L-għeluq u l-ftuħ ta’ linja tal-ajru ġdida se tiswiena patrimonju

This article is available in English

Minkejja li l-gvern Malti qed jipprova jpinġi l-għeluq tal-Air Malta u l-ftuħ ta’ linja tal-ajru ġdida li toffri prezzijiet aħjar bħala xi tranżizzjoni bla skossi, forsi anki li jkollha l-istess isem u branding, il-Kummissjoni Ewropea qalet lil The Shift li ż-żewġ kumpaniji se jkunu differenti minn xulxin.

Il-linja tal-ajru Maltija, bi storja ta’ 50 sena – l-Air Malta – se tagħlaq il-bibien għalkollox f’Marzu li ġej wara bosta snin ta’ tmexxija finanzjarja ħażina, u wara li l-Kummissjoni Ewropea ma aċċettatx li l-gvern Malti jkompli jippompja l-miljuni peress li dan aktarx ikun qed jikser ir-regolamenti tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet it-Tnejn filgħodu li matulha tħabbar l-għeluq tal-Airmalta falluta, il-gvern evita għalkollox li juri dan kollu bħala xi falliment u minflok ipprova jpinġih bħala “tranżizzjoni mingħajr skossi” minn idejn l-Airmalta għal għand entità oħra, li qed jittamaw li jkollha l-istess isem, branding u assi.

B’reazzjoni għat-tħabbira tal-gvern Malti wara bosta negozjati fi Brussell immexxija mill-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana li ma taw l-ebda riżultati pożizttivi, il-Kummissjoni għamlitha ċara li din il-linja tal-ajru l-ġdida bla isem mhix se tkun Air Malta oħra.

“Filwaqt li l-Kummissjoni tieħu nota tal-pjan tal-awtoritajiet Maltin li joħolqu linja tal-ajru ġdida, din se tkun differenti mil-linja tal-ajru attwali. Dawn huma l-kummenti tagħna għalissa,” qalilna kelliem tal-Kummissjoni Ewropea mingħajr ma semma dettalji speċifiċi.

Il-Kummissjoni kkonfermat ukoll li qed iżżomm kuntatt kostruttiv mal-awtoritajiet Maltin fuq it-tħabbira tal-bieraħ iżda ma żiedet l-ebda kumment ieħor.

X’se jinbidel u x’se jiġri mill-Air Malta?

Bħalma żvela The Shift f’Awwissu 2022, minħabba l-oppożizzjoni tal-UE b’rabta mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, il-gvern Malti kellu bilfors jabbanduna għalkollox il-pjan oriġinali tiegħu li jippompja xi €290 miljun fl-Air Malta biex isalvaha mit-tiġrif. L-Air Malta kienet diġà ngħatat għajnuna għal ristrutturar fl-2012 biex ikun evitat il-falliment tagħha.

Bejn l-2012 u l-2014, il-kumpanija rnexxielha tilħaq il-miri tagħha, skont pjan strett ta’ ristrutturar mifrux fuq ħames snin, iżda ftit wara l-bidu tat-tieni mandat tal-gvern Laburista, il-kumpanija reġgħet bdiet iġġarrab u tirreġistra telf finanzjarju kbir.

Filwaqt li s-sitwazzjoni kompliet sejra għall-agħar, il-kumpanija mwaqqfa mill-eks Prim Ministru Laburista Dom Mintoff fl-1974 se tkun qed tingħalaq fl-2024, jiġifieri fil-50 anniversarju tagħha. Minflok, il-gvern Malti se jkun qed jiftaħ kumpanija iżgħar b’inqas ajrupjani u b’inqas rotot.

L-impjegati kollha tagħha, xi 390, se jingħataw is-sensja, allavolja l-gvern qed iwegħedhom li se jkollhom l-opportunità li jiġu ingaġġati mil-linja tal-ajru l-ġdida.

Dan, iżda, mhux se jkun eżerċizzju faċli għax se jkollhom jikkompetu ma’ kandidati oħrajn fi proċess kompetittiv u trasparenti tar-reklutaġġ filwaqt li l-kundizzjonijiet attwali tagħhom se jitnaqqru ġmielhom biex jissodisfaw ir-restrizzjonijiet il-ġodda. Anki l-assi tal-Air Malta, li ħafna minnhom huma bini, iridu jinxtraw mil-linja tal-ajru l-ġdida bi prezz. Il-branding tal-Air Malta, li ħames snin ilu nbiegħ lil kumpanija ġdida tal-gvern bi tranżazzjoni waħdanija maħsuba biex ittawwal xi ftit il-ħajja tal-linja tal-ajru attwali, ukoll irid jinbiegħ b’sejħa għall-offerti. Biex tikseb dan l-isem u l-ilbies tal-Air Malta, il-linja tal-ajru l-ġdida se jkollha tikkompeti ma’ linji tal-ajru oħra, li jaf jitħajru jixtru dan il-branding diġà stabbilit.

Il-linja tal-ajru l-ġdida mhux se tkun tista’ tuża l-ispazji attwali fl-ajruporti mfittxija ta’ Heathrow u Gatwick f’Londra, għax anki dawn kienu nbiegħu mill-eks Ministru diżonorat Konrad Mizzi biex jinġabru iżjed fondi. Anki dawk l-ispazji, li issa huma proprjetà ta’ kumpanija oħra tal-gvern, il-Malta Med Air, se jkollhom jinħarġu għall-bejgħ bi proċess kompetittiv tal-offerti.

B’kollox, il-gvern Malti qed jistma li n-nefqa minn flus il-poplu għal din il-linja tal-ajru l-ġdida se tlaħħaq l-€440 miljun, u dawn apparti l-mijiet ta’ miljuni ta’ ewro li diġà ntefqu biex l-Air Malta tibqa’ ttir.

Fl-istess waqt, il-Ministru Clyde Caruana kkonferma li kien se jżomm liċ-Chairman attwali David Curmi mħallas €21,500 fix-xahar, għalkemm dan ma nrexxilux iżomm lill-Air Malta fl-ajru.

Fl-2019, meta l-Air Malta ppubblikat l-aħħar kontijiet tagħha, il-Ministru għat-Turiżmu ta’ dak iż-żmien Konrad Mizzi kien ħabbar pubblikament li l-kontijiet imħejjija minn PWC juru li l-Air Malta kienet għamlet qligħ ta’ €1.2 miljun. Minkejja dan, il-Ministru Clyde Caruana issa qal li l-Air Malta ilha tiġġenera telf għal dawn l-aħħar għoxrin sena.

Fil-passat, kemm il-Prim Ministru attwali Robert Abela u anki missieru George, it-tnejn kienu konsulenti tal-Air Malta għall-Ministru Mizzi.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

3 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments
Adrian camilleri
Adrian camilleri
1 year ago

What did the ABELA ‘S do to IMPROVE the situation at the AIR MALTA.during their time there.? Can they tell us , or is it confidential (not in the interest of the public)? OR ,they employed their own people, for their personal gain, not for the public interest.?

makjavel
makjavel
1 year ago

€1000 miljun l’hemm u €1000 miljun l’hawn mhux xorta , mhux min ta Abela dawn , jew Caruana , jew Muscat jew Toni Zarb jew Guze Abela , jew il GWU , min butna Gahan jew le.

saviour mamo
saviour mamo
1 year ago

l-Air Malta, il- baby ta’ Dom Mintoff kellha tmut f’idejn il-gvern Laburista.

Related Stories

Robert Abela kompromess u ma jistax jieħu passi fuq l-iskandlu tal-mara tal-ministru
Read in English. Is-sejbiet ta’ kundanna li ħarġu mill-investigazzjoni
ESKLUSSIVA Villa Rosa: il-gvern biegħ mogħdija ta’ €3 miljun lil Tal-Franciz għal €134,000
Read in English. The Shift jista’ jiżvela b’mod esklussiv

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo