Opinjoni: Mhijiex qiegħda fejn hu postha

Il-President tal-Kumitat tal-Etika Michael Guest, Repubblikan ukoll, ippreżenta rapport dwar l-etika mill-aktar kundannanti fil-konfront tiegħu, rapport li jikxef bosta evidenza li Santos deliberatament kellu mġiba frawdulenti u li kien parteċipi fi ksur volontarju tal-Att Amerikan dwar l-Etika fil-Ħajja Pubblika.

Anki Rosianne Cutajar instabet li kisret il-kodiċi tal-etika mill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, George Hyzler. U anki l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa kienet ikkonkludiet li kisret il-kodiċi tal-etika. Kellha wkoll il-kundanna, waħda f’waħda, f’rapport tal-Awditur Ġenerali Malti minħabba l-impjieg fantażma “irregolari u frawdulenti” tagħha mal-ITS.

Madankollu, b’differenza minn Santos, Cutajar ma tkeċċietx mill-parlament u b’mod mill-aktar insolenti għadha twebbes rasha u mhix se titlaq. Għadha wkoll membru tal-Partit Laburista, infatti stednuha għall-aħħar Konferenza Ġenerali Annwali tal-partit.

Wara investigazzjoni, f’Lulju 2021 Cutajar instabet ħatja li kisret il-kodiċi tal-etika. Cutajar ammettiet li rċeviet €9,000 fi flus kontanti mingħand Yorgen Fenech iżda ċaħdet li rċeviet €46,000 f’senserija għall-involviment tagħha fil-bejgħ ta’ proprjetà fl-Imdina.

Cutajar naqset milli tiddikjara lill-parlament dan ir-rigal ta’ €9,000, madankollu l-Ispeaker Anġlu Farrugia vvota kontra l-adozzjoni tar-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika u kontra mozzjoni tal-Oppożizzjoni li talbet għal sanzjonijiet kontra Cutajar. Hu saħansitra telaq ‘il barra waqt id-diskussjoni dwar il-mozzjoni.

Kellhom jgħaddu bosta xhur biex il-Kumitat Parlamentari tal-Istandards finalment adotta r-rapport. L-Oppożizzjoni pproponiet li Cutajar għandha tiġi sospiża mill-parlament għal xahar, iżda d-deputati Laburisti u Farrugia vvotaw kontra dil-proposta u minflok ivvotaw biex ituha “tbeżbiża”. Din it-tbeżbiża kienet tikkonsisti f’ittra formali li Farrugia bagħat lil Cutajar bid-deċiżjoni tal-Kumitat. Ma ntalbet l-ebda apoloġija u ma ngħata l-ebda kastig.

Fl-istess waqt, l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa kienet qed tinvestiga lil Cutajar għall-possibbiltà ta’ “ksur serju tal-etika”. Cutajar kienet aċċettat eluf ta’ ewro mingħand Yorgen Fenech biex imbagħad fi Strasburgu ftit ġimgħat wara għamlet diskors fl-Assemblea li jxejjen il-gravità ta’ 17 Black u ta’ skandli oħra tal-korruzzjoni tal-gvern.

Minflok ma neħħieha mill-grupp parlamentari tal-Labour, il-Prim Ministru Robert Abela ħareġ għonqu biex jipproteġi lil Cutajar, u partat postha fl-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa biex jiffrankalha kull sanzjoni li setgħet tinħareġ kontriha. Minflok saħansitra appuntaha biex tmexxi l-kumitat tas-saħħa fil-parlament Malti u ħallieha tikkontesta l-elezzjoni ġenerali tal-2022 f’isem il-Partit Laburista, stedinha biex titkellem f’avveniment tal-kampanja elettorali tal-Labour, u ddefenda l-imġiba tagħha mingħajr mistħija filwaqt li ħeġġeġ lill-elettorat biex jivvotalha.

“Issa f’idejn il-pubbliku biex jiddeċiedi,” kien ikkummenta Abela.

B’mod mill-aktar imbarazzanti għal Abela, jumejn qabel l-elezzjoni tal-2022, il-Kunsill tal-Ewropa sab li Cutajar “kisret serjament” il-kodiċi tal-etika. Sab li kienet aġixxiet ta’ “difensur imħallas”, “użat il-pożizzjoni tagħha biex tmexxi ‘l quddiem l-interessi tagħha jew ta’ persuni oħrajn,” u “kisret serjament” bosta artikoli tal-Kodiċi tal-Kondotta.

Il-Kumitat kien ilmenta għax il-firxa ta’ sanzjonijiet applikabbli ma setgħux jiġu infurzati peress li Abela, b’mod diżonest għall-aħħar, kien neħħa lil Cutajar mill-Assemblea.

Meta mbagħad ġew żvelati ċ-chats tal-WhatsApp bejn Cutajar u Yorgen Fenech ħarġet fid-dieher il-kariga abbużiva ta’ konsulenza li ngħatat Cutajar mal-ITS u ħarġu wkoll l-akkużi tagħha li l-kollegi Laburisti tagħha lkoll qed jitħanżru (“kulħadd jitħanżer”). Madankollu Abela xorta waħda baqa’ jiddefendiha; kien qalilna, “Hi diġà ħallset il-prezz politiku tagħha.”

Filwaqt li żdiedet ir-rabja fost il-Laburisti, Abela kellu bilfors jagħmel U-turn qawwija u Cutajar finalment ġiet sfurzata titlaq mill-grupp parlamentari tal-Labour – iżda baqgħet tesserata tal-partit.

Dan l-aħħar, il-Kummissarju Joseph Azzopardi sab skuża komda biex jieqaf jinvestigaha, u Cutajar mingħajr farka mistħija ħarġet tgħid li kienet ġiet meħlusa minn kull akkuża, filwaqt li stqarret fil-miftuħ kemm tħossha kburija bl-“attiviżmu politiku u Laburista” tagħha. Ħadd mit-tmexxija Laburista ma ħareġ jiddiżassoċja ruħu minnha fil-pubbliku, lanqas il-prim ministru. Minflok ħallieha tkompli tagħmel ħsara lill-partit tiegħu bl-oxxenitajiet sfaċċati tagħha.

Iżda ftit ġranet wara din id-dikjarazzjoni stramba tagħha li “l-każ tagħha issa kien magħluq”, l-Awditur Ġenerali ppubblika rapport kundannanti. Sab li l-konsulenza tagħha mal-ITS kienet irregolari u frawdulenti, li l-kuntratt kellu d-dati b’lura, li Cutajar kienet inkompetenti biex twettaq dak l-impjieg, u li prattikament ma tat l-ebda evidenza li kienet wettqet xi xogħol għal dawk l-eluf tal-ewro li tħallset – rata għolja mingħajr ġustifikazzjoni u li ġiet deċiża mingħajr bażi.

Ir-rapport ikkummenta wkoll li potenzjalment kien hemm kollużjoni bejnha u Pierre Fenech fit-tweġibiet li taw lill-Awditur Ġenerali.

Cutajar instabet li naqset ukoll milli tiddikjara l-introjtu li ħadet mill-kariga fl-ITS, eżatt bħalma kienet naqset li tiddikjara r-rigal ta’ €9,000.

“Il-benefiċjarju finanzjarju ta’ din l-irregolarità hu l-Onor. Cutajar; iżda dan il-qerq ngħata palata mis-CEO tal-ITS meta aċċetta li jħallasha mill-fondi pubbliċi li hu kien responsabbli li jamministra,” ikkonkluda r-rapport. “Dik hi l-opinjoni tal-NAO, ma jfissirx li vera,” ħarġet tikkummenta Cutajar.

L-arroganti Rosianne Cutajar kienet beżgħana wisq biex tiltaqa’ mal-Awditur Ġenerali u twieġeb il-mistoqsijiet fiżikament, u minflok aċċettat biss li tipprovdi t-tweġibiet tagħha bil-miktub – ma tantx jidher li hu l-aġir ta’ xi ħadd konvint mill-innoċenza tiegħu. Hu l-aġir ta’ beżżiegħa li taf li se tinqabad. “Jien ħdimt għal kull ċenteżmu li qlajt”, ibblaffjat.

Dik impossibbli, meta wieħed iqis li l-kuntratt tagħha kellu d-dati b’lura, u li kienet qalgħet l-eluf tal-ewro qabel biss iffirmat il-kuntratt. Il-verità hi li Cutajar iffrodat l-eluf tal-ewro lin-nazzjon.

Bħal Santos, Cutajar kienet parteċipi fi mġiba frawdulenti u kisret il-kodiċi tal-etika. Għall-ksur tiegħu, Santos tkeċċa ‘l barra mill-Kungress u issa qed jaffaċċja 23 akkuża kriminali u jista’ jispiċċa jlaqqat 20 sena ħabs jekk jinstab ħati. Mhu se jirċievi l-ebda salarju ieħor mill-Kungress u mhu se jkollu l-ebda pensjoni.

Min-naħa l-oħra, b’differenza minn Santos, ir-Rosianne tagħna, li rċeviet €28,000 f’benefiċċji meta rreżenjat, għadha qed tieħu l-onorarja parlamentari, se tirċievi l-pensjoni, u għadha membru tal-Partit Laburista.

L-Oppożizzjoni se tippreżenta mozzjoni biex “tħeġġeġ” lil Cutajar tirritorna l-flus li “qalgħet” mill-konsulenza falza tagħha mal-ITS. Iżda li għandha taffaċċja huma akkużi kriminali għal frodi.

Bħal Santos, Cutajar mhuwiex postha fil-Kamra tad-Deputati – postha l-ħabs.

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

L-avukati difensuri ta’ Muscat kienu fost il-mistednin il-Barbados
Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga lil Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo