“Tissikket il-Libertà. Il-Liġi tintuża bħala Arma” – is-SLAPP bi prominenza waqt il-konferenza ta’ The Shift

Konferenza organizzata minn The Shift bl-isem “Silencing Freedom, Weaponising The Law” (“Tissikket il-Libertà. Il-Liġi tintuża bħala Arma”) laqgħet grupp ta’ persuni internazzjonali li semmgħu leħinhom dwar il-libertà tal-istampa, il-leġiżlazzjoni tal-midja, il-kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika (is-SLAPPs) u sfidi oħra li qed iġarrbu l-ġurnalisti llum.

Il-vuċijiet fuq il-panel, fosthom difensuri tal-libertà tal-istampa, ġurnalisti, avukati u attivisti, iddiskutew kif il-leġiżlazzjoni tista’ tinbidel f’arma kontra l-ġurnalisti, il-konsegwenzi tagħha, u l-istat tal-ġurnaliżmu u l-libertà tal-istampa fl-Ewropa.

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola fetħet il-konferenza b’messaġġ video li fih iddikjarat l-appoġġ tagħha għal The Shift u ddiskutiet l-importanza tal-leġiżlazzjoni tal-UE kontra s-SLAPP li se tidħol fis-seħħ fiż-żmien li ġej.

Qalet li filwaqt li xtaqet li l-Parlament Ewropew ma kellux għalfejn idaħħal leġiżlazzjoni għas-sigurtà tal-ġurnalisti, il-proposta għandha l-appoġġ tagħha u tal-parlament kollu.

Id-diskussjoni tal-ewwel panel tal-konferenza, immexxija mill-fundatriċi u l-editur maniġerjali ta’ The Shift, Caroline Muscat, iffokat fuq modi differenti kif is-SLAPPs, il-kawżi maħsuba biex isikktu, jiċċensuraw, jew jagħmlu sarima ma’ ħalq l-attivisti u l-ġurnalisti, jistgħu jintużaw bi skopijiet malizzjużi.

Il-panel iddiskutiet kif il-kawżi SLAPP evolvew minn sempliċiment kawżi ta’ libell jew malafama, b’abbuż ta’ liġijiet oħrajn, xi minn daqqiet ta’ liġijiet li jidher li jkunu tfasslu biex jipproteġu lill-ġurnalisti stess. Bħala eżempju ssemmiet il-leġiżlazzjoni tad-“diżinformazzjoni” li ddaħħlet dan l-aħħar fit-Turkija.

Persuna fil-panel, Caoilfhionn Gallagher, avukata internazzjonali tad-drittijiet fundamentali u esperta mis-sigurtà tal-ġurnalisti u l-libertà tal-midja minn Doughty Street Chambers iddiskutiet it-terminu “Lawfare” (jiġifieri l-użu strateġiku tal-liġi) u semmiet fost l-oħrajn kif ċerti mezzi legali jistgħu jinbidlu f’armi kontra l-ġurnalisti.

Iddeskriviet kif tattiċi użati fil-gwerer tradizzjonali issa qed jintużaw f’battalji legali kontra l-ġurnalisti u l-kmamar tal-aħbarijiet.

Fost il-tattiċi semmiet l-attrizzjoni (ammont eżorbitanti ta’ xogħol), jiġifieri li jkollok kawżi twal imfassla biex jgħejju lill-ġurnalisti u lill-kmamar tal-aħbarijiet li għalkemm ikollhom moral sod, ir-riżorsi jkunu limitati. Semmiet it-tattika tad-dekapitazzjoni (simbolikament, il-qtugħ ir-ras), jiġifieri li jkollok attakki legali mmirati fuq il-kapijiet tal-organizzazzjoni bi sforz biex jiddiskreditawhom jew isikktuhom. Semmiet ukoll it-tattika ta’ spejjeż mhux ugwali, billi jkun żgurat li l-azzjoni legali kontra l-kmamar tal-aħbarijiet tkun tiswiehom iżjed milli tiswa lil min jiftaħhom.

Ma’ Gallagher fuq il-panel ingħaqdu Charlie Holt, membru mill-kumitat tat-tmexxija tal-Koalizzjoni Kontra s-SLAPP fl-Ewropa (CASE) u Maria Ordzhonikidze, id-direttriċi tal-Fondazzjoni Justice for Journalists, l-avukata Eve Borg Costanzi, li hi wkoll membru fil-Kumitat tal-Esperti dwar is-SLAPP fil-Kunsill tal-Ewropa, u l-MEP David Casa.

Dis-sena, il-koalizzjoni CASE sabet li minn fost 47 pajjiż analizzat, Malta kellha bil-bosta l-agħar rata ta’ kawżi SLAPP għal kull ras, ħafna minnhom minħabba l-bosta sfidi legali li fetaħ il-gvern fil-qorti kontra l-erbgħin talba tal-libertà tal-informazzjoni li għamel The Shift.

Casa tkellem dwar l-isforzi tal-Parlament Ewropew biex tiddaħħal leġiżlazzjoni ġdida kontra s-SLAPP, filwaqt li nnota l-isfidi fosthom “it-taffija” minn xi Stati Membri fil-Kunsill.

Appella lill-ġurnalisti Maltin u lis-soċjetà ċivili biex jibqgħu jagħmlu pressjoni fuq il-gvern biex iwettaq ir-rakkomandazzjonijiet bis-serjetà u jimplimenta leġiżlazzjoni adegwata fil-pajjiż.

F’kummenti lil The Shift, Casa qal li r-reżistenza tal-Istati Membri ġejja minn oppożizzjoni kontra t-“tluq tal-kontroll fuq il-proċessi legali nazzjonali”.

Qal li l-liġijiet nazzjonali ħafna drabi ma jkunux biżżejjed biex jipproteġu lill-ġurnalisti, u nnota l-importanza ta’ ċerti elementi fosthom mekkaniżmu biex il-kawżi SLAPP jiġu miċħuda fi stadji bikrija.

(Mil-lemin għax-xellug) Peter Geoghegan, Matthew Caruana Galizia, Joseph Borg, Flutura Kusari u Jamie Wiseman, flimkien mal-moderatur Herman Grech, li ħadu sehem fid-diskussjoni tat-tieni panel

It-tieni panel iddiskutiet l-aktar l-effetti tal-kawżi SLAPP fuq ħidmet il-ġurnalisti.

Il-panel, immexxija mill-Editur tat-Times of Malta Herman Grech, inkludiet il-vuċijiet ta’ Jamie Wiseman mill-Istitut Internazzjonali tal-Ġurnalisti, Flutura Kusari miċ-Ċentru Ewropew għall-Ġurnaliżmu u l-Liberta tal-Istampa, Matthew Caruana Galizia mill-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia, Peter Geoghegan l-eks editur ta’ Open Democracy, u Fr. Joseph Borg, espert fil-midja u lettur fl-Università ta’ Malta.

Kusari nnotat l-importanza li l-kawżi SLAPP jiġu ddokumentati bi strateġija ta’ esponiment pubbliku (name & shame) li tikxef lill-atturi l-ħżiena, sew jekk ikunu negozjanti, politiċi, jew l-avukati tagħhom, u li żżid is-solidarjetà fost il-ġurnalisti.

Borg qal li l-avukati ħafna drabi jippreċipitaw il-kawżi SLAPP f’isem il-klijenti tagħhom, filwaqt li jabbużaw mil-liġi b’inizjattiva tagħhom stess. Filwaqt li qabel ma’ dan, Geoghegan innota kif “l-istess ditti legali tarahom jidhru darba wara l-oħra biex jagħtu palata lill-atturi l-ħżiena fil-kawżi SLAPP – għax hemm ammonti kbar ta’ flus għal min irebbaħhom.”

Borg innota l-importanza li jiġi stabbilit kif il-kawżi SLAPP jolqtu mhux biss lill-ġurnalisti iżda anki lill-pubbliku ġenerali. “Ma nistgħux nikkompartimentallizzaw is-SLAPPs bħala xi problema għall-ġurnalisti biss, hi problema għal kull min għandu d-dritt li jkun jaf,” qal.

Caruana Galizia saħaq fuq l-importanza ta’ kultura tal-libertà tal-espressjoni, u nnota kif ommu, il-ġurnalista investigattiva assassinata Daphne Caruana Galizia kellha iżjed minn erbgħin kawża SLAPP pendenti meta nqatlet.

Wara osservazzjonijiet u mistoqsijiet minn persuna fl-udjenza, l-avukata Therese Comodini Cachia, li assistiet lill-familja Caruana Galizia, Matthew qabel li l-kumitat tal-midja maħtur mill-gvern m’għamilx biżżejjed biex jipproponi leġiżlazzjoni li tħares lill-ġurnalisti, lid-demokrazija u lis-soċjetà ċivili.

Caruana Galizia qal, “F’soċjetà, il-kitba tieħu post il-vjolenza. Irridu niftakru li f’demokrazija, in-nuqqas ta’ qbil u l-kritika taċ-ċittadini fil-konfront tal-Istat huma normali u għandhom jitħeġġu.”

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

L-avukati difensuri ta’ Muscat kienu fost il-mistednin il-Barbados
Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga lil Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo