Il-fondi min-negozjanti l-kbar lill-partiti politiċi jxaqilbu iktar lejn il-partit Laburista, imma l-partit iddikjara inqas donazzjonijiet mill-partit Nazzjonalista

Il-PL iddikjara li nefaq inqas mill-PN fl-elezzjoni ġenerali tal-2017 minkejja li kellu kampanja li ovvjament qamet ħafna iktar.

Skont rapporti uffiċjali mgħoddija lill-Kummissjoni Elettorali, kumpanniji Maltin kbar, l-aktar dawk fl-industrija tal-bini, ilhom mill-inqas sa mill-2016 jiffinanzjaw il-partit Laburista. 

Imma skont dawn l-istess rapporti, bejn l-2016 un l-2018, il-PL iddikjara li irċieva inqas donazzjonijiet mill-PN. Iddikjara wkoll li nefaq inqas mill-Partit fl-Oppożizzjoni matul il-kampanja elettorali tal-2017, anki jekk huwa ovvju li lill-PN għaddieh sew f’kemm nefaq.

The Shift analizzat l-ewwel rapporti tad-donazzjonijiet sottomessi lill-Kummissjoni Elettorali bejn l-2016 u l-2018: jidher li l-PN iddikjara li irċieva iktar minn 6 miljun Ewro f’donazzjonijiet, waqt li l-PL, li matul dan iż-żmien kien fil-Gvern, iddikjara li irċieva inqas minn 4 miljun Ewro (ara t-tabella).

Fl-istess ħin, il-PN iddikjara li f’dawn it-tliet snin, ma kienx irċieva donazzjonijiet akbar minn 7,000 Ewro minn entitajiet kummerċjali. Min-naħa l-oħra, il-PL iddikjara li kien irċieva donazzjonijiet kbar minn entitajiet kummerċjali fl-2016 u fl-2017 (is-sena tal-elezzjoni), imma ma baqax jiddikjarahom għas-sena 2018.

 

Fl-aħħar elezzjoni ġenerali li saret f’Ġunju tal-2017, il-PL iddikjara li nefaq biss miljun Ewro punt wieħed, anqas mill-miljun Ewro punt tlieta li ddikjara li nefaq il-PN għall-istess kampanja. U dan minkejja dak li qed jerġa’ jiġri issa, għax il-PL kellhom kampanja elettorali ħafna iktar tlellex u tiswa flus minn dik tal-PN.

Fl-2016 daħlet fis-seħħ il-Liġi dwar il-Finanzjament tal-Partiti, u l-partiti politiċi kollha kellhom jissottomettu lill-Kummissjoni Elettorali kopja tal-kontijiet ivverifikati ta’ kull sena, kif ukoll rapport dwar id-donazzjonijiet li jkunu rċevew.

Dawn ir-rapporti kollha ġew ippreżentati sas-sena 2018 imma għas-snin 2019 u 2020 ma ġie ppubblikat l-ebda rapport, għax il-PL, ir-rapporti tiegħu għadu m’għaddiehx lill-Kummissjoni Elettorali. F’dan l-istess żmien, anki jekk tard, il-PN issottometta r-rapporti tiegħu; imma l-Kummissjoni għadha qed tistenna r-rapporti tal-PL biex tippubblika kollox.

Fil-Kummissjoni hemm rappreżentanza biss tal-PL u tal-PN: din iddeċidiet li tagħti ‘konċessjoni’ dwar meta jridu jiġu sottomessi r-rapporti għall-2019 u l-2020. Issa dawn ir-rapporti jridu jiġu ppreżentati “biss wara tliet xhur minn meta l-Gvern jiddeċiedi li jneħħi r-regolamenti dwar il-kuntatt soċjali minħabba l-Covid”.

Dan ifisser li minħabba din il-konċessjoni bla terminu dan il-perjodu ta’ tliet xhur għad irid jibda.

Lil The Shift, l-operaturi finanzjarji qalulha li s-sottomissjoni ta’ dawn ir-rapporti hija pass fid-direzzjoni t-tajba, imma b’dan kollu dawn il-miżuri ma tantx jistgħu jittieħdu bis-serjetà, għax il-partiti għandhom ħafna minn fejn jiżgiċċaw fid-dikjarazzjonijiet li jagħmlu, speċjalment għal dawk li huma d-donazzjonijiet.

Barra minn hekk, hija ħaġa kważi impossibbli li wieħed jivverifika dak li jiddikjaraw il-partiti politiċi.

Id-donaturi l-kbar tal-PL

Skont il-liġi, il-partiti politiċi ikollhom jiddikjaraw biss isem il-benefatturi meta s-somma tkun akbar minn 7,000 Ewro, kemm fil-każ ta’ donazzjoni minn kumpannija kif ukoll minn individwu.

Il-PN iddikjara li l-parti l-kbira tad-donazzjonijiet jiġu mill-ġbir tal-fondi, speċjalment mit-teleton, u l-parti l-kbira tad-donazzjonijiet mill-istess persuna ma jaqbżux il-50 Ewro. Iddikjara wkoll li ma rċieva ebda donazzjoni ikbar minn 7,000 Ewro.

Mill-banda l-oħra, lill-PL, il-kuntratturi l-kbar għaddewlu donazzjonijiet b’mod regolari, speċjalment qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali. 

Fl-2016 il-PL iddikjara li rċieva l-eluf minn għand Attard Brothers Company Ltd u minn għand il-kumpannija sussidjarja tagħha Eurocraft Ltd, kumpanniji li huma l-propjetà ta’ Michael Attard mill-Mosta. 

Donazzjonijiet oħra kbar iddikjaraw li tawhom lill-Pl il-familja Vella mill-Imġarr, propjetarji ta’ Hal Mann Vella Ltd; BV Formosa Co Ltd, propjetarji tal-Bella Vista Hotel, il-Qawra; Camland Ltd li sidha huwa Charles Camilleri, magħruf bħala Tal-Franċiż; u l-iżviluppaturi l-kbar George Muscat, Adrian Muscat u Paul Attard, is-sidien ta’ GAP Holdings.

Dawn l-intrapriżi l-kbar kollha b’xi mod kellhom x’jaqsmu mal-gvern Laburista, speċjalment f’dawk li huma direct orders u l-permessi mill-Awtorità tal-Ippjanar għal proposti kbar ta’ żvilupp.

Charles Camilleri bħalissa huwa d-direttur ta’ Jerma Developments Ltd, flimkien ma’ Joseph Portelli, ras kbira minn Għawdex li jagħti d-donazzjonijiet lil Pl mingħajr ma jgħid: il-Jerma Hotel, f’Marsascala jrid jibdilha fi żvilupp residenzjali mħallat.

Kien hemm ukoll il-proġett tal-yacht marina li ppropona l-PL, intiża biex l-iżvilupp tal-Jerma, tagħmlu iktar attraenti: imma minħabba l-għagħa li qam min-naħa tal-pubbliku, dan il-proġett twaqqaf in vista tal-elezzjoni ġenerali li dalwaqt għandha ssir.

Fl-2016, il-PL ddikjara li rċieva donazzjoni ta’ 10,000 Ewro minn Seaview and Sons Ltd – is-sidien tal-pompa tal-petrol Pit Stop f’Ħ’Attard. Ftit ġranet ilu, dawn l-istess sidien ingħataw permess biex il-pompa tal-petrol li għandhom Marsascala jirduppjawlha d-daqs u b’hekk ħadu 1,500 metru kwadru ieħor ta’ art agrikola.

Fl-2017, waqt l-kampanja elettorali, is-sidien tas-supermarkets Pavi u Pama daħħlu idejhom fil-but biex lil Joseph Muscat jgħinuh jerġa’ jsir prim ministru.  

Skont ir-rapport tal-PL stess, f’Ġunju tal-2017 irċieva donazzjoni ta’ 15,000 Ewro minn għand ċerta Marlene Gauci. Ma ngħatawx dettalji dwar min hi din il-persuna ġeneruża li toqgħod il-Magħtab, imma fil-fatt tiġi mart Paul Gauci, li huwa sid għadd ta’ kumpanniji, fosthom dawk li għandhom il-kumpless ta’ Pama, il-Mosta u d-ditta Zara, Tas-Sliema.

Kuntrattur ieħor, Tarcisio Galea Properties Ltd ukoll għamel donazzjoni ta’ eluf ta’ Ewro lill-PL fl-2017. Galea huwa mill-Mosta wkoll, u huwa mdaħħal f’ħafna negozju ieħor.

Nafu li l-PL u membri Parlamentari individwali jirċievu d-donazzjonijiet minn ħafna nies oħra fin-negozju, speċjalment minn għand dawk li huma kuntratturi. Pero s’issa għadha ma saret l-ebda dikjarazzjoni dwar dawn id-donazzjonijiet. Il-bieraħ stess The Shift żvelat il-fatt li Robert Abela kien il-mistieden tal-unur għal pranzu organizzat Għawdex mill-iżviluppatur Joseph Portelli flimkien ma’ kuntratturi oħra, lejlet l-iktar okkażjoni reċenti ta’ ġbir ta’ fondi mill-PL.

Skont il-liġi li għaddiet fl-2015, “il-partiti politiċi ma jistgħux jirċievu donazzjonijiet li evidentement isiru jew bl-iskop li wieħed jingħata xi vantaġġ finanzjarju jew politiku, jew inkella bħala tpattija għal vantaġġi bħal dawn”. 

F’Malta qatt ma introduċejna liġi li tirregola il-finanzjament tal-partiti mill-Istat, kif hemm f’ħafna stati membri oħra tal-Unjoni Ewropea. Liġi bħal din il-PN huwa favuriha imma l-PL huwa kontriha.

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo