It-tluq tal-kap tal-Awtorità Maltija tal-Gaming ‘mhuwiex riżenja’

Jgħidilna li għadu ma ddeċidiex fuq il-pjanijiet futuri.

 

Carl Brincat, is-CEO tal-Awtorità Maltija tal-Gaming (MGA), li se jitlaq mill-kariga tiegħu f’Jannar li ġej, qed jinsisti li t-tluq mhuwiex riżenja filwaqt li ma ta l-ebda dettall dwar dan.

Brincat ilu mill-2021 f’din il-kariga iżda stqarr ma’ The Shift li meta jintemm il-kuntratt tiegħu ta’ tliet snin f’Jannar 2024 mhuwiex se jibqa’ s-CEO tar-regolatur tal-industrija tal-iGaming.

“It-tluq tiegħi mhuwiex riżenja iżda hu d-deċiżjoni tiegħi li ma nġeddidx il-kuntratt definit ta’ tliet snin,” qal lil The Shift. “Din id-deċiżjoni ħadtha skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-kuntratt.”

Ċaħad li d-deċiżjoni tiegħu saret wara diverġenzi allegati mal-fehmiet tal-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri, li hu responsabbli mill-awtorità.

Brincat insista li hu għandu relazzjoni tajba ħafna mal-Ministru u kull suġġeriment li hemm xi relazzjoni ħażina hu “għalkollox bla bażi”.

Brincat qal ukoll lil The Shift li għadu ma ddeċidiex fuq il-passi li jmiss iżda li, skont ir-regoli attwali, hu se jieħu sitt xhur garden leave li matulhom ma jistax jaħdem mal-klijenti tal-MGA.

Skont il-policy tar-revolving doors li daħħal il-gvern fl-2020, wara t-tluq tiegħu Brincat ma jistax jaħdem mal-kumpaniji tal-gaming għal mill-anqas sitt xhur.

Sorsi mill-industrija tal-gaming qalu lil The Shift ukoll li Brincat aktarx se jmur jaħdem fis-settur privat, bħalma għamlu bosta uffiċjali passati tal-MGA. Qalulna li minkejja li Brincat għandu pakkett finanzjarju tajjeb ħafna mal-MGA, li jlaħħaq mal-€110,000 fis-sena, hu jaqla’ ferm iżjed kieku jaħdem mal-privat fl-industrija tal-gaming.

Is-sorsi qalulna wkoll li l-policy tal-‘garden leave’ mhijiex infurzata sew mill-gvern u kemm-il darba nkisret mill-uffiċjali li telqu minn mal-gvern fis-snin l-imgħoddija.

B’differenza mit-tnejn ta’ qablu, it-tluq ta’ Brincat mhuwiex imtappan b’xi skandlu sinifikanti.

L-eks kap ta’ Brincat, Heathcliff Farrugia, telaq għal għarrieda wara li kien inkixef li allegatament għadda xi informazzjoni interna lil operatur ta’ każinò. Aktar tard, imbagħad, kien tressaq il-qorti.

Minkejja li għaddejjin dawn il-proċedimenti, Farrugia xorta għadu jaħdem fl-industrija tal-gaming.

Ta’ qabel Farrugia, l-eks kap tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) Joseph Cuschieri kien u ħalla warajh legat ta’ abbuż u nepotiżmu meta kellu jitlaq minn mar-regolatur.

Fis-snin li għaddew kien ħareġ li Cuschieri kien mar vaganza Las Vegas ma’ sid il-każinò Portomaso Yorgen Fenech u ma’ dik li kienet l-uffiċjal legali tiegħu, Edwina Licari. Meta mbagħad din l-aħbar waslet għand il-midja, Cuschieri kien ġie sfurzat jirreżenja mill-kariga tiegħu fl-MFSA. Barra minn hekk, matul it-terminu tiegħu fl-MGA, ir-regolatur kien ħareġ sensiela rekord ta’ direct orders, u l-infiq tal-awtorità kien żdied ġmielu.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

Robert Abela kompromess u ma jistax jieħu passi fuq l-iskandlu tal-mara tal-ministru
Read in English. Is-sejbiet ta’ kundanna li ħarġu mill-investigazzjoni
ESKLUSSIVA Villa Rosa: il-gvern biegħ mogħdija ta’ €3 miljun lil Tal-Franciz għal €134,000
Read in English. The Shift jista’ jiżvela b’mod esklussiv

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo