‘Politika maħmuġa’: L-ex segretarju tal-koperattiva tas-sajjieda jitkellem dwar ir-rabtiet ta’ dan is-settur mal-industrija, mal-gvern u mal-kriminalità

The article is available in English here

Lis-sajjieda, il-gvern naqas li jħarishom min-negozji l-kbar li l-industrija belgħuha. Hekk qalilha lil The Shift ex membru tal-kumitat tal-Għaqda Koperattiva tas-Sajd Ltd.

L-istorja tal-familja ta’ Martin Caruana hija marbuta intimament mas-sajd. Il-parti l-kbira ta’ ħajtu għaddiha bħala sajjied part-time, u sħabu jafuh bħala vuċi solitarja fil-baħħ ta’ industrija li ntlaqtet ripetutament minn skandli kbar ta’ korruzzjoni.

Wieħed minn dawn l-iskandli magħrufa sew jinvolvi x-xibka ta’ korruzzjoni assoċjata ma’ Andreina Fenech Farrugia. Hija l-ex direttur ġenerali tad-dipartiment tas-sajd tal-gvern. Akkużawha li fittxet li tixxaħħam minn Jose’ Fuentes, wieħed mis-sidien ta’ waħda mill-ikbar ranches tat-tonn fil-Mediterran.

Lil The Shift, Caruana kellimha wara li dan is-sit tal-aħbarijiet żvela l-konklużjoni tal-investigazzjoni li saret fl-operat tal-Għaqda Koperattiva tas-Sajd Ltd.

“Il-problemi finanzjarji tal-Għaqda Koperattiva tas-Sajd Ltd, il-Cooperatives Board jaf bihom, imma minflok, għażel li d-dover tiegħu jinjorah u m’għamel xejn biex dan l-abbuż iwaqqfu”. Hekk qal Caruana, hu u jikkritika l-bord talli lill-kumitat tal-koperattiva ħallih għaddej qisu ma ġara xejn.

“Il-kontijiet tal-koperattiva ilhom is-snin f’idejn il-Bord. Sena wara l-oħra, dawn il-kontijiet kienu qed jistennew lil xi ħadd jagħtihom titwila: minnhom jidher bla ebda dubju ta’ xejn li kien hemm għaddejja xi ħaġa ħażina serjament,” żied jgħid Caruana.

Il-Cooperatives Board huwa l-entità uffiċjali tal-gvern li jirregola kull koperattiva reġistrata Malta, u aktar kmieni dan ix-xahar ġiet fi tmiemha l-investigazzjoni li kien qed jagħmel fil-kontijiet tal-Għaqda Koperattiva tas-Sajd. Din hija koperattiva li waqqfuha s-sajjieda stess biex iħaffu l-bejgħ tal-qabdiet tagħhom.

L-investigazzjoni li għamel il-Cooperatives Board fil-kontijiet tal-koperattiva tas-sajjieda kkonfermat dak li rrappurtat The Shift meta wriet li l-koperattiva kellha dejn ta’ iktar minn 100,000 Ewro u kienet prattikament falluta.

Il-koperattiva tas-sajjieda ilha titmexxa sa mill-2007 minn kumitat esekuttiv li prattikament jikkontrollawh erba’ individwi – Joseph Demicoli (il-president), Paul Piscopo (is-segretarju), Michael Carabott (il-viċi-president) u Ernest Galea (it-teżorier).

Il-vapur ta’ Piscopo kien inqabad iġorr id-diesel bil-kuntrabandu, waqt li Carabott inqabad fil-fatt b’kuntrabandu ta’ munizzjon, allegatament dirett lejn il-Libja. Galea lanqas m’hu suppost membru tal-kumitat, u lanqas m’hu suppost jistad għax il-liġi, lill-bejjiegħa tal-ħut ma tippermettilhomx iservu fil-kumitat.

U Demicoli, il-president, ħa kull okkażjoni biex jiftaħar bir-relazzjoni mill-viċin li għandu mat-tmexxija tal-Partit Laburista.

Mix-xellug: Il-president tal-koperattiva tas-sajjieda Joseph Demicoli flimkien mal-prim ministru Robert Abela; mal-ex prim ministru diżonorat Joseph Muscat; u maċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri.

Minflok ma ordna li ssir il-likwidazzjoni tal-koperattiva minħabba l-istorja stess tal-kumitat u l-istat finanzjarju serju tagħha kif joħroġ mill-kontijiet tagħha, jew għallinqas jiżgura li l-koperattiva jamministraha xi ħadd bil-forza tal-liġi, il-Cooperatives Board qal li lill-membri tal-koperattiva tas-sajjieda kkuntattjahom biex jara kienx hemm xi ħadd ieħor lest imexxi l-kumitat.

Il-kelliem tal-Cooperatives Board, il-mistoqsijia li saqsiet The Shift dwar kif seta’ kumitat ġdid, lill-koperattiva joħroġha mill-istat ta’ falliment, baqa’ ma weġibhiex. Il-mexxejja tal-koperattiva mistennija jirriżenjaw, imma ħadd ma semma l-kwistjoni tal-kontabilità.

Caruana għamel 17-il sena jmexxi l-koperattiva, imma telaq mit-tmexxija fl-1994. Hu tal-fehma li l-koperattiva qerduha nies li “gawdew mill-impunità assoluta”. Għal ftit żmien fl-2016, kien serva wkoll fil-bord tas-sajd tal-gvern, imma Caruana kien ikollu xi jgħid regolarment ma’ Andreina Fenech Farrugia u eventwalment irreżenja f’Marzu tas-sena l-oħra – l-ambjent jgħid li kien wieħed ikkaratterizzat mill-konfrontazzjoni.

Caruana baqa’ jisħaq li l-Cooperatives Board kellu xhieda tal-imġiba ħażina tal-kumitat tal-koperattiva sa mill-inqas l-2016, imma għażel li ma jagħmel xejn. L-uniku ħaġa li nbidlet kienet li l-kumitat tas-sajjieda, il-kontijiet ivverifikati ma baqax jippubblikahom.

“Li għamel il-Bord kien li għolla l-ħlas biex wieħed jakkwista kopja tal-kontijiet annwali u b’hekk saret tiswa wisq għall-pubbliku,” qal Caruana. Skont il-kelliem tal-Cooperatives Board, kull min jinteressah jara l-kontijiet ta’ xi koperattiva, ikollu jħallas 23 ċenteżmu ta’ Ewro għal kull paġna.

“Mhux talli d-dover tagħhom m’għamluhx, imma talli abbużaw mill-poter li għandhom biex lil min ried jagħmel xogħolhom minflokhom, iwaqqfuh” żied jgħid, waqt li kompla jgħid ukoll li kien hemm drabi meta l-Bord żied it-tariffa b’mod esaġerat kull meta talab speċifikament biex jara l-kontijiet.

Meta saqsejnih jaħsibx li l-membri tal-koperattiva jwieġbux fil-fatt għas-sejħa tal-Cooperatives Board biex jidħlu għal din il-biċċa xogħol, u koperattiva finanzjarjament mejta jerġgħu jqajmuha fuq saqajha, Caruana wieġeb li ma jaħsibx li kien se jiġri hekk.

Fil-kontijiet annwali tal-koperattiva, l-awdituri jesprimu fehma verament negattiva dwar kif qegħdin l-affarijiet, u jsemmu wkoll każijiet fejn flejjes li daħlu fil-koperattiva ma setgħux isibu x’sar minnhom.

“Jekk l-awditur ma setax isib dawn il-flejjes, mela żgur li mhux qegħdin fil-kontijiet tal-koperattiva”, qal Caruana.

“Il-membri tal-koperattiva huma sajjieda u xogħolhom huwa li jistadu. Kull ma xtaqu kien li jkun hemm management professjonali biex l-affarijiet jimxu kif suppost”, żied jgħid; imma minflok wera kif il-koperattiva spiċċat f’idejn min din l-industrija għasarha kemm felaħ u użaha biex jaħbi l-attività illegali tiegħu.

Caruana hu tal-fehma li meta l-Cooperatives Board naqas milli jieħu azzjoni kontra l-kumitat, fil-fatt kien qed jagħmel cover-up tal-isfruttament ta’ koperattiva li darba kienet isservi tal-vuċi tal-ħaddiema f’din l-industrija, u ħafna mill-bżonnijiet tagħhom kienet tieħu ħsiebhom.

‘L-ispazju fejn tirrenja l-politika maħmuġa’

Dawn il-problemi, Caruana jattribwihom għall-ispazju fejn tirrenja ‘il-politika maħmuġa’.

Caruana ilu f’din l-industrija għal iktar minn erbgħin sena u ra bidla minn suq li kien ifornih is-sajjied tradizzjonali li kellu dgħajsa jew tnejn, għal wieħed iddominat minn min għandu flotot sħaħ.

“Għaliex il-gvern għamel li għamel ma nistax ngħidu b’ċertezza assoluta. Imma nista’ nara iswed fuq l-abjad li l-industrija tas-sajd serquha minn taħt idejn is-sajjied tradizzjonali”, qal Caruana.

Illum, fost dawn is-sidien il-kbar hemm negozji enormi bħalma huma Azzopardi Fisheries, Elbros u kumpanniji oħra f’dan il-livell. Dawn qalgħu ‘l barra lis-sajjied tradizzjonali bil-liġijiet li għaddew matul is-snin u ffavorew dawn is-sidien il-kbar li huma wkoll donaturi lill-partiti politiċi prinċipali.

“Waħda mill-affarijiet li għamlu, imponew kwota fuq is-sajjied: jekk kull sena ma taqbadx ammont speċifiku ta’ ħut, jeħdulek il-liċenzja. Lil kull min ma rnexxilux jilħaq il-kwota, bdew jibagħtulu ittra u jieħduli l-liċenzja professjonali tiegħu.” Hekk żied jgħid.

Is-sajjied li ma jilħaqx il-kwota kien jitlef il-liċenzja biex jistad professjonalment, jew fuq bażi part-time. Kienu jħalluh biss jistad għad-divertiment u ma kienx ikun jista’ jbigħ dak li jaqbad. B’hekk qatgħulu l-qligħ tiegħu. Maż-żmien bdew jonqsu s-sajjieda tradizzjonali minħabba din il-kwota imposta mill-gvern. Imma l-liċenzja li jeħdulhom kienu jtuha lill-irjus il-kbar fl-industrija u b’hekk il-kwota tagħhom kienet tiżdied.

“Mill-operat tal-Cooperatives Board joħroġ ċar li ħadd m’hu qed jaħdem biex tissaħħaħ din l-industrija jew anki l-koperattiva nnifisha.”

“Dan hu dak li ġara Marsaxlokk – mas-snin is-sajjied sparixxa għax l-affarijiet żviluppaw b’mod aggressiv kontra l-interessi tiegħu”, temm jgħid Caruana.

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

2 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments
MA Caruana
MA Caruana
2 years ago

Kemm nelabora ftit:

Jiena kont segretarju/manager tal-GKTS ghal 17-il sena u rrizenjajt fl-1994. Kont hemm fiz-zmien meta l-Koperattiva kienet attiva hafna kemm mill-att ta’ servizzi kummercjali li kienet toffri lill-membri u kemm bhala l-entita li tiggieled ghad-drittijiet tas-sajjieda.

Fl-2016 kont waqqaft NGO ma’ ftit sajjieda biex tkun il-vuci taghhom, u dlonk sibt ruhi membru fil-Bord dwar is-Sajd, ghax min kellu l-poter kien jaqbillu illi l-kritika issir bejn erba’ hitan. Irrizenjajt f’Marzu 2021 ghaliex, apparti bosta kwistjonijiet serji, hassejt li ma kienx accettabli li nkompli nservi f’bord li kien ihaddan fih persuni llegittimi. Qieghed nirreferi specifikament ghas-Sinjuri Demicoli, Piscopo u Galea, illi t-tlieta huma membri fuq il-Bord tas-Sajd. Li kieku dawn gew investigati ghall-agir taghhom fil-GKTS, zgur ma kienx ikun posthom fuq il-Bord tas-Sajd, biex jaghtu l-pariri lill-Gvern.

Bhala pitkal licenzjat fil-Pixkerija, s-Sur Galea ma jistax ikun sajjied u lanqas f’certu business, ahseb u ara kemm ikun membru tal-Koperattiva. Biex tghaxxaq dan huwa membru tal-Kumitat u t-Tezorier tal-GKTS. Dan ifisser illi hemm ksur car, kemm tal-ligi dwar is-Sajd (L.S. 425.02) u kemm tal-ligi dwar is-Socjetajiet Koperativi (Kap. 442).

Il-Legislazzjoni Sussidjarja 425.02 (7) tistipoli illi “Pitkal ma jistax ikollu xi interess fin-negozju tal-ħut li magħandux x’jaqsam man-negozju tiegħu bħala pitkal”.

Kap. 442, Artiklu (72) jistipola li: “Individwu jkun persuna eliġibbli għal sħubija fil-kumitat ta’ tmexxija ta’ soċjetà, jekk: (ċ) ma tkunx involuta f’xi attività li tagħti lok għal konflitt fl-interess; u (d) ma tkunx tieħu sehem, sew fuq bażi permanenti sew fuq bażi okkażjonali, f’xi ħidma li tkun direttament jew indirettament tikkompeti ma’ dik tas-soċjetà”.ma

Nghid biss illi l-business ta’ Galea minn dejjem kien f’konflitt dirett ma dak tal-GKTS. Minn mindu Galea rnexxielu jidhol membru, l-business tieghu kompla jimxi l-quddiem filwaqt li dak tal-GKTS izzarma totalment.

Minkejja l-irregolaritjiet u n-nuqqasijiet serji taht it-tmexxija tieghu, s-Sur Demicoli (President) kien inhatar bhala konsulent mad-Dipartiment tas-Sajd, ghax ir-ritratti man-nies fil-poter kapaci jgibulek dak li tixtieq, imqar jekk il-meritokrazija tkun fl-abbissi.

Il-Bord tal-Koperattivi kellu f’idejh, ghal snin shah, dokumenti ufficjli illi jesponu mgieba hazina u abbuzi serji fit-tmexxija tal-GKTS. Sas-sena 2016, tant l-affarijiet aggravaw, illi l-awdituri ma baqawx jaghtu s-servizz taghhom lill-Koperattiva, probabli ghax kienu huma wkoll ikunu qed jidhru f’dawl ikrah, u jidher li r-ruffjani ma sabux awditur iehor lest illi jiccappas maghhom.
 
Rigward hlas biex wiehed jakkwista kopja tal-kontijiet nikkonferma illi sa certu zmien dejjem kont nintalab inhallas €0.23 ghal kull pagna, imma meta ftit xhur ilu tlabt kopja ta’ rapport finanzjarji li ma kellix, hadt xokk. Meta ghedtilhom biex fil-kaz kemm naghtihom titwila biss, qaluli li xorta ridt inhallas biz-zalza ghal kull sett, imqar jekk nittawwal lejn pagna wahda biss, kif spiccajt kont tlabthom!

Rigward l-istat tal-GKTS, nghid illi din ilha snin katavru. Bilfors li qed izommuha taparsi hajja ghal skopijiet ulterjuri. L-ebda sajjied rasu fuq ghonqu mhu ser jidhol ghat-tmexxija tal-Koperattiva. Immagina ftit. Dawk li abbuzaw idabbru rashom bla xkiel ta’ xejn u dak li jidhol imexxi flokhom irid jiffaccja lil kull min ghandu jiehu l-eluf kbar u jahli hafna zmien tiela u niezel il-qorti, jiltaqa’ mal-avukati, jitlef ix-xoghol ghax ma jkunx jista’ jmur jistad, ma jsibx il-flus biex ihallas l-avukati u l-ispejjes tal-qorti, u fl-istess waqt irid isib il-hin u l-energija biex jaghmel il-miraklu u jqajjem lill-Koperattiva mill-mewt.

Biex fid-dawl tal-fatti kollha li hargu l-Bord regolatur jasal li jmur fuq il-membri tal-GKTS biex jghidilhom illi “jħoss li bidla fil-kumitat esekuttiv tkun ta’ benefiċċju biex il-koperattiva jkollha tmexxija aħjar u biex ikun hemm iktar involviment min-naħa tal-membri tagħha”, allura verament tilef ruhu kompletament. Prattikament jidher li qed jipprova jsib mod kif lir-ruffjani jiskappalhom il-gudizzju li jisthoqqilhom u fl-istess waqt jghaddi l-kanna lil haddiehor.

Certament certifikat ta’ missjoni falluta u maqluba rasha l-isfel. Jekk il-Bord irid jigbor giehu triq wahda ghandu, illi jmur fuq il-membri taz-zewg koperattivi tas-sajjieda bil-ghan li jghaqqadhom f’koperattiva wahda, li tkun ta’ veru, u mhux fazulla. Jekk hadd ma jrid ihaddan il-principji ta’ koperattiva, jillikwidahom it-tnejn li huma u mhux lill-GKTS biss. Il-Kostituzzjoni ta’ Malta, li taghti tant importanza lill-koperattivi, m’ghandhiex tibqa’ tigi kkalpestata.

Joseph
Joseph
2 years ago

Il-politika mahmuga kemm f’wicc bahar u kemm f’qieh bahar il-Mediterran. Jekk wiehed jsegwi il-GEO fuq Rai 3, ikun jaf x’qed nghid dwar dak li inhallu f’qieh ta’bahar fi zmien l’istagun tal-hut.

Related Stories

L-avukati difensuri ta’ Muscat kienu fost il-mistednin il-Barbados
Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga lil Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo