L-ispiża għar-rallies tal-aħħar tal-Labour se titħallas mit-taxxi tagħna

Read the English version

Anton Attard, li kien il-kap ta’ NET TV u Mark Vassallo, is-Segretarju tal-Bord tal-PBS se jikkoordinaw l-‘ispettaklu’ tal-Labour nhar il-Ħamis, Ta’ Qali.

L-aħħar spettakli li qed jagħmel il-Labour Ta’ Qali fl-MFCC (Malta Fairs and Concentions Centre), inkluż ukoll l-aħħar avveniment t’għada, qed iħallas għalihom indirettament il-poplu, kif skopriet The Shift bis-saħħa tal-investigazzjoni li għamlet.

Dil-biċċa kollha nħadment fin fin bis-saħħa ta’ festival mużikali li l-gvern organizza għal t’apposta fl-istess post: imma fl-aħħar sekonda kellu jiġi ‘pospost’ biex iċedi postu għax-shows televiżivi ta’ Robert Abela, ippjanati sal-inqas dettall.

Mill-investigazzjoni tagħna jidher li l-attivitajiet tal-Labour qed jimmaniġġawhom l-istess kuntratturi li dawn l-aħħar snin ħadu direct orders jiswew il-miljuni ta’ Ewro. Imma mill-banda l-oħra, l-uffiċjali ta’ ONE TV, inkluż iċ-Chairman Jason Micallef, huma rrabbjati ferm għax saru jafu li l-OPM qabbad lil dak li darba kien imexxi l-media tal-PN, Anton Attard biex jikkoordina l-‘ispettaklu’ u x-xandira tiegħu fuq il-ONE.

Dak li kien is-CEO ta’ NET TV, il-Ħadd li għadda kkoordina x-xandira fuq it-TV tar-rally li kellu l-Labour il-Ħadd li għadda billi kera crew Taljan u l-Outside Broadcasting Unit tagħhom (OBU), li aktarx jintuża wkoll għaż-żjara tal-Papa ix-xahar id-dieħel.

Dan l-istess crew diġà ntuża għal diversi mill-impenji privati ta’ Anton Attard, inkluż X-Factor u x-shows li għandhom isiru dalwaqt fuq il-PBS Shark Shank TV. Barra minn hekk, it-trażmissjoni tal-Labour iddiriġiha Mark Vassallo, li bħalissa huwa s-segretarju tal-bord tal-PBS, l-istess wieħed li kien l-avukat ta’ Keith Schembri, li darba kien iċ-chief of staff fl-OPM.

 

Mark Vassallo – is-Segretarju tal-Bord  tal-PBS – qed jidderiġi x-show tal-Labour fuq it-televiżjoni

Lil The Shift, sorsi viċin il-Labour qalulha li qed jintefqu mijiet ta’ eluf ta’ Ewro fuq l-attivitajiet tal-PL, imma ħadd ma jaf min qed iħallas għalihom u kif.

“L-ispettaklu tal-Ħadd li għadda, b’orkestra live b’kollox, lill-Labour tkun swietlu mill-inqas xi 500,000 Ewro biex organizzaha. Imma ovvjament mhux il-PL ħariġhom dawn il-flus, għax hemm sorsi oħra li qed jipprovdu s-servizzi li jkun hemm bżonn.” Hekk qalilna wieħed mill-koordinaturi ta’ dan l-ispettaklu, imma bil-kondizzjoni li ismu ma jissemmiex.

Impjegat ta’ ONE TV qalilna li “Jason Micallef kien kontra li jieħu sehem Anton Attard, imma fl-aħħar kellu jċedi għax qalulu li li l-iscreens LED li kien qed juża l-PL għall-palk, kienu nkrew mill-kumpannija privata ta’ Attard”.

Ir-rallies tal-Labour kif qed ikunu ffinanzjati mit-taxxi tagħna?

Propju tlett ijiem biss qabel ma l-Prim Ministru ħabbar id-data tal-elezzjoni, l-aġenzija tal-gvern Festivals Malta ħarġet erba’ tenders mingħajr ma xandrithom: dawn kienu jinvolvu l-palk, id-dwal, is-sound , l-iscreens LED kif ukoll affarijiet importanti oħra għas-song festival ‘Mużika, Mużika’ li kienet qed tippjana li jsir l-MFCC bejn l-24 u s-26 ta’ Marzu.

Erba’ direct orders maħruġa għal festival tal-gvern l-MFCC għall-weekend tal-elezzjoni – u l-Labour iddeċieda li fl-istess ġranet jorganizza r-rallies tiegħu hemm

Wara li fl-20 ta’ Frar Abela ħabbar id-data tal-elezzjoni ġenerali, minflok ix-show ma pposponewh u l-pjanijiet li kellhom biex jakkwistaw il-materjal kollu li kellhom bżonn ittardjawhom, Festivals Malta, li ċ-Chairman tagħha huwa Norman Hamilton, pampalun tal-Labour, komplew bit-tenders u l-offerti kellhom jaslu sat-22 ta’ Frar.

L-MFCC ibbukkjawha għall-festival fl-aħħar ta’ Marzu u taw erba’ direct orders lill-kuntratturi tas-soltu tal-Labour: Nexos, Ray Vella & Co, Besteam Audio u Tec Ltd.

Propju kif il-kuntratturi kienu qed jispiċċaw ix-xogħol – il-bini tal-palk u t-tħejjija kollha l-MFCC – Festivals Malta ħabbret li ‘Mużika, Mużika’ kienet se tipposponiha għal April minħabba l-elezzjoni. Preċiż wara, l-Partit Laburista ħabbar li l-aħħar żewġ rallies tiegħu kienu se jsiru l-MFCC, fejn naturalment kienu kważi lesti it-tħejjijiet kollha għas-song festival li ġie pospost.

Biex din il-konfoffa kollha jipprova jagħmilha inqas ovvja, meta Norman Hamilton ħabbar li kien se jkun pospost il-festival, ta wkoll id-dettalji tad-disinn tal-‘istage’ għal ‘Mużika, Mużika’ u ppreżenta stampa li tidher differenti mid-disinn tal-istage li kien se juża l-Labour. Barra minn hekk, Festivals Malta suppost li t-tenders għadhom qed jevalwawhom. B’dan kollu The Shift hija infurmata li lill-kuntratturi żgurawhom li t-tender se jieħduh.

L-erba’ kuntratturi ta’ ‘Mużika, Mużika’, huma kollha l-istess kumpanniji responsabbli għall-avvenimenti tal-Labour li se jsiru l-MFCC.

Fil-frattemp hemm armar ieħor għal-laqgħat tal-massa ppjanati għall-ġimgħat ta’ wara l-elezzjoni, fosthom l-armar għall-palk li se jintuża mill-Papa fiż-żjara tiegħu. Din iż-żjara wkoll se jikkoordinaha Anton Attard waqt li Lionel Gerada se jikkoordina okkażjoni tal-MTA f’April bl-isem ‘LOL surprise’. Issa dan l-armar kollu ‘wasal’ kmieni minn barra u qed jintuża fl-okkażjonijiet li jorganizza l-Labour.

‘Mużika, Mużika’, tal-Labour u Anton Attard

‘Mużika, Mużika’ – imsejjaħ il-Malta Song Festival – huwa l-“baby” ta’ Norman Hamilton li għandu 78 sena: wara li qatta’ ħames snin Londra bħala l-Kummissarju Għoli ta’ Malta, ġie lura, u għamluh Chairman ta’ Festivals Malta.

Il-membri tal-kumitat ta’ dan il-festival ġejjin kważi kollha mill-istazzjon tal-Labour ONE TV: Albert Marshal li kien is-CEO ta’ ONE TV; Jason Micallef, iċ-Chairman ta’ ONE TV; Charlon Gouder, preżentatur ma’ ONE TV li kien ukoll ġurnalista, u Chris Galea, il-koordinatur tal-laqgħat tal-massa tal-Labour.

Id-direttur tal-festival huwa Paul Abela waqt li ibnu Ryan Paul idderieġa l-orkestra li ntużat fir-rally tal-PL.

Anton Attard ilu s-snin għandu x’jaqsam mal-industrija tal-events u ismu sar magħruf fil-laqgħat tal-massa li kien jagħmel il-PN lejn l-aħħar tas-snin disgħin u fl-elezzjonijiet tal-2004 u tal-2008. Wara li kien ilu snin imexxi l-media tal-PN, ftit wara l-elezzjoni tal-2008 inħatar fit-tmexxija tal-PBS. Huwa jiġi ħu l-mara ta’ Beppe Fenech Adami.

Wara li tela’ fil-gvern il-PL, intalab iwarrab biex postu ħadu John Bundy. Fil-frattemp, Attard tħallas l-eluf ta’ Ewro biex ikopri l-bqija tal-kuntratt tiegħu mal-PBS. Għall-produzzjonijiet privati tiegħu, dan l-aħħar irregalawlu ħim prim fuq ix-xandir tal-istat, fosthom il-produzzjoni X-Factor.

Attard kien ukoll CEO tal-media tal-Knisja, u issa għandu diversi kumpanniji tal-media kif ukoll konsulenzi: fosthom hemm NNG Promotions li jmexxi l-kunċert ta’ kull sena ta’ Joseph Calleja, sponsorjat mill-Gvern. Għandu wkoll Mint Media u Greatt Company Ltd. L-okkażżjonijiet pubbliċi li jorganizza spiss jibbenefikaw mill-isponsorship tal-gvern kif ukoll minn sponsorship privat. Barra minn hekk, Attard huwa l-konsulent ta’ diversi entitajiet.

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

‘Il-Billi’ proposes more flats instead of Calypso Hotel extension
Gozitan businessman Michael Caruana, known as ‘il-Billi’ and the
Acquisition of €70,000 crib for St John’s Co-Cathedral raises questions on source
A small Neapolitan crib acquired by the St John’s

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo