Robert Abela nqabad. Ftit ġranet biss qabel lil Joseph Portelli approvawlu l-iżvilupp ġgantesk fis-Sannat, Abela kien il-mistieden tal-unur fi pranzu li organizzah Joseph Portelli stess u kkoordinah l-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Id-dettalji kollha, inkluż min kienu l-mistidnin, il-ħin u l-post, żvelahom The Shift. Dan il-pranzu sar fil-5 ta’ Marzu, lejliet il-kampanja reċenti ta’ ġbir ta’ fondi li għamel il-Partit Laburista. Għawdex inġabru iktar minn Euro 210,000.
Abela ma setax jiċħad li kien preżenti għal din l-okkażjoni. Deher ċar il-paniku li qabdu meta l-ġurnalisti staqsewh x’kien l-iskop ta’ dan il-pranzu. Mit-tidwir kollu fit-tweġiba tiegħu kien ovvju li Abela ntilef. Kien iddisprat biex jgħatti xturu.
“Bħal ma nagħmel kull nhar ta’ Sibt, niltaqa’ ma’ setturi diversi tal-komunità Għawdxija, niltaqa’ ma’ dawk li jaħdmu ma’ persuni b’diżabilità, niltaqa’ ma’ komunitajiet varji, niltaqa’ mal-komunità tan-negozjanti, kif erġajt għamilt is-Sibt li għadda meta ltqajt magħhom f’post pubbliku.” Hekk qal.
“Ħa nibqa’ naħdem skont il-prinċipju li huwa essenzjali għall-prim ministru li jiltaqa’ mas-setturi kollha tas-soċjetà, għaliex meta l-prim ministru li kellna qabel l-2013 irrifjuta li jiltaqa’ ma’ ċerti nies fin-negozju jew għażel ma’ min jiltaqa’ minnhom, nafu li kien hemm effetti negattivi fuq l-impiegi u l-qgħad”. Abela tah ferħ ta’ ġenn.
Imma inti mort għall-pranzu bħala l-mexxej Laburista jew bħala l-prim ministru, saqsieh il-ġurnalist mifxul?
“Jien il-Mexxej tal-Partit Laburista u l-prim ministru,” wieġeb bla mistħija ta’ xejn.
Għal Abela, ma teżistix distinzjoni. Li dawn iż-żewġ funzjonijiet qed iwaħħadhom fi rwol wieħed issa ilha ħaġa ovvja għal dawn l-aħħar xhur. Imma dak li huwa inkredibbli hu li ma jiġih l-ebda skruplu biex dil-ħaġa jxandarha pubblikament. Abela donnu lanqas mhu konxju li dawn iż-żewġ funzjonijiet tiegħu irid iżommhom mifrudin, speċjalment matul kampanja elettorali meta huwa biss prim ministru ad interim.
Abela lanqas biss jirrealizza li meta jgħaqqad dawn iż-żewġ funzjonijiet flimkien ikun qed jikser kemm il-linji gwida tal-Kummissjoni ta’ Venezja kif ukoll dawk tal-OSCE.
Dan hu dak li tgħid l-istqarrija 251 dwar ir-regolamentazzjoni tal-partiti politiċi li l-Kummissjoni ta’ Venezja adottatha f’Diċembru tal-2020: “Il-paragrafu 5.4 tad-dokument tal-OSCE ta’ Copenhagen jgħid ċar li l-istati membri għandhom jiżguraw ‘distinzjoni ċara bejn l-istat u l-partiti politiċi, u b’mod partikolari, il-partiti politiċi m’għandhomx jitwaħħdu mal-istat’“.
Robert Abela qed jipprova jgħatti x-xemx bl-għarbiel hu u jegħreq dejjem iktar fil-ħama. Qed jipprova jiddefendi lilu nnifsu billi sfaċċatament iżeffen fin-nofs lill-persuni b’diżabilità. B’mod patetiku qed jipprova jbiegħed l-attenzjoni tal-ġurnalisti mill-fatt li bla mistħija ta’ xejn qed jagħmilha ma’ nies bħal Joseph Portelli billi jmaqdar lil Lawrence Gonzi u jħammiġlu ismu bit-tajn.
Abela ma jistax ma jippruvax il-borma jlaqqatha sal-qiegħ. F’meeting Laburista ħabbar, bl-arroganza kollha, li ċ-ċekkijiet jaslu fil-ġimgħa ta’ qabel l-elezzjoni. “Dawn iċ-ċekkijiet ikunu l-aħħar li tirċievu jekk tafdaw lil Bernard Grech u l-PN,” hedded Abela.
U b’hekk qed jerġa’ jikser il-linji gwida tal-Kummissjoni ta’ Venezja. “Il-fondi tal-istat jew ir-riżorsi tiegħu, il-kandidati li jkunu fil-Gvern m’għandhomx jużawhom biex jieħdu xi vantaġġ minnhom”: hekk tgħid ir-regola 251. Dawn l-istess regolamenti, lil Abela jfakkruh li min jabbuża mir-riżorsi tal-istat jikkundannawh regoli internazzjonali bħalma hu l-Artiklu 9 tal-konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-korruzzjoni.
Ir-regola 252 ma tistax tkun iktar ċara minn hekk: “Il-kandidati li jkunu fil-Gvern ġieli jkunu jistgħu jużaw b’xejn is-servizz postali biex lill-pubbliku jikkomunikawlu l-atti governattivi tagħhom. Imma li qabel l-elezzjoni tintbagħat propaganda partiġġana għandu jitqies abbuż ta’ dan is-servizz b’xejn”.
Imma Abela, lejlet l-elezzjoni, mhux biss lil pratikament kull familja bagħtilha ċekk ta’ mija jew mitejn Ewro, imma magħhom bagħat ukoll ittra ffirmata minnu u mill-Ministru Clyde Caruana.
Dik l-ittra hija propaganda pura. “Din l-amministrazzjoni, il-ħajja u l-għixien tal-familji Maltin u Għawdxin ipproteġiethom”: hekk jiftaħar il-gvern waqt li jgħid li “ħadna passi wkoll biex il-kontijiet tal-elettriku u l-prezz tal-fuel jibqgħu stabbli”. U stranament jisħaq li ngħatat “għajnuna diretta jew indiretta” ta’ 4 biljun Ewro.
Imma għal Abela dan mhux biżżejjed. Kiteb ittra oħra lil kull min irċieva ċekk ieħor, suppost għar-refużjoni tat-taxxa. Il-poter li ttih il-pożizzjoni tiegħu bħala persuna fil-gvern kien ċert li jisfruttah kemm jiflaħ b’tali mod li l-Kummissjoni ta’ Venezja ma ħallilhiex imqar dubju kemm jistmerr lilha u l-linji gwida taċ-ċajt tagħha.
Dan minn meta li l-prim ministru jikteb personalment lil kull min jirċievi refużjoni tat-taxxa? L-ittra tiegħu tistqarr li “ ’Il fuq minn 250,000 persuna għandhom jirċievu dan l-inċentiv li l-gvern żiedu sostanzjalment”. U jkompli jiftaħar li “Din il-politika rnexxiet bil-kbir għax f’seba’ snin l-impiegi żdiedu bi 80,000”.
“L-ekonomija Maltija malajr reġgħet ġiet f’tagħha u issa qiegħda f’qagħda li tista’ tkompli tkattar il-ġid”. U din kellu jgħidha – “Din ir-refużjoni tat-taxxa hija ġest ta’ apprezzament għas-sehem li inti tagħti biex tibni pajjiż aħjar għal uliedna”.
Abela qed jipprova jiskansa l-għarqa u jżomm f’wiċċ l-ilma. Sirna nafu li l-villa li fl-2017 xtraha għall-prezz ta’ 600,000 Ewro inbniet illegalment fuq art ODZ. Qabel l-1994 din il-propjetà ġiet estiża għal 352 metru kwadru. Imma ftit ġimgħat biss qabel ma xtraha Abela fl-2017 – meta kien l-avukat tal-Awtorità tal-Ippjanar – ġew sanzjonati l-illegalitajiet.
U meta sfidawh dwar il-koinċidenza tal-meravilja, meta propjetà li kienet ilha illegali sa mill-1994, ġiet irregolarizzata preċiż qabel m’akkwistaha l-avukat tal-Awtorità tal-Ippjanar, Abela sploda. “Għax ma tagħtux titwila lill-permess 499 tal-2019,” irribatta. Abela kien qed jipprova jħammeġ lil Bernard Grech. “Il-villa tiegħu nbiet illegalment,” gideb Abela, “irregolarizzaha biss preċiż qabel ma sar Kap tal-PN”.
L-applikazzjoni 499/19 tinvolvi biss xi tibdiliet żgħar u talba biex il-pannelli PV fuq il-bejt jiġu sanzjonati. U din l-applikazzjoni saret fil-15 ta’ Novembru 2018. Grech sar kap tal-PN fit-3 t’Ottubru tal-2020, kważi sentejn sħaħ minn meta saret dik l-applikazzjoni.
U Abela kiser regola oħra tal-Kummissjoni ta’ Venezja: “L-abbuż mir-riżorsi tal-Istat jinkludi wkoll l-użu tar-riżorsi tal-gvern biex jikkalunjaw u jwaqqgħu għaċ-ċajt il-partiti fl-oppożizzjoni”.