Stqarrija oħra ta’ aġir irregolari ppreżentata kontra d-deċiżjoni dwar l-offerent magħżul tal-inċineratur tal-Magħtab

L-offerta ta' Paprec-Bonnici hi impossibbli b'dak il-prezz ‘baxx b'mod li mhuwiex normali’

 

Il-proċess tal-akkwist immexxi mill-gvern biex jintgħażel min se jibni u jħaddem l-inċineratur tant mistenni li jaqleb l-iskart f’enerġija reġa’ spiċċa fil-kontroversja, din id-darba minħabba dikjarazzjoni ta’ FCC Medioambiente International – offerent multinazzjonali ieħor li ħa sehem fis-sejħa għall-offerti.

Permezz ta’ tweġiba uffiċjali ppreżentata lill-Bord tal-Analiżi tal-Kuntratti Pubbliċi (il-PCRB), din il-kumpanija b’esperjenza twila fi proġetti simili madwar l-Ewopa akkużat lill-gvern li wettaq “evalwazzjoni superfiċjali” u kiser ir-regoli.

Biex tkompli tagħmel pressjoni fuq il-gvern, FCC stqarret li l-offerta tal-magħżul tal-gvern – konsorzju li jinvolvi lil Paprec minn Franza u lill-kuntratturi Maltin Bonnici Brothers – mhijiex fattibbli, u allura ma tistax titwettaq fil-prattika.

FCC qalet li mill-esperjenza twila tagħha fi proġetti simili, “jidhrilha li hu impossibbli li soluzzjoni li taqbel mar-rekwiżiti mill-aktar stretti li kien hemm fid-dokument tas-sejħa għall-offerti, u aqwa minn hekk, jirnexxilha ġġib 98 tal-punti tekniċi, tista’ qatt tiġi implimentata bi prezz ta’ €599,695,900.”

Skont FCC, “l-offerta magħżula ta’ Paprec-Bonnici hi “baxxa b’mod li mhuwiex normali”, u għandha tiġi investigata għall-possibbiltà li tiġi skwalifikata.

L-oġġezzjoni ta’ FCC hi t-tieni waħda li saret kontra l-gvern dwar dan il-proġett li hu t-tieni l-akbar sejħa għall-offerti li saret f’din il-leġiżlatura.

Il-ġimgħa l-oħra, wara t-tħabbira tal-gvern tad-deċiżjoni preliminari tiegħu li jirrakkomanda l-għoti tal-kuntratt lil Paprec-Bonnici, jiġifieri l-offerent fit-tieni post, saret ukoll oġġezzjoni oħra, did-darba mill-kumpanija multinazzjonali Hitachi Zosen Inova AG – Terna.

Din il-multinazzjonali Ġappuniża ddikjarat li l-gevrn “kien ippubblika b’mod irregolari l-offerti finanzjarji li ma jorbtux li kienu għamlu wħud mill-offerenti” meta l-proċess kien għadu għaddej, u li din hija “irregolarità li għandha l-effett li tfixkel il-kompetizzjoni u xxekkel proċess ġust.”

L-istess kif iddikjarat FCC, Hitachi insistiet li kien impossibbli li Paprec-Bonnici “twettaq il-proġett b’dak il-prezz” kieku kellha tipprovdi t-teknoloġija mitluba fis-sejħa.

Id-Dipartiment tal-Kuntratti u l-Wasteserv it-tnejn ma laqgħux od-dikjarazzjonijiet.

Filwaqt li qabbad uħud mill-iżjed ditti legali prominenti f’Malta, il-gvern insista li kollox sar bi trasparenza u skont standards internazzjonali.

Suspetti mill-bidu nett

Din is-sejħa għall-offerti ta’ €600 miljun kienet kontroversjali mill-bidu.

Filwaqt li l-parteċipazzjoni ta’ Bonnici Brothers, kuntrattur lokali mingħajr farka esperjenza fl-industrija tal-enerġija mill-iskart iżda qrib il-Prim Ministru Robert Abela, minnufih għokrot għajn il-pijunieri f’din l-industrija.

L-‘iżball’ li kontra r-regoli l-gvern ippubblika l-prezzijiet indikati mill-kompetituri qabel iż-żmien, wasslet biex inkixfu dettalji f’mument kruċjali meta l-offerenti suppost kienu qed jikkompetu bl-aqwa u l-aħħar offerta tagħhom fl-aħħar stadju tal-kompetizzjoni.

Filwaqt li f’dak l-istadju, id-Dipartiment tal-Kuntratti kien ingħata l-parir li jwaqqaf il-proċess biex jevita problemi legali futuri, l-OPM baqa’ jinsisti li jagħti dan il-kuntratt sostanzjali lil Paprec-Bonnici Brothers.

The Shift kien diġà rrapporta b’mod esklussiv il-qrubija bejn il-Grupp Bonnici u l-prim ministru.

Minbarra l-fatt li Abela kien jieħu ħsieb il-materji legali tal-Grupp Bonnici meta kien jaħdem fil-privat, meta fl-istess waqt kien l-avukat tal-Awtorità tal-Ippjanar, hu kien ukoll għamel negozju personali ma’ Gilbert Bonnici, id-direttur maniġerjali tal-grupp.

Flimkien ma’ martu Lydia, il-prim ministru kien investa fi proprjetà fl-Iklin li nbidlet fi flettijiet.

Is-sħab tal-Abela kienu Gilbert Bonnici u Simon Buhagiar minn Ħaż-Żabbar, magħruf bħala Simon tal-Gass u soċju fin-negozju ma’ Gilbert Bonnici.

Il-Bord tal-Analiżi tal-Kuntratti Pubbliċi issa jrid jiddeċiedi fuq l-oġġezzjonijiet li saru b’rabta ma’ din is-sejħa. Il-membri ta’ dan il-bord huma lkoll maħturin mill-gvern.

Madankollu, id-deċiżjoni tal-PCRB xorta waħda tista’ tiġi kkontestata u deċiża mill-Qorti tal-Appell jekk xi oġġezzjonanti jiddeċiedu li jressqu l-kwistjoni quddiemha.

Il-Qorti kemm-il darba fl-aħħar snin eventwalment ħassret id-deċiżjoni tal-PCRB.

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

L-avukati difensuri ta’ Muscat kienu fost il-mistednin il-Barbados
Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga lil Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo