Inħareġ rekord ta’ 38,000 permess għall-ħaddiema minn barra l-UE fl-2022

Fl-2022, Malta ħarġet rekord ta’ 38,000 permess għal ħaddiema mill-pajjiżi terzi (TCNs). Dan bħala parti minn strateġija tal-gvern li ssejjes it-tkabbir ekonomiku fit-tul fuq iż-żieda fil-popolazzjoni, direzzjoni li dan l-aħħar inbidlet għal għarrieda għax jidher li l-gvern intebaħ li mhijiex sostenibbli.

Skont dejta tal-Eurostat, Malta ħarġet 71 permess għal kull 1,000 abitant is-sena l-oħra, jiġifieri għaxar darbiet iżjed mill-medja tal-UE ta’ 7 għal kull 1,000 tul l-istess perjodu.

Bħal ħafna mill-pajjiżi Ewropej l-oħra, Malta qed iġġarrab bosta skarsezzi tal-ħaddiema f’diversi setturi, l-aktar fl-ospitalità u x-xogħol tal-id. Madankollu, peress li Maltija hija wieħed mill-iċken nazzjonijiet fl-Ewropa, l-influss tal-ħaddiema mill-UE u minn barra l-UE ħoloq għadd ta’ sfidi infrastrutturali, bħat-traffiku, tniġġis, u qtugħ tal-elettriku matul ix-xhur tas-sajf.

Wassal ukoll biex bosta residenti jibdew iħossu li l-kwalità tal-ħajja tagħhom qed titnaqqar, kif jixhdu l-istħarriġiet pubbliċi u s-sondaġġi politiċi.

Ta’ tħassib ukoll huma d-diversi rapporti ta’ abbuż u sfruttament ta’ dawn il-ħaddiema mill-pajjiżi terzi. Fost dawn hemm il-pagi baxxi jew illegali, is-sigħat tax-xogħol irregolari, nuqqas ta’ drittijiet u rikorsi, u t-“tariffi” għaljin li jitolbuhom l-aġenziji tax-“xogħol” mhux regolati, li wħud minnhom huma scams mill-aktar sfaċċati.

Fl-2013, meta l-Labour kiseb ir-riedni tal-poter, kull sena bdew jinħarġu madwar 6,000 permess għal ħaddiema minn pajjiżi terzi. Dan in-numru kien laħaq l-10,000 fl-2017, u kompla jiżdied bl-eluf kull sena sakemm faqqgħet il-pandemija tal-COVID-19 fil-bidu tal-2020.

Wara li naqas għal madwar sentejn, meta eluf ta’ ħaddiema mill-pajjiżi terzi telqu minn pajjiżna hekk kif l-ekonomija kienet wieqfa, fl-2022 inħareġ numru rekord ta’ 37,851 permess.

Hu stmat li issa aktar minn 100,000 persuna fil-forza tax-xogħol Maltija huma barranin, l-aktar ħaddiema terzi mill-Asja, mill-Afrika u minn pajjiżi Ewropej li mhumiex fl-UE bħall-Albanija u s-Serbja.

Madankollu, filwaqt li l-problemi relatati mal-iffullar u n-nuqqas ta’ infrastruttura biżżejjed li tiflaħ għat-tkabbir tal-popolazzjoni qed ikomplu jagħmlu pressjoni fuq il-pajjiż, The Shift irrapporta kif il-Prim Ministru Robert Abela xegħel il-bozza tal-allert u ordna lill-ministri jipprovaw isibu soluzzjonijiet biex jonqos l-għadd ta’ permessi maħruġa.

Is-sitwazzjoni attwali

Bis-saħħa ta’ dan l-approċċ għall-ħaddiema barranin, il-gvern irnexxielu joħloq settur ekonomiku f’qasir żmien.

Għexieren ta’ kumpaniji, fosthom ċerti individwi, ħadu vantaġġ minn din iż-żieda artifiċjali fid-domanda billi bdew jirreklutaw ħaddiema mill-pajjiżi terzi u “jagħtuhom” lill-impjegaturi Maltin, fosthom lill-gvern u lill-aġenziji tiegħu.Filwaqt li fuq il-karta, il-ħaddiema jkun jidher li qed jiksbu l-paga minima, ħafna drabi dawn jirċievu ferm inqas għax l-aġenziji jaqtgħulhom ammont jew persentaġġ mill-paga tagħhom.

Fost każijiet oħra ta’ abbuż, hemm in-nuqqas ta’ osservanza tal-liġijiet Maltin dwar ix-xogħol, filwaqt li xi aġenti jitolbu eluf tal-ewro f’miżati mingħand il-ħaddiema.

Ftit ġranet ilu, hekk kif kompliet tiżdied il-pressjoni fuq il-gvern, resident Malti ġie arrestat u tressaq il-Qorti talli ġab 280 ċittadin mill-Indja f’Malta u wegħedhom impjieg, iżda dan l-impjieg ma kienx jeżisti.

Biex jinġiebu Malta u jibdew l-impjieg ġdid tagħhom, lil dawn qalulhom li kellhom iħallsu kummissjoni ta’ €4,000. Minkejja l-bozoz ħomor kollha, Identity Malta (issa Identità) xorta ħarġet il-permessi.

U minkejja r-rapporti kontinwi ta’ abbuż mill-kumpaniji u mill-“aġenziji tax-xogħol”, il-gvern xorta għadu ma rregolahx dan is-settur.

“Ilu żmien evidenti li ntilef kull kontroll tas-sitwazzjoni. Hemm ġungla hemm barra,” qaltilna persuna mill-industrija tar-riżorsi umani.

“Filwaqt li xi kumpaniji, ħafna minnhom kumpaniji kbar, jippruvaw jagħmlu l-affarijiet b’mod etiku u ma jitolbux tariffi, hemm ħafna ‘cowboys’ li qed jitħallew fis-suq mingħajr l-iċken superviżjoni,” qaltilna persuna oħra.

Filwaqt li għarfu l-bżonn li jkollna ħaddiema barranin, speċjalment billi fl-aħħar snin il-gvern u l-aġenziji tiegħu ingaġġaw magħhom ħafna mill-ħaddiema Maltin bla ħiliet permezz ta’ skemi tal-impjiegi għall-voti, xi sorsi mill-industrija insistew li r-regoli jeħtieġ jiġu implimentati mingħajr iżjed dewmien.Issa li s-sondaġġi mhumiex pożittivi u qed jinħass ċertu dispjaċir ġenerali fost il-pubbliku dwar kif mexjin l-affarijiet, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li fiż-żmien li ġej se jkunu qed jiġu regolati dawn l-aġenziji tal-impjiegi, u hekk ukoll se jiġi regolat l-għadd ta’ residenti li jkunu permessi jgħixu flimkien fl-appartamenti mikrija.

Dwar din tal-aħħar diġà jeżistu r-regoli. Madankollu, il-gvern, permezz tal-Awtorità tad-Djar u aġenziji oħrajn, qatt ma infurzahom, u għalhekk l-appartamenti bdew isiru r-residenzi ta’ ħafna persuni f’daqqa.

Il-gvern dan l-aħħar ħabbar ukoll li l-ħaddiema mill-pajjiżi terzi se jkollhom bżonn kard tal-ħiliet biex jaħdmu fl-industrija turistika, kard li se tiswiehom €575.

Filwaqt li din tal-aħħar titqies ostaklu ġdid għall-ħaddiema mill-pajjiżi terzi, li jiżdidulhom l-ispejjeż ma’ dawk kbar li għandhom biex jiġu jaħdmu f’Malta, ma tantx niżlet tajjeb mal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) li sejħitilha “idea li ħarġet minn imkien” u li ma kienx fattibbli li tiddaħħal fis-seħħ minn Jannar li ġej.

Skont il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana, Malta se jkollha bżonn popolazzjoni ta’ 800,000 sal-2040. Bħalissa, il-popolazzjoni Maltija hi madwar 535,000.

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

L-avukati difensuri ta’ Muscat kienu fost il-mistednin il-Barbados
Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga lil Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo