Iħallu warajhom serje ta’ proġetti falluti x-sheiks sinjuruni involuti fi Smart City

The Shift eżaminat id-Dubai Holding, il-kumpannija kbira real estate mill-UAE, li għandha sehem maġġoritarju fi Smart City (Malta) Ltd

 

You can read the article in English here

Smart City Malta hija proġett ta’ Dubai Holding, il-kumpannija sussidjarja tal-intrapriża real estate tal-gvern tal-UAE, imma żgur mhux l-uniku proġett li ma mexiex mal-kundizzjonijiet oriġinali tal-ftehim. Dan stabbilietu The Shift bis-saħħa tar-riċerka li għamlet, wara li l-gvern Malti dan l-aħħar iddeċieda li l-parametri tal-ftehim jibdilhom.

Hemm proġetti jixtiebhu fl-Indja u fil-Marokk li ġralhom l-istess – l-ewwel ma jitlestewx, imbagħad jinbidlu fi proġetti residenzjali li jħallu ħafna iżjed qligħ personali minflok l-investiment fl-ekonomija u l-wegħda tal-ħolqien ta’ ħafna impiegi.

It-tlett ċittadini mill-Emirati li qegħdin fil-bord tad-diretturi ta’ Smart City (Malta) Ltd huma Khalid al Malik, Jassim al Abdool u Majed Mohammed Khamis Sabt Al Suwaidi. Smart City Dubai FZ-LLC, il-kumpannija sussidjarja ta’ Dubai Holding, għandha l-maġġoranza tal-ishma fi Smart City (Malta) Ltd.

Bis-saħħa tal-ftehim il-ġdid ta’ Smart City Malta, irratifikat mill-gvern Malti, dawn it-tliet negozjanti sinjuruni, issa għandhom iktar libertà f’dak li jridu jagħmlu bil-biċċa art enormi li xtraw il-Kalkara fl-2007.

Al Malik jidher bħala d-direttur maniġerjali ta’ Dubai Holding, mentri Abdool huwa d-direttur esekuttiv ta’ Dubai Holding Real estate. Al-Suwaidi huwa d-direttur maniġerjali ta’ tlett kumpanniji sussidjarji fi ħdan it-TECOM Group. It-TECOM Group jagħmel parti wkoll mill-portafoll ta’ kumpanniji ta’ Dubai Holding.

Il-proġett ta’ Smart City f’Malta jinvolvi kważi wieħed minn ħamsa (17.55%) tal-art kollha tal-Kalkara – 316,000 metru kwadru minn total ta’ 1,800,000 metru kwadru ta’ art.

Fl-2007, il-gvern Malti iffirma ftehim li kellu jwassal għall-ħolqien ta’ belt tal-ICT, proġett li warajh kellu investiment ta’ 300 miljun Ewro, u kellhom jinħolqu 5,600 job, wegħda li qatt ma ssarrfet.

Mill-Kalkara għal Kakkanad

F’dik l-istess sena id-Dubai Holding kienet ħabbret proġett ieħor ta’ Smart City kważi identiku f’parti mill-Indja magħrufa bħala Kakkanad.

Dan il-proġett huwa magħruf bħala Smart City Kochi, u verament jixbah il-proġett ta’ Malta: id-daqs biss huwa differenti għax fuq medda ta’ għaxar snin, dan il-proġett kellu jwassal għal bini ta’ belt tal-ICT fuq medda art ta’ 800,000 metru kwadru u kellhom jinħolqu 90,000 impieg.

Bħal fil-każ ta’ Smart City Malta, fil-proġett ta’ Smart City Kochi, Malik u Abdool jidhru bħala diretturi.

Fl-2020, in-New Indian Express ippubblikat artiklu, u semmiet kif rappreżentant tal-gvern fil-bord ta’ Smart City Kochi allegatament kien ipprova jbigħ 120,000 metru kwadru art għal skop residenzjali minflok l-iżvilupp tal-IT li kien imwiegħed oriġinarjament.

L-attentat biex tinbigħ din l-art jixbah preċiż dak li ġara Malta bl-iżvilupp residenzjali ‘Shoreline’, u dan minkejja li fil-ftehim oriġinali kien hemm kondizzjonijiet speċifiċi għall-iżvilupp li kellu x’jaqsam mal-ICT.

Sentejn wara, l-istess sit tal-aħbarijiet ippubblika artiklu ieħor u qabbel is-Smart City Kochi ma’ hub tal-IT in-naħa l-oħra tat-triq, magħruf bħala Infopark: “sa ħdax-il sena wara li kien inawgurat”, dan il-proġett imwiegħed ta’ Smart City hub “ma rnexxilux iwettaq dak li kien wiegħed fil-bidu”.

Rajna l-pjan oriġinali li kienu ħabbru għal Smart City Kochi u qabbilnih mal-istampa tal-istess biċċa art kif tidher f’Google Maps: uħud mill-proġetti li kienu wegħdu għadhom qed jinbnew, imma għaddew għaxar snin u l-proġett għadu l-bogħod ħafna minn kif kellu jkun meta jitlesta.

Il-proġett propost ta’ Smart City Kochi

 

Stampa minn Google Maps tal-qasam fejn suppost kellu jinbena il-proġett ta’ Kochi ( l-Infopark qiegħed fil-parti magħluqa bl-aħmar)

Ir-rabta Rabat – Salè

Fil-website ta’ Dubai Holding, il-bijografija ta’ Al Malik tgħid li huwa “responsabbli wkoll għall-investimenti internazzjonali real estate tal-kumpannija f’Malta, f’Kochi u fil-Marokk; barra minn hekk jieħu ħsieb ukoll ir-relazzjonijiet strateġiċi mal-investituri lokali u internazzjonali, kif ukoll il-kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mat-treġija tagħha.”

Mir-riċerka li għamlet The Shift, jidher li fl-2005, Dubai Holding kienet ħabbret proġett ta’ żewġ biljun dollaru fil-Marokk, f’qasam magħruf bħala Bouregreg, li jiġi bejn il-bliet ta’ Rabat u Salè.

Dan il-proġett jixbah lil dawk f’Kakkanad u fil-Kalkara. Il-pjan ambizzjuż kien ħabbru r-re tal-Marokk ta’ dak iż-żmien, imma m’għandux x’jaqsam ma’ dak li wieħed jista’ jara llum f’Bouregreg.

Il-proġett ta’ urbanizzazzjoni propost bejn Rabat u Salè

 

Stampa minn Google Maps tal-istess qasam bejn Rabat u Salè kif għadu llum

 Oriġinarjament, b’dan il-proġett, medda art enormi ta’ 40 miljun metru kwadru kellha tinbidel f’distrett urban kompletament ġdid: kellhom jinbnew 2,000 appartament u 300 ħanut kif ukoll xi malls, xi ġonna u xi teatri.

Imma l-uniku struttura li tidher hija il-Grand Thèatre de Rabat li tlesta sentejn tard, is-sena l-oħra.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

1 Comment
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments
Saviour Farrugia
Saviour Farrugia
1 year ago

Dawn mhux l istess nies li kienu xtraw il maltacom hu li kellhom jaghmlu ict hub li jhadmu mal 5000 ruh?
Illum il maltacom ( Go) inbieghet hu propjeta taghha qeda tinbieh . Ezempju bkara exchange.

Related Stories

Il-VistaJet tiftaħ kawża ta’ €386 miljun kontra kumpanija rivali
Read in English. Il-kumpanija tat-titjiriet privati VistaJet, irreġistrata f’Malta,
Il-pulizija rċeviet l-investigazzjoni interna ta’ TM dwar l-iskandlu tar-RHIBs – l-ebda akkuża s’issa
Read in English. Transport Malta għadha kif ikkonfermat ma’

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo