Minn talba abbażi tad-dritt għall-Informazzjoni Ħielsa nsiru nafu li tħallset minkejja li żammet is-salarju tagħha ta’ Membru Parlamentari u ngħatat ukoll pożizzjoni oħra bi ħlas ta’ 10,000 Ewro fis-sena.
The Shift jista’ jiżvela li wara li kellha tirriżenja minn segretarju parlamentari fi Frar tal-2021, l-MP Laburista Rosianne Cutajar ingħatat 28,000 Ewro mill-fondi tal-istat bħala benefiċċju terminali minkejja li żammet is-salarju tagħha bħala MP u ngħatat ukoll pożizzjoni oħra bi ħlas ta’ 10,000 Ewro fis-sena.
Cutajar kellha tirriżenja minn segretarju parlamentari fi Frar tal-2021 wara li l-Kummissarju għall-Istandards ħareġ rapport u kkundannaha talli kienet involuta f’senserija għal propjetà li tiswa 3 miljun Ewro punt wieħed, u din il-biċċa negozju kien involut fiha Yorgen Fenech, akkużat li kkummissjona l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Lil Cutajar kienu qed jiġru warajha biex tagħti lura is-senserija ta’ 46,000 Ewro li kienet ġa tħallsu minkejja li sfaxxja dan il-bejgħ wara li arrestaw lil Fenech f’Novembru 2019.
Minkejja li Cutajar irriżenjat, il-Prim Ministru Robert Abela ma ġegħelhiex iċċedi is-siġġu parlamentari tagħha. U għalkemm baqgħet tirċievi l-ħlas ta’ Membru Parlamentari, l-eks Sindku ta’ Ħal Qormi xorta tħallset il-benefiċju terminali talli kellha ċċedi postha, anki jekk bħala segretarju parlamentari għamlet biss tnax-il xahar. U dan kollu kien ikkonfermat minn tweġiba għal talba skont id-dritt għall-Informazzjoni Ħielsa.
Cutajar tħallset salarju għal sitt xhur sħaħ, somma ta’ 28,000 Ewro. Apparti dan il-ħlas, Abela ħatarha president tal-Kumitat Parlamentari dwar is-Saħħa, xahrejn biss wara li kellha tirreżenja, u b’hekk żidilha ħlas ta’ 10,00 Ewro oħra fis-sena.
Minkejja li l-Kummissarju tal-Istandards lil Cutajar sabha ħatja li kisret l-etika, Abela ħalliha terġa’ tikkontesta l-elezzjoni għan-nom tal-Partit Laburista. U l-kampanja tagħha approvaha l-eks prim ministru ddiżonorat Joseph Muscat.
Cutajar, li għandha 34 sena, kienet ġurnalista ma’ ONE TV u daħlet fix-xena politika fl-2012 meta nħatret sindku ta’ Ħal Qormi.
Huwa magħruf li hija viċin ħafna ta’ Keith Schembri, l-eks Chief of Staff fl-OPM ta’ Muscat, li qed jiffaċċa serje ta’ akkużi ta’ reati kriminali. Irnexxielha tidħol il-parlament fl-2017. Fil-frattemp l-OPM tawha diversi xogħlijiet mal-Gvern, inkluż il-ħatra tagħha bħala Kummissarju għas-simplifikazzjoni u t-tnaqqis tal-burokrazija, biċċa xogħol li tagħha ngħatat 43,000 Ewro fis-sena, barra mill-ħlas bħala membru parlamentari.
F’dan iż-żmien Cutajar qajla kienet tidher l-uffiċċju, u dil-pożizzjoni tneħħiet meta leħqet segretarju parlamentari.
The Shift ippubblikat ħafna rapporti dwar l-iskema ‘sigrieta’ tal-benefiċċji terminali u tranżitorji, irriżervata għall-membri tal-kabinett li jirriżenjaw, u żvelat kif Joseph Muscat tħallas 120,000 Ewro mit-taxxi tal-poplu, wara li l-iskema biddilha darbtejn għall-benefiċċju tiegħu stess.
L-emendi li introduċa Muscat, Abela irrifjuta li jippubblikahom, u bħala raġuni semma l-‘kunfidenzjalità’ tad-deċiżjonijiet tal-kabinett. U għat-talba skont id-dritt għall-Informazzjoni Ħielsa, it-tweġiba kienet li ma kienx hemm dokumentazzjoni dwarha.
The Shift żvelat ukoll li bħala parti mill-pakkett ta’ benefiċċji li ngħata Muscat, Abela ddeċieda wkoll li lill-predeċessur tiegħu jħallih juża propjetà pubblika f’Sa Maison bħala l-uffiċċju privat tiegħu.
Muscat mhu involut f’ebda xogħol governattiv u allura l-fatt li qed jokkupa biċċa propjetà pubblika mhux skont il-liġi. Dil-ħaġa lanqas mhi xi ħaġa li jista’ jiddeċidiha l-prim ministru fid-diskrezzjoni tiegħu. L-ebda prim ministru ieħor ta’ Malta qatt ma ngħata biċċa propjetà pubblika għall-użu personali tiegħu.