Il-koperattiva tas-sajd mifnija bl-iskandli, jxoljuha f’eżerċizzju taparsi

This article is available in English

Xi sajjieda li kellmu lil The Shift qalulha li sar “eżerċizzju għat-taparsi” biex l-Għaqda Koperattiva tas-Sajd (l-GħKS), mifnija bl-iskandli, ixoljuha bil-kwiet.

U fil-frattemp il-ministeru responsabbli għall-Bord tal-Koperattivi għażel li jibqa’ sieket dwar dan l-iżvilupp li ilu ġej.

Is-sajjieda li tkellmu ma’ The Shift, lill-bord akkużawh li l-koperattiva xoljiha bil-kwiet u bil-moħbi bis-saħħa ta’ “eżerċizzju għat-taparsi”, u qalu li lanqas biss ma kienu jafu x’qed jiġri.

Huma tal-fehma li qarrqu bihom u serqulhom iċ-ċans li d-direzzjoni tal-koperattiva jippjanawha huma stess.

F’Awwissu li għadda, il-Bord tal-Koperattivi tal-gvern temm l-investigazzjoni tal-koperattiva tas-sajd li ħadet tmien xhur, u irrakkomandat li jinbidel il-kumitat esekuttiv.

F’Jannar li għadda, il-Bord tal-Koperattivi kien ħatar inkjesta li kellha teżamina l-finanzi tal-GħKS, u tiżgura li l-koperattiva “tikkonforma mal-obbligi legali kollha tagħha”.

F’April, The Shift kienet irrappurtat li l-GħKS kienet qed titmexxa minn individwi akkużati bil-kuntrabandu tal-fuel u tal-munizzjon, u kienet qed tiġi investigata talli l-kontijiet ivverifikati kienet ilha ma tippreżentahom għal dawn l-aħħar seba’ snin.

L-inkjesta ġiet fi tmiemha f’Awwissu li għadda, u l-Bord tal-Koperattivi kkonferma li “kien kiteb lill-membri kollha tal-koperattiva biex jiltaqa’ magħhom u jara jekk kienx hemm interess li l-koperattiva tkompli topera, preferibbilment b’kumitat esekuttiv ġdid.”

Imma mid-dokumentazzjoni li rat The Shift, fil-korrispondenza mal-membri ma tissemma l-ebda intenzjoni li jitwaqqaf kumitat esekuttiv ġdid, jew li l-koperattiva jxoljuha.

L-ewwel m’għamel, il-Bord tal-Koperattivi bagħat ittra lill-membri tal-GħKS fit-3 t’Awwissu biex ilaqqagħhom, imma qal biss li l-laqgħa “kellha x’taqsam mal-koperattiva”.

La ssemmiet l-inkjesta u lanqas l-intenzjoni li tiġi xolta l-koperattiva. Skont is-sajjieda, dan kien l-ewwel pass fi pjan premeditat biex il-koperattiva jxoljuha ħelu ħelu, u lil dawk li l-finanzi tagħha kienu bagħbsuhom, iħalluhom jiżgiċċaw.

Fl-ittra ntqal li l-laqgħa ma kellhiex iddum iktar minn siegħa, u d-data u l-ħin kellhom jitħabbru iktar tard. Lill-membri stidinhom jgħidu b’telefonata jew b’email kinux interessati li jattendu sad-19 t’Awwissu.

Intbagħtet ittra oħra lill-membri fis-7 ta’ Settembru biex tgħid li l-Bord kien iddeċieda din il-laqgħa jħassarha minħabba n-nuqqas ta’ interess min-naħa tal-membri biex jattendu.

Imma fil-fatt kien biss mit-tielet ittra tat-8 ta’ Novembru li l-membri saru jafu x’kellu jkun l-iskop tal-laqgħa li tħassret, jiġifieri li jitwaqqaf kumitat esekuttiv ġdid tal-koperattiva.

Lill-membri, minflok ma infurmawhom dwar l-importanza ta’ din il-laqgħa fil-korrispondenza li għaddiet bejniethom, qalulhom sempliċement bil-fatt wara li ġara. Il-Bord tal-Koperattivi, lill-GħKS qatilha, u waħħal fil-membri talli ma ġewx għal-laqgħa, kif ukoll “minħabba l-konklużjonijiet tal-bord tal-inkjesta” li l-membri lanqas biss ma kienu infurmati dwarhom.

Qalulhom li għalhekk, l-GħKS kellha tiġi xolta, u kellu jinħatar likwidatur.

Is-sajjieda li kellmu lil The Shift dan il-proċess kollu sejħulhu “eżerċizzju għat-taparsi” li sar bl-intenzjoni li l-GħKS jxoljuha bl-inqas reżistenza possibbli. Huma qed jinsistu li anki kieku stess kien hemm membru wieħed biss li esprima l-intenzjoni li jattendi, il-laqgħa xorta kien imissha saret.

Skont min hu ta’ ġewwa u jifhem fil-biċċa, li jsiru l-laqgħat hija waħda mill-affarijiet meħtieġa mil-liġi fil-proċess ta’ likwidazzjoni, imma l-membri dan ma kinux jafuh.

Huma jsostnu li l-membri forsi setgħu riedu jagħżlu x’għandu jsir, huma stess.

Fis-sitwazzjoni kif inhi bħalissa, mhux ċar kemm-il membru kien wera l-interess li jattendi, u l-ministeru responsabbli – il-Ministeru tal-Ekonomija, l-Investiment u n-negozji ż-żgħar ta’ Silvio Schembri – s’issa, il-mistoqsijiet ta’ The Shift, għadu ma jridx iwiġibhom.

Oriġinarjament l-GħKS twaqqfet biex il-bejgħ tal-qabdiet tas-sajjieda tinnegozjah hi direttament, u l-prodotti tagħhom tesportahom hi. U l-Bord tal-Koperattivi huwa l-entità uffiċjali tal-gvern responsabbli għar-regolamentazzjoni u l-amministrazzjoni tal-koperattivi kollha rreġistrati Malta.

F’Jannar li għadda, il-Bord tal-Koperattivi kien waqqaf inkjesta biex il-finanzi tal-GħKS tiflihom u tiżgura li l-koperattiva “tikkonforma mal-obbligi legali kollha tagħha”.

Is-segretarju tal-GħKS huwa l-allegat kuntrabandist tal-fuel Paul Piscopo. U l-viċi president, Michael Carabott, f’Jannar tal-2017, ingħata sentenza sospiża ta’ sena: mid-dokumenti tal-Qorti jidher li kien arrestat flimkien ma’ tliet Eġizzjani, wara li fil-pussess tagħhom kienu nstabu 50,000 biċċa munizzjon.

Joseph Demicoli, il-president tal-koperattiva, għandu kuntatti tajba mal-ogħla nies fil-Partit Laburista, inkluż l-ex prim ministru diżonorat Joseph Muscat, Keith Schembri, l-ex chief of staff diżonorat tiegħu, u saħansitra l-Prim Ministru attwali, Robert Abela.

L-awdituri li taw sehemhom fir-rapport annwali li jiddokumenta l-kontijiet l-iktar reċenti tal-GħKS, kienu diġà wissew li “id-dikjarazzjonijiet finanzjarji ma jagħtux stampa ġusta u veritiera tal-karta tal-bilanċ” tal-koperattiva.

Mill-investigazzjonijiet ulterjuri tal-materjal li hu aċċessibbli, jidher li l-valur nett tal-koperattiva kien jinvolvi dejn ta’ 108,362 Ewro. Essenzjalment dan ifisser li anki kieku stess l-koperattiva kellha tirkupra d-dejn kollu dovut lilha, xorta ma jkunx hemm flus biżżejjed biex jitħallsu l-kredituri kollha.

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

1 Comment
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments
MA Caruana
MA Caruana
2 years ago

Filwaqt li ghal sena wara l-oħra, l-awdituri kienu qieghdin jenfasizzaw fir-rapporti taghhom dwar imġieba ħażina u jagħtu opinjonijiet avversi, il-Bord tal-Koperattivi qatt ma ta kaz. Ir-rapporti statutorji, li waslu fl-uffiċċju tagħhom sas-Sena Finanzjarja 2016, x’aktarx li ntefghu fuq l-ixkaffa bla ma nqraw. Jidher li kien hekk, meta wieħed iqis li l-Bord injora talbiet, sa minn Diċembru 2016, biex issir inkjesta dwar dak li kien ghaddej fl-Għaqda Koperattiva tas-Sajd (GKTS).

Dan kollu ġara fi żmien meta l-midja lokali kienet mimlija bi stejjer dwar fondi mill-istat u mill-UE li spiċċaw taru mar-rih, u filwaqt li l-ogħla uffiċjali tal-GKTS kienu qed jissemmew b’konnessjoni m’attivitajiet dwar allegat kuntrabandu ta’ diesel.

Kieku l-Bord tal-Koperattivi ħares lejn id-dikjarazzjonijiet finanzjarji, kont tistenna li kellu jagixxi mill-ewwel. Ma twerzaqx kieku tara li l-bejgh annwali huwa f’medja ta’ xi €20,000 filwaqt li l-ammont tad-debituri u l-kredituri jilghab b’mod fenominali bil-mijiet ta’ eluf bejn sena u ohra? Ghaliex kienu gew injorati l-istqarrijiet tal-awditur, li sena wara l-ohra kien qieghed jagħti opinjoni avversa u jesponi nuqqasijiet serji? Jekk wiehed iqabbel il-kontijiet tal-GKTS ma’ dawk tat-tieni koperattiva tas-sajjieda, il-Koperattiva Nazzjonali tas-Sajd, li hi erba’ darbiet akbar mill-GKTS, jifhem mill-ewwel li hemm figuri wisq kbar fuq in-naha tal-GKTS li jqajjmu ħafna suspetti. Sadattant hemm hofra enormi ta’ djun li m’hemmx minn fejn jithallsu.

Huwa car li r-Regolatur mhux qieghed jagixxi b’mod serju. Jaqaw qieghed jipprova jaħbi u jidfen abbuzi kbar biex ir-ruffjani jiskappaw mis-sunnara?

Jista’ l-Bord tal-Koperattivi jikkonferma jekk il-GKTS kienetx qieghda tintuża bħala makna tal-ħasil?

Related Stories

L-avukati difensuri ta’ Muscat kienu fost il-mistednin il-Barbados
Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga lil Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo