Okkupanti żgumbrati minn Villa Frere hekk kif hemm sogru li tiġġarraf

Kumpanija tal-iscaffolding fl-Imsida ġiet ordnata toħroġ minn partijiet ta’ Villa Frere – Monument Nazzjonali tal-Grad 1 – li ilha tokkupa għal 60 sena, filwaqt li dawk li qed jiġu żgumbrati għad iridu joħorġu għax qed jiddikjaraw li għandhom id-dritt li jibqgħu.

Skont l-Awtorità tal-Artijiet, il-binja li kienet qed tintuża mill-kumpanija Joseph F. Spiteri & Co Ltd, magħrufa bħala tal-Kee Klamps, ma kinitx qed issirilha manutenzjoni u għandha r-riskju li tiġġarraf.

Filwaqt li bħalissa għaddejja l-battalja legali, mhuwiex magħruf kif il-kumpanija, li tforni l-iscaffolding u t-tagħmir tal-kostruzzjoni, tħalliet tokkupa l-binja fi Triq il-Marina, l-Imsida, mingħajr dokumenti ta’ titolu għal snin twal.

Sorsi li tkellmu ma’ The Shift qalulna li Heritage Malta, l-aġenzija tal-gvern responsabbli għall-wirt nazzjonali, ilha snin titlob lill-gvern biex jordna l-iżgumbrament tal-binja, iżda dan baqa’ ma sarx.

Biss issa, wara 60 sena, il-gvern iddeċieda li jieħu azzjoni.

Is-sorsi qalulna li din l-azzjoni legali riċenti ttieħdet wara li saret spezzjoni fuq il-post minn perit li sab is-saqaf ta’ fuq fi stat ħażin ħafna, tant li l-kuntratturi bdew isibuha bi tqila li jwettqu xi xogħol temporanju ta’ rimedju għax beżgħu għas-sikurezza tagħhom.

Anki xi rapporti tekniċi li ġew f’idejn The Shift jesprimu tħassib qawwi dwar is-sitwazzjoni, u fil-fatt is-soqfa sejħulhom “ikkundannati u fi stat imminenti li jaqgħu”. Permezz tal-ispetturi tal-infurzar, l-Awtorità tal-Artijiet diġà marret fuq il-post u talbet lill-okkupanti biex joħorġu mingħajr iżjed dewmien, iżda l-abitanti għadhom qed jikkupaw u jużaw il-binja.

L-okkupanti qed jibqgħu jsostnu li għandhom titolu fuq il-binja għax fis-sittinijiet kienu jużawha bħala d-dar tal-familja tagħhom qabel biddluha fil-binja tan-negozju tagħhom tal-iscaffolding.

Minbarra l-kumpanija Kee Klamps, qed jiġi rrappurtat li partijiet oħra tal-binja qed jintużaw illegalment minn persuni oħrajn u għal skopijiet differenti. The Shift hu infurmat li nbdew ukoll il-proċeduri għall-iżgumbrament tagħhom.

Mibnija fl-1821 minn John Hookham Frere, skular, politiku, poeta u diplomatiku Ingliż magħruf, Villa Frere u l-ġonna kbar tagħha max-xatt ta’ Tal-Pietà ġew skedati fl-2020 bħala monument nazzjonali minħabba l-valur storiku, arkitettoniku u kulturali uniku tagħhom.

Għalkemm din hija proprjetà ta’ Heritage Malta, l-amministrazzjoni u r-restawr tagħha ġew fdati f’idejn l-NGO Friends of Villa Frere.

Partijiet sostanzjali mill-ġnien tagħha kienu nqerdu fil-ħamsinijiet biex isiru parti mill-binja tal-Isptar San Luqa.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

L-avukati difensuri ta’ Muscat kienu fost il-mistednin il-Barbados
Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga lil Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo