Lou Bondi jiċħad kunflitt ta’ interess bil-kuntratt il-ġdid tiegħu mal-ministeru tat-turiżmu

Ma jara l-ebda kunflitt ta' interess mal-impjieg tiegħu mal-Grupp DB

 

L-eks uffiċjal eżekuttiv tal-komunikazzjoni tal-Partit Nazzjonalista u eks preżentatur fuq TVM Lou Bondi ċaħad li l-kuntratt il-ġdid tiegħu bħala ‘konsulent tal-politika’ mal-ministeru tat-turiżmu joħloq xi kunflitt ta’ interess ma’ rwoli tiegħu bħala konsulent ta’ operatur ewlieni fl-industrija – il-Grupp DB.

Ir-rwol tiegħu mal-ministeru tat-turiżmu ħareġ fid-dieher fit-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott, li żvelaw kif Bondi reġa’ sab postu fil-lista tal-konsulenti tal-gvern, did-darba bħala persuna ta’ fiduċja tal-Ministru tat-Turiżmu Clayton Bartolo.

Fil-passat Bondi kellu kuntratt annwali ta’ konsulent mal-gvern, iżda dan intemm fl-2020 meta l-Prim Ministru Robert Abela ħa r-riedni f’idejh minn idejn l-eks prim ministru diżonorat Joseph Muscat.

Filwaqt li dan hu kuntratt parttime li mhuwiex magħruf għal xiex, jinħolqu bosta dubji jekk ir-rwol il-ġdid tiegħu jistax ikun f’kunflitt ta’ interess ma’ kuntratti oħrajn ta’ konsulenza li għandu mal-Grupp DB tal-Mellieħa, wieħed mill-operaturi ewlenin fis-settur turistiku ta’ pajjiżna.

Anki l-kostitwenza tal-ministru tat-turiżmu taħbat fil-Mellieħa.

Meta mistoqsi minn The Shift dwar il-potenzjal ta’ kunflitt ta’ interess, Bondi qal li l-pariri tiegħu lil Bartolo mhumiex relatati mal-politika.

“L-ambitu tiegħi hu limitat għalkollox għal pariri tekniċi biex titjieb il-komunikattiva fis-settur turistiku. M’għandu xejn x’jaqsam mal-politika, u wisq inqas mal-eżekuzzjoni politika,” qalilna Bondi.

Skont Bondi, it-terminu li uża l-gvern biex jiddeskrivi r-rwol tiegħu –  “konsulent tal-politika” – kif speċifikat f’lista li ppreżenta l-ministru fil-parlament, hu “terminoloġoija skorretta” iżda “nomenklatura standard” li juża l-gvern għal ħatriet politiċi bħal dawn.

Żied jgħid li wara li kien ġibed l-attenzjoni tal-ministeru għat-terminoloġija skorretta, kien ġie miftiehem li l-kelma “politika” titneħħa mill-kuntratt. Dan il-kuntratt mhuwiex pubbliku.

Barra minn hekk, Bondi kkonferma li għadu qed jitħallas ukoll mill-Grupp DB.

Meta Bondi kellu programm fuq il-PBS fi żmien l-amministrazzjonijiet Nazzjonalisti, il-Partit Laburista, dak iż-żmien fl-oppożizzjoni, kien jakkużawh bi żbilanċ kontrih. Madankollu meta Joseph Muscat kiseb il-poter f’idejh fl-2013, Bondi minnufih beda jingħata l-kuntratti mill-gvern.

Il-kuntratt ta’ €51,000 għal konsulenza li kien beda jingħata mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru kien iġġedded sena wara l-oħra sal-2020, sakemm Abela sar il-mexxej Laburista.

Waqt il-kampanja Laburista tal-mexxej fl-2020, Bondi kien akkużat pubblikament mill-partitarji sostenituri ta’ Abela li hu kien qed jgħin lil Chris Fearne biex isir il-mexxej tal-partit. Fearne kien ċaħad dik id-dikjarazzjoni u insista li kienet tfasslet biex tagħmillu l-ħsara fil-kampanja tiegħu mad-delegati Laburisti.

Meta mistoqsi biex jiddikjara l-introjtu tiegħu mill-aħħar ħatra politika tiegħu, Bondi qal biss li “Il-ħlas hu konformi mar-rata standard għal dawn it-tip ta’ servizzi parttime, kif stabbilita fil-manwal tal-gvern.”

Il-kuntratt ta’ Bondi mhuwiex disponibbli għall-pubbliku u għaldaqstant il-ħlas li qed jingħata ma setax jiġi aċċertat, u dan minkejja li rrefera lil The Shift għall-“manwal tal-gvern”.

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

L-avukati difensuri ta’ Muscat kienu fost il-mistednin il-Barbados
Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga lil Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo