żejtun ingħatat is-sanzjoni mill-Awtorità tal-Ippjanar għal illegalitajiet kbar, l-Abelijiet iffirmaw kuntratt biex jixtru l-villa għal €600,000, skont kif iddikjaraw.

Għalkemm fis-suq, il-valur tal-villa u l-artijiet tal-madwar kienu stmati mill-esperti li jlaħħqu ż-€2 miljun, id-Dipartiment tat-Taxxa ma ħass l-ebda ħtieġa li jistħarreġ jekk il-prim ministru kienx ta’ valur aktar baxx biex jevita li jħallas għexieren tal-eluf f’taxxi.

Barra minn hekk, aktar tard ħareġ fid-dieher li l-koppja kienu krew din il-villa delipitata lil żewġ Russi li kienu qed jipprovaw jixtru l-passaport Malti. Il-kirja kienet tagħtihom €1,500 fix-xahar u dan avolja r-Russi ma għexu fiha qatt. Dawk li jixtru l-passaport Malti jkollhom bżonn indirizz residenzjali biex jiksbu ċ-ċittadinanza.

Meta kien ir-rappreżentant legali tal-Awtorità tal-Ippjanar, il-prim ministru kien involut f’bosta spekulazzjoni tal-art u ftehimiet tal-iżvilupp mal-klijenti tiegħu.

Fost il-klijenti tiegħu hemm Gilbert Bonnici, is-CEO tal-kuntratturi tat-toroq Bonnici Group, Simon Buhagiar, magħruf bħala tal-Gass, u Christian Borg li bħalissa qed jiġi akkużat bi ħtif ta’ raġel u qed jiġi investigat mill-pulizija fuq possibbilment traffikar tad-drogi.

F’Jannar 2023, Robert Abela u martu xtraw ukoll biċċa art oħra fix-Xewkija biex jikkwadriplaw l-art tal-farmhouse tagħhom, li issa ngħatat il-permess biex tinbidel f’boutique hotel.

Din it-tieni biċċa art swiet lill-Prim Ministru €135,000 oħra.

Id-dikjarazzjoni tal-assi għall-2023 għad trid tiġi ppreżentata fil-parlament.

Assi oħrajn mhux iddikjarati

Fl-2013, ftit żmien wara li l-Labour kiseb il-poter, il-prim ministru u martu ħallsu €3,000 lill-eks kap tal-Awtorità tal-Ippjanar Ian Stafrace u martu l-Maġistrat Claire Zammit Stafrace, biex jixtru s-sehem tagħhom fi flett tal-gvern fi Strada Stretta fil-Belt Valletta, li jużaw bħala l-uffiċċju tad-ditta legali tagħhom.

Iċ-ċens temporanju ta’ din il-proprjetà fil-qalba tal-Belt Valletta skada fl-2017, iżda l-prim ministru xorta għadu ma rritornax iċ-ċwievet lill-Awtorità tal-Artijiet kif meħtieġ. Hu xorta waħda għadu jippossedi l-flett u dan avolja m’għandux titolu fuqu.

Is-sena l-oħra, il-gvern nieda skema biex jippermetti l-estensjoni awtomatika ta’ dawn l-arranġamenti, li minnha jibbenefika l-prim ministru.

Abela għandu wkoll jott lussuż, il-BALOO III – Azimut 50 – stmat li jiswa xi €300,000 filwaqt li l-ispejjeż tal-manutenzjoni annwali tiegħu jlaħħqu t-€30,000 fis-sena (stima konservattiva), inkluż l-ispejjeż għall-irmiġġ fil-marina tal-Birgu u l-fjuwil.

Il-Kodiċi tal-Etika Ministerjali ma jeżiġix li Abela għandu jiddikjara l-assi tal-baħar tiegħu.

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

L-avukati difensuri ta’ Muscat kienu fost il-mistednin il-Barbados
Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga lil Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo