L-analiżi li għamlet l-UE ‘daħqa fil-wiċċ’, għax lil Malta ħallewha ‘tiżgiċċa’

‘L-iskrutinju li tagħmel l-EU lill-pajjiżi mhux Ewropej, trid tagħmlu wkoll bl-istess severità lill-pajjiżi Ewropej’, tgħid l-għaqda internazzjonali karitatevoli Oxfam

 

This article is available in English

L-għaqda karitatevoli internazzjonali, l-Oxfam, oġġezzjonat bil-kbir għal-lista aġġornata ta’ tax havens li għamlu l-ministri tal-finanzi tal-UE. Qed tgħid li hija assurdità li tħalli barra mil-lista l-iktar żewġ membri ħatja tal-UE, lil Malta u lill-Lussimburgu.

Dil-ġimgħa, il-ministri tal-finanzi tal-UE aġġornaw il-lista ta’ tax havens u inkludew fiha tliet pajjiżi oħra – l-Anguilla, il-Bahamas u t-Turks u l-Caicos, u fl-istess ħin lill-Bermuda u lit-Tuniżija ħallewhom barra mil-lista.

L-Oxfam ilha s-snin tmexxi kampanja biex tippromwovi l-ugwaljanza fit-taxxa minħabba s-sejba allarmanti li għamlet: iktar minn żewġ terzi tal-ġid globali kollu offshore, xi 12-il triljun dollaru huwa moħbi f’tax havens li għandhom relazzjoni mal-UE, bħalma huma Malta, il-Lussimburgu u l-Andorra.

Nhar it-Tlieta maqdret bil-kbir il-kriterji għat-tax havens li qed tuża l-UE, inkluża l-istruttura korporattiva tat-taxxa għall-kumpanniji offshore.

“Il-lista attwali, lill-UE tirrendiha ipokrita għax tax havens kbar bħalma huma dawk ta’ Malta u l-Lussimburgu jiffrankaw li jidħlu fil-lista, mentri pajjiżi oħra barra mill-Ewropa, bħalma huma l-Eswatini u l-Botswana hemm ir-riskju li jispiċċaw fiha”. Hekk qalet fi stqarrija iebsa Chiara Putaturo, l-espert tal-Oxfam fuq it-taxxa fl-UE.

“Din il-lista, kif qatt jista’ wieħed jemminha? Il-Bermuda hija waħda mill-agħar tax havens li hawn minħabba r-rata żero tat-taxxa korporattiva. B’dan kollu, l-UE neħħewha mil-lista wara li għamlet xi wegħdiet dgħajfa li se tagħmel riforma.”

‘It-tax havens tal-EU jgħaddu mill-iskrutinju b’mod awtomatiku’

“U biex tkompli tagħqad, tax havens kbar Ewropej (bħalma huma Malta u l-Lussimburgu) ma ssibhomx fil-lista, għax il-pajjiżi Ewropej kollha jgħaddu mill-iskrutinju b’mod awtomatiku”, kompliet tgħid.

Reċentement, l-Oxfam issottolineat kif potenzjalment, it-taxxi li mhux qed jitħallsu fuq il-biljuni moħbija Malta u f’tax havens oħra, huma biżżejjed biex itemmu għal darbtejn il-faqar estrem li hawn fid-dinja. L-Oxfam tinsisti li l-flus li qed jintilfu minħabba l-evażjoni tat-taxxa, kemm f’Malta kif ukoll fi bnadi oħra, huwa d-doppju ta’ dak li hemm bżonn biex kull persuna fid-dinja tgħix b’iktar minn dollaru punt 25 kuljum: din hija l-fruntiera tal-‘faqar estrem’.

Putaturo akkużat lill-UE li “Din mhux talli mhix ‘lista sewda’, talli tammonta għall-assoluzzjoni”.

“Għaddew sentejn minn mindu l-UE qablet li din il-lista ssaħħaħha u tagħmilha iżjed rigoruża, imma baqa’ ma nbidel xejn. Il-kriterji baqgħu verament dgħajfa. F’din il-lista ddaħħlu tliet pajjiżi li għandhom rata tat-taxxa żero, imma ma ddaħħlux minħabba r-rata tat-taxxa, u  faċilment jistgħu jerġgħu jinħarġu minnha.”

“Pajjiżi li r-rata tat-taxxa tagħhom hija żero jew baxxa ħafna, l-UE għandha tpoġġihom fil-lista s-sewda b’mod awtomatiku, u l-pajjiżi Ewropej għandhom jgħaddu mill-istess skrutinju li jgħaddu minnu pajjiżi mhux Ewropej.”

Fil-każ ta’ Malta, rapport reċenti tal-UE sab li “Malta titqies li għandha reġim speċifiku b’rata effettiva tat-taxxa baxxa ħafna. Ir-rata nominali tat-taxxa fuq id-dħul korporattiv hija ta’ 35%, u b’hekk Malta ma taqax taħt l-Indikatur numru 28 (rata tat-taxxa żero). B’dan kollu, minħabba s-sistema sħiħa ta’ imputazzjoni tat-taxxa, ir-rata ‘vera’ tista’ tonqos ħafna iżjed, għal madwar ħamsa fil-mija.

Min iħallas it-taxxa, jista’ jibbenefika minn din ir-rata baxxa tat-taxxa jekk jorganizza ruħu b’tali mod, ngħidu aħna billi jkollu minimu ta’ żewġ kumpanniji (il-prinċipali u s-sussidjarja) li huma residenti Malta.”

Lil Malta, l-UE qed tipprova ġġibha konformi mar-regoli tat-tassazzjoni. Imma għal ħafna raġunijiet, Malta għandha l-interess li l-istrutturi offshore korporattivi tagħha żżommhom kif inhuma – biss biss hemm id-dħul kollu li Malta tgawdi minnu bis-saħħa ta’ kumpanniji bħal dawn. Dan l-arranġament kważi dejjem ikun a skapitu tal-pajjiż oriġinali minn fejn ikunu ġejjin dawn il-kumpanniji, u ħafna drabi jkunu sħab Malta stess bħala pajjiżi tal-UE. Dawn qed jitilfu dan id-dħul kollu mit-taxxa, u minflok qed tgawdih Malta bis-saħħa tar-rata minima attraenti ta’ taxxa li għandha.

Minħabba f’hekk, l-Oxfam trid l-impożizzjoni ta’ kriterji iktar b’saħħithom meta wieħed jassessja t-tax havens. Nhar it-Tlieta Putaturo qalet li “Kriterji iktar qawwija jistgħu jtemmu l-livell astronomiku tal-iffrankar tat-taxxa minn dawk li huma l-iktar sinjuri fid-dinja, kif ukoll mill-korporazzjonijiet. Mentri fl-istess ħin il-gvernijiet u n-nies ordinarji qed jiffaċċaw il-kriżi tal-għoli tal-ħajja.”

“Kieku nabolixxu t-tax havens, jkollna fondi ta’ mijiet ta’ biljuni li tant hemm bżonnhom, kieku s-sinjuruni kollha tad-dinja jħallsu sehemhom.”

F’aġġornament dwar it-taxxa li sar f’Diċembru tal-2021, l-Oxfam issottolineat kif Botswana, ngħidu aħna, qed tirriskja li titpoġġa fil-lista s-sewda tal-UE għax ma mxietx skont l-istandard tat-trasparenza fit-taxxa tal-OECD.

“U b’dan kollu, Malta li hi wkoll ma timxix skont dan l-istess standard tat-trasparenza fit-taxxa, mhux qed tirriskja li tbati xi konsegwenza, għax il-pajjiżi Ewropej m’għandhomx għalfejn jimxu ma’ dan il-kriterju”, kompliet din l-assoċjazzjoni.

Barra minn hekk, l-Oxfam qalet ukoll li meta pajjiż tal-UE jsibu li għandu prattika ħażina tat-taxxa, jew anki li jkollu prattiċi aggressivi fl-ippjanar tat-tassazzjoni, fil-każ tiegħu kważi ma jidher xejn fil-pubbliku minn dan l-iskrutinju. Imma dan, tgħid l-Oxfam, “huwa differenti ħafna mil-lista tat-tax havens tal-UE.  Biex niżguraw li jkollna politika koerenti kontra t-tax havens, huwa essenzjali li napplikaw l-istess standards kemm fl-UE kif ukoll barra minnha”.

L-Oxfam qed tagħmel pressjoni wkoll biex l-UE tuża l-analiżi ekonomika biex tidentifika reġim tat-taxxa li jagħmel il-ħsara.

B’mod partikolari, lill-UE, l-Oxfam qed titlobha tikkonsidra jekk l-Investimenti Barranin Diretti humiex sproporzjonati meta wieħed iqabbilhom mal-prodott gross domestiku tal-pajjiż li jkun. Fost dawn l-investimenti, wieħed isib il-kumpanniji barranin li jinvestu fil-pajjiż, id-dħul passiv bħalma huma d-drittijiet, u l-interessi u l-ħlasijiet tad-dividends.

Fl-istudju tal-informazzjoni relevanti li għamlet bejn l-2017 u l-2019, l-Oxfam tgħid li sabet ħames pajjiżi Ewropej li kellhom livell ta’ Investimenti Barranin Diretti ħafna ikbar mis-saħħa ekonomika tagħhom. Dawn huma Malta, Ċipru, l-Irlanda, l-Lussimburgu u l-Olanda.

“Dan juri biċ-ċar li dawn il-pajjiżi jużaw prattiċi aggressivi ta’ tassazzjoni biex l-investimenti u d-dħul jattirawhom (meta jaġixxu bħala ċentri offshore) jew meta jservu ta’ mogħdija għal ċentri oħra offshore. Normalment dawn ikunu ġurisdizzjonijiet b’taxxa baxxa jew addirittura bl-ebda taxxa.”

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

L-avukati difensuri ta’ Muscat kienu fost il-mistednin il-Barbados
Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga lil Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo