Read in English.
L-eks deputat Laburista Luciano Busuttil, avukat bil-professjoni li bħalissa qed jipprattika fil-privat, għadu kif ingħata impjieg mal-gvern bħala s-CEO ta’ Awtorità li twaqqfet ftit ilu għall-Integrità fl-Isports Malti (il-AIMS).
Din l-aħħar ħatra qed tingħatalu ftit żmien wara li rriżenja minn Chairman ta’ Sports Malta – l-aġenzija tal-gvern responsabbli għall-isports. Kemm Sports Malta u anki l-Aġenzija l-ġdida t-tnejn jaqgħu fid-dekasteru politiku tal-Ministru tal-Edukazzjoni Clifton Grima.
Skont il-kuntratt tiegħu, ippubblikat fil-parlament wara mistoqsijiet mid-deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut, Busuttil ingħata salarju ta’ aktar minn €44,000 fis-sena, apparti l-allowances.
Dawn jinkludu bonus tal-prestazzjoni, allowance ta’ €6,000 għall-ispejjeż, allowance ta’ €4,658 għall-fjuwil, u allowance ta’ €1,800 għall-komunikazzjoni u l-użu tal-karozza. B’kollox, il-pakkett mogħti għal dan l-imsejjaħ impjieg full-time ilaħħaq is-€70,000.
Sorsi f’din l-Awtorità li ċ-Chairman tagħha hu l-imħallef emeritu Antonio Mizzi, ir-raġel tal-eks Ewroparlamentari Laburista Marlene Mizzi, qalulna li għalkemm is-CEO suppost irid jiddedika ħinu full-time għall-Awtorità l-ġdida, hu effettivament iqatta’ ħafna mill-ħin tiegħu jaqdi lill-klijenti tiegħu fil-qrati u jwettaq xogħlijiet varji għal ministeri oħra permezz ta’ bosta ħatriet oħrajn.
Il-Prim Ministru Robert Abela kien qal pubblikament li s-CEOs tal-gvern mhux se jitħallew jagħmlu xogħlijiet oħrajn. Madankollu, dan mhuwiex il-każ għal bosta CEOs tal-gvern maħtura mill-istess prim ministru. Fosthom hemm pereżempju s-CEO tal-ITS Pierre Fenech, is-CEO tal-Enemalta Ryan Fava, is-CEO tal-OHSA Josianne Cutajar u s-CEO maħtur dan l-aħħar ta’ Project Green Joseph Cuschieri.
Luciano Busttil kien deputat Laburista sal-2017 meta kien ħabbar li kien “se jirtira” mill-politika għax kien “għeja jħossu trattat ta’ prostituta għall-voti”.
Madankollu, it-tluq tiegħu kien biss mill-Kamra tad-Deputati għax xorta waħda baqa’ jingħata ħatriet mal-gvern u direct orders.
Peress li l-eks prim ministru diżonorat Joseph Muscat kien ħalla lil Busuttil fuq il-backbench, fl-2020 dan l-eks deputat mill-Ħamrun kien appoġġa lil Robert Abela waqt it-tellieqa għal mexxej tal-Partit Laburista.
Fil-frattemp, skont bosta mistoqsijiet parlamentari, Busuttil irċieva xi €350,000 mingħand il-gvern fl-2023 permezz ta’ bosta rwoli, fosthom bħala konsulent għall-Ministeru tal-Edukazzjoni, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, u l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Fost il-Ministeri l-oħrajn li ħallsu lil Busuttil għal servizzi wara li rtira mill-politika hemm il-Ministeru tal-Ambjent u l-Enerġija (€22,883), il-Ministeru tal-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet (€13,600), il-Ministeru tal-Politika Soċjali (€11,415), il-Ministeru tal-Ġustizzja (€10,715) u l-Ministeru tal-Intern (€4,566).
Sadanittant, minkejja li issa ilha kważi sentejn li twaqqfet, l-Awtorità għall-Integrità fl-Isports Malti lanqas website m’għandha.