Il-Ministeru tas-Saħħa waħdu għandu 1,800 impjegat mis-settur privat li jitħallsu mill-gvern

L-ispiża għall-impjegati mis-settur privat li qegħdin fil-kotba tal-ministeru tas-saħħa tleħħaq iktar minn 30 miljun Ewro fis-sena

 

This article is available in English

Minn informazzjoni ġdida mogħtija fil-Parlament jidher kif l-istatistika ta’ min jinsab bla xogħol, il-gvern iżommha baxxa billi jimpjega eluf ta’ ħaddiema mis-settur privat imma s-salarju tagħhom effettivament iħallsu l-istat.

L-MP tal-Oppożizzjoni Ivan Castillo għamel Mistoqsija Parlamentari biex isir jaf bħalissa kemm hemm impjegati ġejjin mis-settur privat li jitħallsu mill-Ministeru tas-Saħħa. Il-Ministru Chris Fearne wieġeb li dettalji preċiżi ma setax jagħti, billi lill-kuntratturi privati l-ministeru jħallashom skont kemm ikunu nħadmu sigħat u mhux skont l-għadd ta’ ħaddiema individwali.

Mill-analiżi li għamlet The Shift, jidher li l-Ministeru tas-Saħħa waħdu bħalissa qed iħallas xi 30 miljun Ewro fis-sena għas-servizzi li jagħtu kważi 1,800 impjegat full-time, ġejjin mis-settur privat.

Minn din l-analiżi jidher li għal servizz klerikali biss, il-Ministeru tas-Saħħa qed jimpjega xi 400 impjegat mis-settur privat, apparti l-mijiet li diġà jimpjega bħala staff klerikali fis-settur pubbliku.

L-ikbar numru ta’ impjegati mis-settur privat li qed jitħallsu mill-Ministeru tas-Saħħa huma l-care workers fl-isptar Mater Dei, fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija, fl-isptar Monte Karmeli u f’entitajiet oħra żgħar fi ħdan is-settur tas-saħħa: is-salarju tagħhom qed jitħallas mill-istat permezz ta’ entitajiet privati.

Hemm 600 impjegat ieħor mis-settur privat li jaħdmu ma’ kuntratturi tat-tindif u jagħtu s-servizz tagħhom fl-isptarijiet pubbliċi. Iktar minn nofs dawn il-cleaners, xi 400 b’kollox, jaħdmu fl-Isptar Mater Dei.

B’dan kollu fl-informazzjoni li pprovda l-ministru m’hemmx il-mijiet, jekk mhux l-eluf, ta’ impjegati oħra mis-settur privat li jagħtu s-servizz tagħhom f’oqsma oħra permezz ta’ kuntratti mas-settur privat li tant irendu: fost l-oħrajn wieħed isib il-personal tas-sigurtà, il-health assistants u l-infermiera.

Kieku wieħed kellu jqis l-ħaddiema l-oħra kollha li jitqabbdu mis-settur privat, bla dubju ta’ xejn din il-figura kienet tiżdied bl-eluf.

Fost dawn il-ħaddiema hemm dawk li jieħdu ħsieb l-anzjani: f’dan il-qasam il-gvern regolarment joħroġ il-kuntratti u d-direct orders b’kemm jiswew miljuni ta’ Ewro lill-kumpanniji biex jipprovdu l-ħaddiema – mill-infermiera u l-care workers sal-koki, il-kitchen attendants, is-security guards u oħrajn.

Entitajiet oħra fis-settur pubbliku, bħalma huma l-Wasteserv, il-Gozo Channel u ħafna oħrajn jimpjegaw il-mijiet ta’ ħaddiema direttament mis-settur privat. Is-servizz tat-tindif fil-ministeri, fid-dipartimenti tal-gvern u fl-aġenziji tal-istat, jipprovdih is-settur privat: dan ifisser iktar mijiet ta’ ħaddiema.

Lil The Shift, sorsi fi ħdan il-gvern qalulha li dawn l-impiegi kollha mis-settur privat, lil min iħallas it-taxxa qed jiswewlu il-mijiet ta’ miljuni ta’ Ewro fis-sena. Imma barra minn hekk, din is-sistema l-gvern qed jużaha ukoll biex ipaxxi lil dawk il-votanti li jkunu qed ifittxu impieg mal-gvern.

“Huwa fatt magħruf li speċjalment bis-saħħa tal-uffiċji tagħhom tal-customer care, il-ministeri l-ħin kollu jirrakkomandaw l-individwi, speċjalment dawk li jkunu ġejjin mill-kostitwenza tal-ministru kkonċernat, biex jimpjegawhom dawn il-kuntratturi privati.” Dan spjegawhulna xi uffiċjali li huma midħla tas-sistema ta’ procurement li juża l-gvern.

“U jekk il-ministeri, dawn it-talbiet jilqgħuhomlhom, biex ipattulhom, joħorġulhom dawn il-kuntratti.”

Din is-sistema, il-gvern ipperfezzjonaha f’dawn l-aħħar snin, u biha qatt ma jista’ jmur minn taħt. Bis-saħħa tal-impieg li jipprovdilu, lill-votant jikkuntentah waqt li l-istatistika tal-qgħad iżommha baxxa b’mod artifiċjali.

Eżempju klassiku ta’ dan hija l-Iskema ta’ Xogħol fil-Komunità. Din titmexxa mill-General Workers Union għan-nom tal-gvern.  Bis-saħħa tagħha, iktar minn elf ruħ li kien ilhom ma jkollhom impieg tawhom job full-time mal-gvern.

Għalkemm hemm l-eluf impjegati b’dan il-mod, u jħallashom il-gvern permezz tal-GWU, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika xorta lil dawn l-impjegati jikklassifikahom bħala ħaddiema li jaħdmu fis-settur privat.

U fil-frattemp, il-kuntratturi li jħaddmu lil dawn l-impjegati biex isostnu l-kuntratti li tant irendu mogħtija mill-gvern, jieħdu persentaġġ mill-paga ta’ kull impjegat.

Xi sorsi qalulna li kieku l-gvern kellu jeżamina bir-reqqa dawn l-eluf ta’ ħaddiema ‘mis-settur privat’, li effettivament iħallashom l-istat, kemm jipproduċu u kemm fil-fatt hemm bżonnhom, “kien ikollu riżultat interessanti, għax kien jinduna kienx jaqbillu jew le meta dan kollu jqabblu ma’ dak li qed jonfoq”.

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

2 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments
makjavel
makjavel
2 years ago

Fejn qed imorru il €1000 miljun kull sena, infieq IKTAR mil Budget? Kemm l ghelf haddiem fil privat huma fil fatt imhalsin min kuntratti direct orders mil gvern?
Dan hu il GDP ?. Dan mhux Gross Domestic Product . Mhux ta b’xejn tara nofs tuzzana ghassa ma kull bieb li ghandu il gvern, u ma kull round about .

Jac
Jac
2 years ago

Minister Clyde Caruana
Does this country afford to waste money on ex Air Malta employees 100million as you have told the people in your budget speech.

Can you please wake up!

Last edited 2 years ago by Jac

Related Stories

L-avukati difensuri ta’ Muscat kienu fost il-mistednin il-Barbados
Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga lil Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo